(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 9: Serq mill-ħanut tal-ħwejjeġ

Toni kien għadu kif daħal id-dar wara li ġie lura mill-quddiesa tal-Ħadd filgħodu. Dakinhar ma kienx mar ma’ martu Carmen għax din semgħet il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija. Fil-kċina sab lil martu titkellem ma’ Krista, bint oħt Carmen. Krista kellha ħanut tal-ħwejjeġ f’Tas-Sliema.
‘X’ġabek ’l hawn?’ staqsa Toni lin-neputija.
‘Ommi bagħtitilkom ftit qagħaq tal-għasel, kif soltu tagħmel f’dan iż-żmien,’ wieġbet Krista, li kienet qed tirreferi għal żmien il-Għid.
Imbagħad Toni kompla jistaqsiha kif kienu ommha u missierha, u qal lil Krista biex twassallu t-tislijiet.
Is-soltu l-qagħaq tal-għasel kienet teħodhom oħt Carmen stess lil oħtha, u r-raġuni li din id-darba ma sarx l-istess saret magħrufa meta Krista ħarġet mid-dar taz-zijiet.
Waqt li Toni kien qed jieħu t-te, martu bdiet tgħidlu li Krista kienet inkwetat għax mill-ħanut kienu qed jonqsulha ħwejjeġ ta’ ċertu valur. Krista qalet lil zijitha li l-ħanut kienet tiftħu u tagħlqu hi, u fl-ebda ħin ma kienet tħalli l-lavranta waħedha. Hija semmiet li kienet iżżomm rendikont tal-ħwejjeġ mixtrija u eventwalment mibjugħa, u f’sena sabet sitt ilbiesi nieqsa mingħajr ebda indikazzjoni li dawn kienu nbiegħu. Hija qalet ukoll li ma kienet tkellmet xejn dwar dan mal-ġenituri tagħha għax ma riditx tinkwetahom.
null
Paġna 1
‘Setgħu serquhomlha mill-ħanut,’ qal Toni meta martu staqsietu x’jaħseb dwar dan il-każ.
‘Skont Krista, bit-tagħmir ta’ siġurtà li għandha, ħadd ma seta’ joħroġ mill-ħanut b’oġġett li ma jkunx ħallas għalih,’ qalet Carmen, filwaqt li kompliet tistaqsi lil żewġha jekk Krista kellhiex tirrikorri għand il-Pulizija.
Toni wieġeb li Krista kellha bżonn aktar provi x’turi li kien qed isir is-serq mill-ħanut biex il-Pulizija tkun tista’ tieħu passi. Hawn Toni sar jaf ukoll li dakinhar Krista kienet marret għandu biex titlob lil Carmen twassallu dan it-tagħrif għax stħat tgħidhulu hi. Imma Toni ma riedx juri lil martu li kien se jgħin lil Krista għax ma riedx jikxef x’kien qed jagħmel man-neputijiet. Għalhekk Toni qal lil martu biex tgħid lil Krista li sakemm ma ssibx evidenza konkreta ma setgħet tagħmel xejn.
Minkejja din l-istqarrija, l-għada filgħodu Toni mar fil-ħanut ta’ Krista f’Tas-Sliema u l-ewwel kliem tiegħu kien: ‘Ara ma tgħidx liz-zija (b’referenza għal Carmen) li jiena ġejt inkellmek.’ Imbagħad Krista spjegatlu x’kien qed jiġri, filwaqt li wrietu x’kien jiġri jekk xi ħadd jipprova jisraq xi ħaġa mill-ħanut. Dan kien isir permezz ta’ oġġett elettroniku mwaħħal mal-ħwejjeġ li seta’ jitneħħa biss waqt il-ħlas. Issemma wkoll li min kien jipprova joħroġ mill-ħanut mingħajr ma jħallas, kien idoqq l-alarm.
null
Paġna 2
Toni għamel ħafna mistoqsijiet lil Krista. Waħda minnhom kienet ta’ min u fejn kienu jinżammu ċ-ċwievet tal-ħanut. Krista wieġbet li ċ-ċwievet kienet iżżommhom hi jew tħallihom id-dar fejn kienet toqgħod ma’ ommha u missierha.
Imbagħad, fl-ewwel laqgħa man-neputijiet, in-nannu qalilhom li kellhom każ ġdid u differenti mill-oħrajn. Talabhom ukoll li peress li kien hemm membru tal-familja mdaħħal, kellhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan il-każ. Imma l-ewwel xogħol tad-ditektivs tagħna kien kif se jsibu l-iskuża u jmorru man-nannu f’Tas-Sliema.
‘M’għandniex l-iskuża li se nieħdu l-laptop għat-tiswija?’ qalet Doris.
‘Importanti li Krista tkun taf meta sejrin u li dakinhar tiftaħ il-ħanut ftit minuti aktar tard mis-soltu,’ qal in-nannu mingħajr ma ta spjegazzjoni għaliex kellu jsir hekk.
Il-mawra f’Tas-Sliema saret is-Sibt ta’ wara, u fejn normalment Krista kienet tiftaħ il-ħanut fid-9:00 a.m., dakinhar fetħitu ftit aktar minn għaxar minuti wara. Dan ta ħin lil Doris tmur f’ħanut viċin u tistaqsi l-ħin tal-ftuħ tal-ħanut ta’ Krista. Doris kellha struzzjonijiet mingħand in-nannu biex tistaqsi aktar mistoqsijiet, fosthom jekk kinitx il-lavranta jew xi ħadd ieħor li jiftaħ il-ħanut. Imma t-tweġiba kienet dik li n-nannu kien diġà ħa mingħand Krista, jiġifieri li hi biss kellha ċ-ċwievet.
Paġna 3
Sadattant Krista dehret ġejja u Toni mar jilħaqha qabel waslet quddiem il-ħanut. Talabha ċ-ċwievet u qalilha li kien se jmur quddiem il-ħanut jippoża li se jiftaħ hu dakinhar. Staqsieha wkoll kienx hemm sistema ta’ alarm tas-sigurtà u t-tfajla wieġbet fin-negattiv.
Krista ma fehmitx x’kien qed jagħmel zijuha, imma spjegalha kollox meta lkoll daħlu fil-ħanut. Sadattant John beda jieħu xi ritratti, filwaqt li Frans beda jniżżel xi dokumenti u Krista dehret sorpriża b’dak li qed jagħmlu t-tfal.
‘X’qed jiġri, ziju Ton? U t-tfal x’qed jagħmlu hawn?’ staqsiet Krista.
‘Kif diġà tkellimna, dan li qed tara jrid jibqa’ bejnietna għax iz-zija ma taf b’xejn,’ qal Toni.
‘Għadni mhux qed nifhem,’ qalet Krista.
Hawn Toni ta ħjiel li t-tfal kienu se jgħinuh biex isibu tarf il-misteru tal-ħwejjeġ nieqsa. Sadattant, wara li ħa xi ritratti fil-ħanut, John ħareġ barra u ħa aktar ritratti minn quddiem il-ħanut li qabel kienet daħlet fih Doris, u minn bnadi oħra. John daħal ukoll f’diversi ħwienet u wara li taparsi wera interess f’xi oġġett, staqsa għall-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet li daħal fihom. Irriżulta li diversi ħwienet kienu jiftħu ftit qabel dak ta’ Krista u jagħlqu ftit tal-ħin wara li Krista tagħlaq il-ħanut tagħha.
Paġna 4
L-istħarriġ kompla fil-ġimgħat ta’ wara u minn informazzjoni li akkwista n-nannu, minn sewwieq tat-taksi, sar magħruf li kien hemm okkażjoni jew tnejn li Krista dehret terġa’ tiftaħ il-ħanut ftit tal-ħin wara li għalqitu u telqet mill-post. Imma meta Toni qalilha b’dan l-iżvilupp, Krista ċaħdet li qatt għamlet hekk. Madankollu qalet li kien hemm okkażjonijiet fejn marret fil-ħanut f’xi ġurnata tal-Ħadd, imma żammet il-bieb ta’ barra magħluq u baqgħet taħdem ġewwa.
Wara din l-istqarrija, Toni reġa’ kellem lil tat-taksi u dan aċċertah minn dak li qal qabel. Għalhekk Toni u d-ditektivs tiegħu bdew jaħdmu fuq it-teorija li xi ħadd kien qed jiftaħ il-ħanut u Krista ma kinitx taf b’dan. Dan wassal ukoll biex Krista bdiet iġġorr iċ-ċwievet tal-ħanut fil-handbag biex taċċerta ruħha li ħadd ma seta’ jidħol hemm.
Wara li Krista sabet libsa oħra nieqsa, rat kif għamlet u reġgħet kellmet lil Toni. Iltaqgħu f’kafetterija u dan issuġġerielha li minn dakinhar ’il quddiem kellha tibda twaħħal karta mal-bieb tal-ħanut u tagħmilha b’mod li ma tidhirx bejn il-bieb u ċ-ċaċċis. Propjament dan is-suġġeriment kien ġie mingħand John u meta żvelah lin-nannu, dan tal-aħħar kien faħħar l-intelliġenza ta’ dan it-tifel.
null
Paġna 5
‘Għaliex għandi nagħmel din il-biċċa karta?’ staqsiet Krista lil Toni.
‘Biex qabel tiftaħ taċċerta ruħek li l-karta tkun għadha hemm. Jekk ma ssibhiex fejn ħallejtha jkun ifisser li l-ħanut ikun diġà nfetaħ u ngħalaq minn ħaddieħor,’ wieġeb Toni.
‘Imma jekk iċ-ċwievet qed inżommhom dejjem jien, kif jista’ ħaddieħor jiftaħ il-ħanut?’ staqsiet Krista.
‘Għalissa agħmel li ngħidlek, imbagħad inkomplu nitkellmu,’ qal Toni.
Xahrejn wara din il-laqgħa, Krista marret tistenna lil Doris toħroġ mill-iskola u kif ratha qaltilha biex tgħid lin-nannu li xtaqet tkellmu urġenti. Krista kienet imwissija biex ma ċċempilx lil Toni u dan tal-aħħar ma riedx jaf b’telefown ċellulari.
Għal Doris kien faċli li twassallu l-messaġġ, u l-għada Toni ċempel lil Krista mill-għassa tal-Pulizija biex Carmen ma tkun taf xejn.
‘Naċċertak li l-karta ma setgħetx waqgħet weħedha,’ qalet Krista lil Toni meta dan staqsa jekk il-karta kinitx tpoġġiet sewwa.
‘Mela hemm xi ħaġa li għadek m’għedtlix biha,’ qal Toni. ‘Irrid l-istorja mill-bidu… Irrid inkun naf meta krejt il-ħanut, jekk bdiltx is-serraturi, min bidilhom, kemm għandek ċwievet tal-post u dettalji oħra,’ kompla Toni.
null
Paġna 6
‘Is-serratura u l-katnazz kien bidilhom missieri,’ wieġbet Krista.
‘Qatt staqsejtu lil missierek jekk għandux aktar ċwievet tal-ħanut u fejn qed iżommhom?’ staqsa Toni.
‘Naf li missieri jżomm kopja taċ-ċwievet f’armarju li għandu fil-garaxx, imma llum nikkonferma dan,’ wieġbet Krista.
Toni kompla tkellem man-neputijiet dwar l-aħħar tagħrif li tatu Krista u qalilhom bl-aħħar tagħrif li x’aktarx Krista kellha sett ċwievet tal-ħanut li missierha kien iżomm fil-garaxx.
‘Imma fil-garaxx jidħlu biss Krista u missierha?’ staqsa John.
‘Le, xi żmien ilu kont rajt tfajla ħierġa bil-karozza minn dak il-garaxx,’ qal Frans.
Toni deher maħsud b’din l-aħbar u dakinhar reġa’ ċempel lil Krista u staqsieha min kien qed juża l-garaxx ta’ missierha.
‘Jien u missieri biss,’ wieġbet Krista.
‘Frans qalli li kien ra lil xi ħadd ieħor ħiereġ minn hemm,’ qal Toni.
Għal dan id-diskors Krista kienet se twieġeb li Frans kien ra ħażin, madankollu mill-ewwel ftakret li l-ħabiba tagħha Rose kienet għamlet xi żmien tuża l-garaxx.
‘Min hi din il-mara?’ staqsa Toni.
‘Rose ħabiba tiegħi tal-iskola u llum m’għadhiex toqgħod f’Ħal Dratta,’ wieġbet Krista.
null
Paġna 7
L-informazzjoni ta’ Frans dwar Rose xeħtet dawl ġdid fuq il-każ, u l-konferma ta’ Krista li fil-garaxx kien hemm sett ċwievet oħra tal-ħanut tefa’ suspetti fuq Rose. Skont in-nannu, din it-tfajla setgħet għamlet kopja ta’ dawk iċ-ċwievet u għalhekk in-nannu insista ma’ Krista li ttih ritratt ta’ Rose jew tgħidlu fejn kienet toqgħod biex John joħdilha ritratt, b’mod li ma tindunax bih. Din l-operazzjoni sigrieta saret minn John fil-ġimgħa ta’ wara u, kif kellu r-ritratt f’idejh, in-nannu Toni reġa’ mar ikellem lil tat-taksi li kien kellem qabel.
‘Lil din tafha?’ staqsa Toni, juri r-ritratt lil tat-taksi.
‘Dik mhux li għandha l-ħanut tal-ħwejjeġ?’ wieġeb tat-taksi.
‘Dak li ridt mingħandek,’ qal Toni waqt li sellem lil tat-taksi.
Krista ma riditx temmen li Rose kienet il-persuna li qed tisraqha. Għalhekk in-nannu għamlilha proposta li Krista aċċettat. Krista għamlet il-kuraġġ u kkonfrontat lil Rose, filwaqt li qaltilha li ma kinitx se ddaħħal lill-Pulizija jekk kemm-il darba tikkumpensaha. Wara ħafna ċaħdiet, Rose aċċettat u din kienet prova biżżejjed li hi kienet serqitha.
Jumejn wara din l-aħbar, wara li Toni mar lura d-dar mill-mixja li kien jagħmel kull filgħodu, Carmen qaltlu li Krista kienet bagħtitlu kejk.
‘Dak il-kejk għal xiex, Ton?’ staqsiet Carmen.
‘X’aktarx l-ispettur li bgħattha tkellem kien taha xi pariri biex tevita s-serq,’ wieġeb Toni.
null
Paġna 8
Tmiem