(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Boċċina Ssir Mamà

Bħat-tfal kollha, Jana kienet tħobb ħafna l-annimali. Xtaqet li kieku kellha kelb jew qattus, imma d-dar ma kellhomx post fejn iżommuhom. It-tifla kellha biss fenek tal-Indi iswed u abjad, li kien il-mimmi t’għajnejha. Suppost kellu l-gaġġa tiegħu, imma aktar kont issibu barra milli ġewwa! Għax it-tifla kienet iġġorru magħha kull fejn tmur.
null
Paġna 1
Jana kienet tpoġġih fuq il-mejda ħdejha hi u tpinġi jew tikteb. U waqt l-ikel tressaqlu siġġu u tpoġġih bilqiegħda ħdejha. Jekk tkun qed taqra jew tara t-televixin kienet iżżommu f’ħoġorha, u jekk tmur xi dawra bir-rota kienet tpoġġih fil-qoffa li kellha mar-rota u tieħdu magħha. F’kelma waħda Jana u Fufinu kienu inseparabbli.
null
Paġna 2
Jum fost l-oħrajn, il-kuġina ta’ Jana, li wkoll kellha fenek tal-Indi, ċemplet biex tara jekk it-tifla xtaqitx toħdilha ħsieb il-fenek tagħha sakemm hi tkun xahrejn imsiefra. Jana tgħidx kemm ferħet! Issa mhux fenek wieħed kien se jkollha, imma tnejn. U Fufinu kien se jkollu ħabib biex iżommlu kumpanija fil-gaġġa kbira li kellu.
null
Paġna 3
“Nispera li l-fniek ma jiġġildux!” qaltilha l-kuġina. Dakinhar li Boċċinu ltaqa’ ma’ Fufinu kien mument tassew sabiħ. Iż-żewġt ifniek saru ħbieb mill-ewwel u bdew jilagħbu flimkien. Hekk il-kuġina serrħet rasha li setgħet issiefer bla ma jkollha moħħha f’Boċċinu, u Jana kienet kuntenta li l-fenek tagħha fl-aħħar kellu ħabib.
null
Paġna 4
Boċċinu kien fenek ta’ lewn ħamrani. Kien kwiet bħal Fufinu tagħha, u issa t-tifla qed ikollha żewġt ifniek iħarsu lejha hi u tistudja jew tiekol. Xi dawra bir-rota ma naqsitx li tmur u ħadithom it-tnejn magħha. U meta ta’ kull nhar ta’ Ħadd imorru jżuru lin-nanniet, kienet iġġorrhom magħha f’qoffa.
null
Paġna 5
Iż-żmien beda għaddej. Boċċinu ma deherx li kien għamel f’qalbu mingħajr sidtu, anzi kien kuntent u kien jiekol dak kollu li tagħtih Jana. Mhux l-ewwel darba li qabditu jnaqqar mill-ikel ta’ Fufinu wkoll! It-tifla bdiet tinnota li Boċċinu kien qed jeħxien. Għall-bidu ma tatx kas, imma aktar ma bdew jgħaddu l-ġranet, aktar bdiet tikbirlu żaqqu l-fenek.
null
Paġna 6
It-tifla tħassbet, imma l-ġenituri tagħha serrħulha rasha li diment li kien kuntent ma kienx jimporta. Imbagħad, la jmur lura f’daru, malajr kien jerġa’ jiġi kif kien qabel. Iżda Jana ma damitx wisq b’moħħha mistrieħ, għax bdiet tinnota li Boċċinu kien qed jaqagħlu xi pil minn żaqqu. U biex tinkwieta aktar intebħet li kien hu li kien qed jaqla’ l-pil tiegħu stess!
null
Paġna 7
Boċċinu baqa’ sejjer hekk għal xi jiem, tant li l-ġenituri tagħha wegħduha li kienu se joħduh għand il-veterinarju. Lill-kuġina ma wrietha b’xejn b’dan, biex ma tinkwetahiex. Wara kollox hi ma setgħet tagħmel xejn. Jana kellha seba’ mitt sena sa ma jasal is-Sibt, biex jieħdu lil Boċċinu għand il-veterinarju.
null
Paġna 8
Il-Ġimgħa filgħodu, bħas-soltu, malli qamet Jana resqet tittawwal il-fniek, li kienu fil-gaġġa tagħhom f’kamritha. Boċċinu kien mitluq la ġenba b’kemm kemm jiċċaqlaq f’kantuniera tal-gaġġa. It-tifla bdiet tibki kemm tiflaħ, “Ma, pa, ejjew ejjew! Boċċinu marid ħafna, miskin.” Iżda f’daqqa waħda b’għaġeb kbir għat-tifla, maġenb Boċċinu rat fenek tal-Indi ċkejken ħafna jiċċaqlaq.
null
Paġna 9
Xħin ħarset sew innutat li l-pil li kien qatta’ Boċċinu dak l-aħħar, u rekknu f’kantuniera, kien qed jiċċaqlaq ukoll! B’ħalqha miftuħ it-tifla ntebħet li mhux fenek wieħed biss kien hemm żgħir, imma ħafna. Kemm ferħet Jana u kemm ferħet aktar il-kuġina meta għarrfitha bl-istorja kollha! Boċċinu, jew aħjar Boċċina, kienet saret mamà u Fufinu tagħha kien sar papà!
null
Paġna 10
Tmiem