
“Tfal, illum irridkom tpinġu l-frotta favorita tagħkom,” beda jgħid is-Sur Sant lill-klassi li kellu quddiemu. “Tinsewx li d-disinn bil-lapes tridu tagħmluh ċar kemm jista’ jkun u meta tiġu biex tpinġu biż-żebgħa oqogħdu attenti li ma żżellġux jew toħorġu mil-linja,” kompla jispjega l-għalliem. “Ser nagħti l-marki fuq it-tpinġija u l-isbaħ tlieta ser jiġu esebiti fuq il-bord tan-notifiki.”
Is-Sur Sant kien għalliem tal-arti. Kellu diversi klassijiet ta’ etajiet differenti; minn tfal sa anzjani. Però l-aktar klassi għal qalbu kienet dik li kellu quddiemu dak il-ħin; l-iżgħar klassi, mhux mid-daqs imma mill-età. Kienu bniet u subien ta’ madwar tmien snin. Ilkoll kienu jiġu għal-lezzjoni ħerqanin, u kienu joqogħdu b’seba’ għajnejn għal kulma jgħidilhom l-għalliem.





