oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Amorin għal Geraldine

null
Il-kappillan kien qiegħed jorganizza t-tqassim tar-rigali tal-Milied permezz ta’ raġel liebes ta’ Santa Klaws. Il-mamà ta’ Geraldine tħajret tibagħtilha rigal b’dan il-mod u, biex żgur ir-rigal jogħġobha xtaqitha tagħżlu hi.
“Int x’rigal tixtieq mingħand Santa Klaws għall-Milied, Geraldine?” staqsietha.
“Jien nixtieq amorin, mamà,” weġbitha t-tifla. “Inpoġġih f’dik il-gaġġa li għandna fil-kamra tal-bejt, dik li fiha l-papà kellu kanarin. Dak kien mietlu, hux, mamà?”
“Iva, kien miet bix-xjuħija għax kien ilu għandu xi għaxar snin. Il-gaġġa tkun tista’ tpoġġi l-amorin fiha kieku, imma Santa Klaws ġugarelli jġib bħala rigali, mhux annimali u għasafar ħajjin! Aħseb f’xi ġugarell jew ktieb sabiħ, Geraldine.”
Paġna 1
null
Geraldine amorin xtaqet, mhux ġugarell. Għalhekk għamlet ftit tal-geddum. Imma l-għada l-mamà bagħtet lit-tifla ġġibilha lumija mill-ġnien li għandhom fuq wara tad-dar u hekk kif resqet lejn is-siġra tal-lumi t-tifla lemħet amorin ċelesti fuq waħda mill-friegħi. Kien imkebbeb donnu mgħaxxex, imma Geraldine bdiet tpespislu u ħarġitlu idha biex tistiednu jiġi fuqha. U kien dan li għamel l-għasfur.
Paġna 2
null
It-tifla daħlet mill-ġnien u marret tħaffef bl-amorin fuq sebagħha lura ħdejn ommha fil-kċina. “Ara, mamà,” qaltilha eċitata, “Santa Klaws kien jaf li nixtieq amorin u bagħatli wieħed fil-ġnien. Naħseb li Santa Klaws semagħna nitkellmu lbieraħ… Ara kemm hu fidil, mamà! Ġa jaf joqgħod fuq sebgħi!”
Paġna 3
null
Il-mamà ndunat li l-għasfur kien bil-ġuħ, u għalhekk kien jidher mgħaxxex. Imma ma kellhiex skalora x’titimgħu. Għalhekk farrket biċċa kejk fuq il-pala ta’ idha u ressqitha qrib l-għasfur. Dan qabeż għal fuq idha u beda jiekol bil-qalb. Kien ilu ftit sew ma jiekol. Il-mamà qalet lil Geraldine titla’ fil-kamra tal-bejt u tniżżel il-gaġġa vojta. Poġġew l-għasfur ġo fiha u tawh iktar frak tal-kejk u ilma nadif x’jixrob.
Paġna 4
null
“Dan l-amorin ħarab lil xi ħadd, binti,” qalet imbagħad il-mamà. “Aktarx li sidu rabbieh mindu kien żgħir u ilu ħafna jgħallmu. Għalhekk hu daqshekk mans li joqgħod f’idejk. Ma nistgħux inżommuh aħna. Jekk insibu min hu sidu nagħtuhulu.”
Geraldine sewdet qalbha u bdiet tibki. Lil dak l-amorin kienet saret tħobbu mad-daqqa t’għajn u xtaqet iżżommu. Daħħlet idha fil-gaġġa u l-għasfur reġa’ qagħad fuq sebagħha. “Ara kemm iħobbni, ma! Ġa drani għax jaf li nħobbu.”
Paġna 5
null
Waranofsinhar raġel xwejjaħ jismu Ġorġ, wieħed mill-ġirien tagħhom, mar iħabbtilhom il-bieb. Qalilhom li kien ħarablu Billy, l-amorin favorit tiegħu, u xtaqhom jaraw jekk kienx mar fil-ġnien tagħhom. Qalilhom li kien ta’ lewn ċelesti u kien għal qalbu ħafna. Hu kien joqgħod waħdu u kien jedha jilgħab ma’ dan l-amorin.
Paġna 6
null
Geraldine marret iġġib il-gaġġa u bid-dmugħ f’għajnejha tat l-amorin lil sidu. Ix-xwejjaħ tgħidx kemm feraħ li kien reġa’ sabu u, għalkemm induna li t-tifla xtaqet iżżommu, talabha tisilfu l-gaġġa u telaq lejn id-dar bl-amorin.
Paġna 7
null
Xi nofs siegħa wara, ix-xwejjaħ Ġorġ reġa’ lura għandhom bil-gaġġa, imma ma kinitx vojta. Kien fiha żewġ amorini; raġel aħdar u mara ċelesti. “Hawn, ħa, ċkejkna,” qal lit-tifla, “ġibtlek par amorini talli tajtni lura l-favorit tiegħi. Ġibtlek tnejn għax wieħed waħdu jiddejjaq fil-gaġġa. Dawn minn tiegħi stess, għax jien irrabbihom. Għadhom frieħ u tista’ ddarrihom ikunu mansi bħal Billy. Malajr jidraw jieklu minn idejk.”
U Geraldine ħassitha se ttir bil-ferħ!
Paġna 8
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations