(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Tfajjel mill-Futur

null
Josef kien ilu jsib affarijiet neqsin mill-kamra tiegħu. Daqqiet isib żarbuna waħda, xi drabi ma jsibx il-lapes u bosta oġġetti tal-iskola donnhom kienu jisparixxu fix-xejn. Ġieli waħħal f’oħtu Amanda, iżda din dejjem qaltlu li ma għandhiex bżonn l-imbarazz tiegħu.
Għodwa waħda ġie mill-iskola daqsxejn inkwetat. Ma kienx sab il-ktieb tal-Malti. Miss Borda gergret ftit miegħu, quddiem sħabu. Tgħid kien ħallieh fuq l-iskrivanija u nsieh? Bilkemm kellu aptit jitrejjaq xħin wasal lura d-dar. Naqqar xi ħaġa tal-ikel u tela’ f’kamartu. Kellu ħafna xogħol tal-iskola iżda ftit li xejn kellu aptit jibda.
Imbotta l-bieb, waddab il-basket mal-art u ntefa’ wiċċu ’l fuq fuq is-sodda. Iżda minn taħt l-għajn induna li ma kienx waħdu fil-kamra. Deherlu li kien ra lil xi ħadd dritt dritt f’rokna tal-kamra. Reġa’ ħares bil-ħatfa… u nqaleb minn fuq is-sodda bil-ħasda li ħa. Bilwieqfa, skantat u maħsud aktar minnu jara tfajjel ftit stramb. Josef ma jafx jekk hux bil-qatgħa, iżda dat-tfajjel kien abjad karti. Kien liebes ilbies ileqq qisu tal-fidda. Kellu basket imdendel ma’ dahru u żewġ bottijiet bħal dawk tal-ossiġnu marbutin maċ-ċintorin.
“X’int tagħmel hawn?” staqsa t-tfajjel lil Josef.
“Kif, x’jien nagħmel hawn!” wieġeb Josef li issa kien reġa’ ġie f’tiegħu, “Din kamarti u int mhux suppost qiegħed hawn.”
Paġna 1
“Għandek raġun,” beda t-tfajjel li issa niżel kokka fl-art bilqiegħda b’rasu bejn idejh. “Jien suppost diġà qiegħed f’kamarti mhux bqajt l-art.”
Josef ma setax jifhem. “X’jiġifieri bqajt l-art? Mela int minn fejn ġejt, jaqaw waqajt mill-ispazju?” prova jiċċajta xi ftit nervuż.
“Le, xi spazju!” wieġeb it-tifel. “Jien ġej mill-futur. L-iskola qed nagħmlu proġett fuq kif kienu jgħixu n-nies ta’ qabilna. Għalhekk ġejt hawn biex niġbor xi oġġetti forsi jtuna ħjiel.”
“Prosit ħej!” nafar Josef. “U jien niġġieled m’oħti għax ħsibt li kienet qed toħodhomli hi u biex tagħqad, illum ma kellix il-ktieb tal-Malti. Jaqaw ħadtu int?”
“Ktieb, x’inhu ktieb?” tħasseb it-tfajjel. “Eħe, naħseb dan ara!” Malli qal hekk, neża’ l-basket, li nfetaħ waħdu, u ħareġ il-ktieb ta’ Josef. Dan kien pront ħadhulu minn idejh, imma xorta waħda ħassu ma qed jifhem xejn.
“Isma’ ftit,” beda biex jistaqsih Josef, “imma tista’ tgħidli kif ġejt hawn?”
“Faċli ħafna, bil-vettura tal-ħin,” irrispondieh l-ieħor u hekk kif ra lil Josef jiftaħ ħalqu qisu ħuta kompla jgħidlu, “din tivvjaġġa mal-miljun kilometru f’sekonda. Inti lanqas tinduna li ġiet u telqet. Illum tnikkirt ftit u tliftha. Daqskemm hawn affarijiet hawn! Lanqas naf x’se nieħu miegħi.”
Paġna 2
“Issa hawn qiegħed m’hemmx x’tagħmel,” qallu Josef. “Ikollok tistenna sakemm tiġi vettura oħra. Aħjar tgħidli x’ħadtli forsi nibda nagħmel xi xogħol tal-iskola. Qabelxejn, jien jisimni Josef, u int?”
“Elf,” wieġeb it-tfajjel.
“Elf, bħal numru?” skanta Josef.
“Hekk hu,” kompla Elf, “dak kien in-numru tal-inkubatur tiegħi. Tant ma baqgħalniex ossiġnu li meta titwieled tarbija jpoġġuha jiġru f’inkubatur. Il-ġenituri tat-tarbija tant ikunu ferħanin li t-tarbija ġejja b’saħħitha li jtuha n-numru tal-inkubatur fejn tkun. Jien inzertajt xortija tajba. Sieħbi kien f’inkubatur numru elfejn u mija u disgħa u disgħin! Tgħidx kemm idum jgħidu meta jistaqsuh x’jismu!”
Iż-żewġ subien daħku daħka flimkien. Mill-ewwel nibtet ħbiberija u Josef beda jurih l-affarijiet ta’ madwaru. Elf kien jiskanta u jerġa’ jiskanta u jistaqsi mistoqsija wara l-oħra. Malajr kien jifhem. Ried jara xi ħwejjeġ jilbes Josef u stagħġeb mhux ftit bil-ħwejjeġ tas-sajf imqaċċtin.
“Aħna ma nistgħux nilbsu ħwejjeġ ħfief u li jikxfu l-ġilda,” beda jgħidlu Elf. “Ix-xemx saret taħraq wisq. Ikollna nilbsu dan l-ilbies speċjali li jbiegħed ir-raġġi tax-xemx. Fuq għajnejna nilbsu dan l-għata iswed,” u mill-basket ħareġ bħal ċirku tond li jintlibes donnu nuċċali.
“Għandkom ilma?” staqsieh Josef. “Jikbru pjanti u siġar fil-futur?”
Paġna 3
null
“Dażgur li jikbru,” wieġbu Elf li issa beda jħossu importanti, “fil-laboratorju! Ix-xjenza għamlet avvanzi kbar. Għall-ilma għandna sistema li toħolqu mill-umdità. Għalhekk inbnew impjanti tal-ħġieġ li malli tintlaħaq it-temperatura li hemm bżonn, l-ilma jinġabar mid-distillaturi. Is-siġar u l-ħaxix jikbru ġewwa mingħajr problemi ta’ parassiti u fatturi oħra ambjentali.”
Josef baqa’ ċċassat lejh. Elf kien qisu xjenzat żgħir. Madanakollu ma kienx jaf x’inhu ktieb! Hekk kif kien medhi jaħseb, Elf ħares lejn xi ħaġa quddiemu u qam bilwieqfa.
“Tluq reġistrat!” qal filwaqt li minn ġol-basket ħareġ ċappetta tal-ħġieġ. “Hawn ħa din, sieħbi. B’din inkun naf il-ħin eżatt u l-vettura tal-ħin tliftha għax ma lbisthiex. Issa m’għandix x’nambiha għaliex dalwaqt ġejjin għalija. Il-proġett insemmih għalik ta’ kemm tajtni informazzjoni – Proġett Josef!”
F’daqqa waħda ġiet buffura riħ u Elf ma deherx iżjed. Josef libes iċ-ċappetta u filwaqt li sellem lil Elf mit-tieqa qallu, “Saħħa sieħbi, meta trid għaddi, anzi jekk tgħaddi sal-kamra t’oħti ssib ħafna aktar informazzjoni għall-proġett!”
Paġna 4
Tmiem