(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Aladdin u l-Lampa Maġika

Darba waħda kien hemm tifel jismu Aladdin. Kien iħobb jilgħab barra fit-triq u x-xogħol kien jiskartah. Aladdin kien jgħix ma’ ommu u kienu fqar ħafna.
Jum fost l-oħrajn wasal raġel fid-dar ta’ Aladdin. Huwa qal li kien iz-ziju tiegħu u li kien għamel żmien imsiefer. Dan ma kienx veru għax ir-raġel kien saħħar kattiv. Is-saħħar qal lil Aladdin li kien se jgħinu jsir negozjant kbir u sinjur.
null
Paġna 1
L-għada filgħodu, is-saħħar ħa lil Aladdin miegħu fil-foresta. Waslu f’post fejn kien hemm ġebla kbira mal-art. Wara li ressqu l-ġebla fil-ġenb, is-saħħar ordna lil Aladdin biex jinżel it-taraġ kollu u jġiblu lampa antika mill-qiegħ ta’ dik il-ħofra fl-art. Din kienet lampa maġika. “Ilbes dan iċ-ċurkett. Dan għandu jgħinek jekk tiltaqa’ ma’ xi diffikultà meta tkun hemm isfel,” qal is-saħħar.
null
Paġna 2
Aladdin beda nieżel it-taraġ u ra ħafna teżori u ħaġar prezzjuż. Fl-aħħar irnexxielu jsib il-lampa maġika.
null
Paġna 3
“Meta Aladdin jitla’ bil-lampa noħodhielu minn idu u nħallih magħluq f’din il-ħofra,” qal is-saħħar.
Aladdin sema’ lis-saħħar jgħid dan il-kliem u għalhekk qallu, “Għinni nitla’ dan it-taraġ.”
“Newwilli dik il-lampa,” qallu s-saħħar.
“L-ewwel trid tgħinni,” għajjat Aladdin. Is-saħħar tant irrabja li permezz tal-maġija, għalaq il-fetħa tal-ħofra u telaq f’pajjiż ieħor ’il bogħod.
null
Paġna 4
Aladdin beża’ u beda jogħrok idejh billi kien qed iħoss il-bard. Bla ma jaf, beda jħokk iċ-ċurkett li tah is-saħħar. Fil-pront deher ġenju quddiemu.
“Jiena l-ġenju taċ-ċurkett. Itlobni li trid u nagħtik dak li tixtieq.”
null
Paġna 5
“Kulma rrid huwa li nerġa’ mmur lura fid-dar t’ommi,” ordna Aladdin. U f’kemm trodd salib sab ruħu quddiem il-bieb tad-dar tiegħu. Imbagħad qal lil ommu b’dak kollu li kien ġralu.
null
Paġna 6
“Kemm hi maħmuġa din il-lampa! Ħa nfarfarha ftit,” qalet omm Aladdin. Fil-pront ħareġ ġenju ieħor mil-lampa, li kien akbar mill-ġenju taċ-ċurkett.
“Jiena l-ġenju tal-lampa. Itlobni li trid u nagħtik dak li tixtieq,” qal il-ġenju.
Aladdin kellu l-ġuħ. “Ġibilna ħafna ikel,” ordna Aladdin. F’ħakka t’għajn il-mejda mtliet b'ikel u xorb fi platti tad-deheb u l-fidda. Aladdin u ommu lanqas riedu jemmnu lil għajnejhom.
null
Paġna 7
Wara xi żmien, Aladdin ra t-tifla tas-sultan. Tant ħa grazzja magħha li xtaq jiżżewwiġha. Mar id-dar ifittex il-lampa maġika u beda jogħrokha. Reġa’ tfaċċa l-ġenju u qallu, “Jiena l-ġenju tal-lampa. Itlobni li trid u nagħtik dak li tixtieq.”
null
Paġna 8
“Għandi bżonn ta’ xi ġojjelli u ġawhar biex nagħtihom rigal,” ordna Aladdin. U f’tebqa t’għajn il-ġenju ġab gabarrè tad-deheb mimli ġawhar u ġojjelli jleqqu u jlellxu.
null
Paġna 9
Omm Aladdin marret għand is-sultan u ppreżentatlu l-gabarrè bil-ġojjelli u l-ġawhar. “Dawn bagħathomlok ibni Aladdin,” qaltlu bil-ħlewwa.
Is-sultan, li tant kien rgħib, weġibha, “Dawn mhux biżżejjed, trid iġġibli iktar.”
Bl-għajnuna tal-ġenju, omm Aladdin reġgħet marret għand is-sultan b’aktar ġojjelli u ġawhar. Malli rahom, għajnejn is-sultan xegħlu bil-ferħ. U b’hekk ta l-permess lil Aladdin li jiżżewweġ lil bintu.
null
Paġna 10
“Ibnili palazz kbir biex fih ngħix mal-prinċipessa,” ordna Aladdin lill-ġenju.
U minnufih, Aladdin u l-prinċipessa sabu ruħhom f’palazz il-ġmiel tiegħu, mogħni bl-isbaħ għamara u b’numru kbir ta’ sefturi.
null
Paġna 11
Is-saħħar il-ħażin sar jaf bil-palazz ta’ Aladdin. Huwa libes ta’ bejjiegħ u għadda minn quddiem il-palazz ta’ Aladdin. “Lampi ġodda minflok dawk qodma! Lampi ġodda minflok dawk qodma!”
null
Paġna 12
Malli semgħet il-bejjiegħ, il-prinċipessa ħasbet li tibdel il-lampa li kellu Aladdin ma’ waħda ġdida. Billi ma kinitx taf li l-lampa kienet maġika, ħasbet li Aladdin kien se jieħu gost jekk jara lampa ġdida minflok dik li kellu.
Malli s-saħħar ħa l-lampa t’Aladdin f’idejh, beda jogħrokha. Kif il-ġenju ħareġ mil-lampa, is-saħħar ordnalu biex jieħu l-palazz ta’ Aladdin, lill-prinċipessa, kif ukoll lis-saħħar stess, f’art ’il bogħod ħafna. U minnufih il-ġenju obda u l-palazz ma deherx iktar!
null
Paġna 13
Meta Aladdin ġie lura u ma rax il-kastell, mill-ewwel induna li kien xogħol is-saħħar il-ħażin. Aladdin għorok iċ-ċurkett u ordna lill-ġenju taċ-ċurkett biex jieħdu ħdejn il-kastell u l-prinċipessa. U dlonk sab ruħu hemmhekk.
null
Paġna 14
Il-prinċipessa qalet lil Aladdin dwar il-lampa maġika u li s-saħħar kien joħodha kullimkien miegħu.
“Kif jasal is-saħħar il-ħażin, itfagħlu t-trab maġiku fit-tazza biex meta jixrob jorqod fil-fond,” qal Aladdin lill-prinċipessa. U hekk għamlet.
null
Paġna 15
Malli s-saħħar xorob mit-tazza u raqad, Aladdin ħadlu l-lampa maġika u għorokha mill-ewwel.
“Erġa’ ħu lilna u l-palazz tagħna f’art is-sultan minn fejn ġejna, iżda lis-saħħar ħallih hawn,” ordna Aladdin lill-ġenju.
U f’kemm ili ngħidlek il-palazz kien lura fir-renju tas-sultan. Is-saħħar il-ħażin qatt ma deher aktar. Aladdin u l-prinċipessa saru re u reġina u komplew jgħixu kuntenti għal ħafna snin.
null
Paġna 16
Tmiem