(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Babuxka u l-Ħobż Iswed
Babuxka kienet mara xwejħa mir-Russja. Kienet toqgħod waħidha fil-foresta. Imma kienet kuntenta għax ma kien jonqosha xejn. Darha kienet żgħira u magħmula mill-injam. Kellha daqsxejn ta’ ġnien fejn kienet tkabbar il-ħaxix għall-ikel.
Paġna 1
“Kemm m’għandix xi ngorr!” kienet tgħid waħidha. “Ma jonqosni xejn.” Kienet mara li tħenn għal kulħadd. Kellha qalbha tajba. Meta xi ħadd ikun għaddej minn dawk in-naħat kienet tgħidlu, “Ieqaf għandi u strieħ ftit.”
Paġna 2
Darba waħda kienet barra, tressaq il-borra minn quddiem id-dar. Kienet kesħa kbira. F’daqqa waħda waqfu quddiem il-grada tlitt irġiel li kienu libsin sabiħ. “L-għodwa t-tajba, Sinjuri. Nista’ ngħinkom f’xi ħaġa?” qaltilhom. “Kieku tista’,” qalulha. “Ilna nivvjaġġaw ħafna għax ġejna minn pajjiż ’il bogħod. Nixtiequ ftit ikel sħun u sodda fejn nistrieħu.”
“Għaddu,” qaltilhom. “Bil-kappell li għandi nsellmilkom. Għandi ħobż iswed li ħmejt dalgħodu stess. Imma sodda waħda għandi għax jien ngħix waħdi. Naħseb li hi kbira biżżejjed li torqdu fiha t-tlieta li intom.”
Paġna 3
Kielu u xorbu u nxteħtu jorqdu. Huma u reqdin, ix-xwejħa bdiet taħmi l-ħobż iswed għall-għada. Bdiet taħseb, “Sa fejn naf jien, in-nies jorqdu billejl u jivvjaġġaw binhar. Kif iqumu nistaqsihom għaliex jivvjaġġaw billejl.” Filgħaxija t-tlitt irġiel qamu. Bdew jaħsbu biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom. “Sinjuri,” qaltilhom Babuxka, “x’kien li torqdu matul il-jum u tivvjaġġaw billejl? Mhix ħaġa faċli li taraw fejn sejrin billejl, mhux hekk?”
Paġna 4
“Ommi,” qalilha l-ewwel wieħed, “aħna tliet Slaten li ġejna minn pajjiżi fil-Lvant.
“Qed infittxu lit-tfajjel Ġesù,” qal it-tieni wieħed. “Ilna s-snin inħarsu fis-smewwiet. Konna nistennew li naraw kewkba speċjali. Issa fl-aħħar rajnieha. Jgħidu li taħt dik il-kewkba se jitwieled dan Ġesù. U hi se twassalna għandu biex nadurawh.”
Paġna 5
“Aħna nivvjaġġaw billejl,” kompla t-tielet Sultan, “ħalli nkunu nistgħu nimxu wara dik il-kewkba. Kull wieħed minna għandu rigal għat-tfajjel Ġesù.”
L-ewwel Sultan kellu f’idu d-deheb, it-tieni Sultan il-mirra u t-tielet l-inċens. Babuxka baqgħet mistagħġba b’dak kollu li semgħet. “Jaħasra, kemm nixtieq niġi magħkom!” qaltilhom. “Imma m’għandi xejn prezzjuż x’noffri bħala rigal. Forsi neħodlu ftit ħobż iswed milli naħmi. Jgħidu li huwa l-aqwa ħobż f’din il-foresta.”
Paġna 6
“Ejja magħna, ommi,” qalilha l-ewwel Sultan. “Imma trid titlaq minn idek u tiġi issa stess. Għax inkella ma narawx il-kewkba.” “Mhux issa,” qalet ix-xwejħa. “Irrid innaddaf il-kċina u nagħmel is-sodda. Ma tistgħux tistennewni ftit?” Is-Slaten ċaqalqu rashom. “Ma nistgħux nitilfu minuta oħra. Jekk tgħaġġel ejja lħaqna.” Irringrazzjawha għal kulma għamlet magħhom u telqu. Babuxka lestiet is-sodda u naddfet il-kċina. Geżwret il-ħobż iswed u dawret xalla ħoxna ma’ għonqha. Fetħet il-bieb ta’ barra u fittxet il-kewkba. Imma qalbha riedet tinqasam. Il-kewkba ma kinitx tidher. Lanqas ma setgħet tara l-passi tas-Slaten fil-borra. Il-passi tagħhom kienu tgħattew bil-ħafna borra li niżlet.
Paġna 7
“Kien imissni tlaqt magħhom,” bdiet tgħid Babuxka. “Ma jimpurtax. Immur infittixhom. Xi ħadd żgur li rahom għaddejjin. Malajr insir naf minn fejn għaddew.”
Imxiet u mxiet fil-borra. Ma’ kull min iltaqgħet staqsiethom, “Rajtu tliet Slaten għaddejjin minn hawn?” Iżda baqgħet mingħajr tweġiba.
Paġna 8
Il-ġranet saru ġimgħat. Il-ġimgħat saru xhur. Għajjiena u bil-ġuħ, Babuxka baqgħet tfittex lit-tliet Slaten. Wara ħafna xhur iltaqgħet ma’ wieħed li kien qed jivvjaġġa.
“Ma rajtx tliet Slaten li kienu qed ifittxu lit-tfajjel Ġesù?” staqsietu.
“Tliet Slaten ma rajtx,” weġibha dak, “imma smajt bit-twelid ta’ tifel li għad ikun Sultan kbir. Twieled mhux ’il bogħod minn hawn, f’belt jisimha Betlem. Imma stenna. Inti tidher għajjiena u marida biex tibqa’ sejra.”
“Ili ħafna u ħafna nivvjaġġa. Iżda m’iniex se nieqaf issa.”
Paġna 9
Baqgħet sejra u fl-aħħar waslet Betlem. Rat waħda mara taħsel il-ħwejjeġ ħdejn bir. “Fejn insib lit-tfajjel Sultan li jismu Ġesù?” staqsietha. Il-mara bdiet tidħaq. “Jekk temmen dik l-istorja,” qaltilha, “temmen kollox. Imma jekk trid taf, dak it-tfajjel u l-familja tiegħu telqu minn hawn. Kienu joqogħdu fi stalla, hemm fuq dik l-għolja. Qed taraha?”
Paġna 10
Babuxka telgħet l-għolja. L-istalla kienet vojta. Kien hemm biss ħmara u baqra. “Jaħasra, ma lħaqthomx!” qalet imdejqa Babuxka. “Ħa nqiegħed il-ħobż iswed fil-maxtura. B’hekk it-tfajjel Ġesù jkun jaf li jien ġejt. Issa llejla norqod hawn u għada nerġa’ lura d-dar. Ħa norqod ħdejn il-ħmara għax il-kesħa llejla.”
Paġna 11
Ix-xwejħa ma damitx ma raqdet. Kienet raqda twila u fil-fond. Qajjimha dawl qawwi u sabiħ li ġie mir-rokna tal-istalla. “Babuxka! Babuxka!” qal leħen ta’ tifel żgħir. “Jien hawn. Qum u ejja miegħi.” “Int min int?” qalet Babuxka, imbeżżgħa. “Kif, ma tafx? Ilek tant tfittixni! Jiena t-tfajjel Ġesù.” “Ġesù, kemm ili nixtieq narak!” “Ejja, imxi fid-dawl tiegħi, Babuxka. U ħallini nżommlok idek.” L-għada filgħodu sabu lix-xwejħa mejta. Kienet kobba fuq it-tiben. Ħdejha kien hemm il-ħmar. Donnu kien qed jieħu ħsiebha.