(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 8: Id-Dar bi Ħsejjes Misterjużi

F’waħda mil-laqgħat ta’ kull nhar ta’ Sibt, Doris talbet lin-nannu Toni biex jaħsbilhom għal kanarin ieħor għax dak li kellhom kien tgħaxxex u wasal biex imut. Il-kanarin kellu madwar erbatax-il sena, ftit inqas miż-żmien li omm Doris ilha li telqet mid-dar tal-ġenituri tagħha meta żżewġet.
‘Issa nkellem lil Baskal u ngħidlu jaħsibli għal wieħed,’ qal in-nannu. Baskal kellu kull xorta ta’ għasafar u Toni kien konvint li mingħandu kien se jieħu kanarin li jgħanni. It-talba għall-kanarin saret l-għada filgħodu meta wara l-quddiesa tas-7:00 a.m., Toni ltaqa’ ma’ Baskal fuq iz-zuntier tal-knisja.
Wara ftit tal-ħin jitkellmu dwar l-għasafar, Baskal dawwar is-suġġett għalkollox u qal lil Toni li kien hemm xi ħadd li qed jagħmillu l-bsaten fir-roti biex ma jbigħx id-dar li kien ħallielu b’wirt zijuh.
null
Paġna 1
‘Naħseb li smajt l-għajdut li qed jingħad dwar il-post fejn kien joqgħod iz-ziju Ġorġ,’ qal Baskal.
‘U min ma semax! Imma jien mhux wieħed li nibla’ kollox,’ wieġeb Toni.
‘Il-fatt jibqa’ li minkejja li mhux qed nitlob xi somma fenomenali, id-dar ma sibtx inbigħha,’ qal Baskal.
Baskal kien jieħu ħsieb lil zijuh li kien jgħix waħdu f’dik id-dar. Għalhekk, bħala tpattija, zijuh ħallihielu b’wirt. Hawn irid jissemma li f’dik id-dar kienet seħħet traġedja meta mart Baskal waqgħetilha tarbija ta’ sena u nofs fil-bir.
‘Fiż-żmien li zijuk kien jgħix f’dik id-dar qatt sema’ xi biki ta’ tarbija, kif qed tiġri x-xniegħa?’ staqsa Toni.
‘Le, ħadd ma sema’ xejn, u jien ma smajt xejn lanqas,’ wieġeb Baskal, li kompla jgħid li l-għajdut beda wara li sar magħruf li d-dar kienet għall-bejgħ.
Mingħajr ma wiegħed xejn, Toni qal lil Baskal li kien se jagħmel minn kollox biex ineħħi l-perċezzjoni tan-nies li f’dik id-dar kienet qed isseħħ xi ħaġa sopranaturali. Għalhekk dan is-suġġett tpoġġa fl-aġenda għall-ewwel laqgħa li n-nannu kien se jkollu mad-ditektivs tiegħu.
‘Aħna fiex nistgħu ngħinu lil Baskal?’ staqsiet Doris. Hawn in-nannu beda jispjega kif kultant isir għajdut biex jaqa’ l-valur ta’ proprjetà, imma li dan ħafna drabi jsir b’qerq u x’aktarx isir mill-persuna li tkun trid takkwista dik il-proprjetà.
‘Jekk qed nifhem sewwa, aħna se nippruvaw insibu min ħareġ b’din il-gidba dwar il-ħsejjes jew il-biki f’dik id-dar,’ qal John.
‘Aktar minn hekk,’ wieġeb in-nannu. Toni kompla qal li fir-raħal kienu ħafna li tkellmu dwar dan is-suppost fenomenu. Skont in-nannu, huma kellhom jistħarrġu biex isibu min kien beda din il-qlajja’, jew isibu provi li din ma kienet qlajja’ xejn, imma realtà.
Dakinhar li d-ditektivs tagħna kienu bdew janalizzaw dan il-każ, in-nannu ħadhom ħdejn id-dar misterjuża. Madankollu huwa wissiehom biex ma jagħmlu xejn li bih setgħu jħassbu lin-nies li kienu joqogħdu viċin tal-post. Għalhekk John qagħad attent ħafna meta ħa xi ritratti tad-dar.
Paġna 2
Il-post kien jidher xi ftit mitluq għax kien ilu madwar tliet snin magħluq. Kien osservat ukoll li Baskal kien qabbad aġenzija biex tgħinu jbigħ il-proprjetà.
‘Nhar it-Tnejn imissek iċċempel lill-aġenzija u titlob tagħrif dwar il-prezz tad-dar,’ qal Frans lin-nannu Toni.
‘Mhux idea ħażina,’ wieġeb in-nannu.
‘Kien hemm xi ħadd li deher interessat li jixtri l-post?’ staqsa Frans.
‘Ma nafx inwieġbek għax il-konverżazzjoni ma’ Baskal ma ħaditx fit-tul,’ wieġeb in-nannu.
Toni baqa’ jaħseb fuq din il-mistoqsija ta’ Frans u f’laqgħa oħra li kellu ma’ Baskal kien staqsieh min kien iffissa l-prezz tal-post u jekk kienx hemm min wasal viċin dan il-prezz. Għal dawn il-mistoqsijiet Baskal wieġeb li l-aġenziji li jbigħu l-proprejtà ma qablux mal-valur tad-dar u hu kien iffissa l-prezz ta’ bejniethom.
Baskal kompla qal li kien lest jinżel sa sitta jew għaxart elef ewro mill-prezz, iżda mhux iżjed. Huwa semma wkoll li Stiefnu wera interess kbir fiha, imma offra nofs il-valur tat-talba tal-post. Baskal semma wkoll li Rina ta’ Masu kienet waslet viċin is-somma mitluba u f’daqqa waħda qalet li kien reġa’ bdielha.
null
Paġna 3
Stiefnu kellu ħanut tal-merċa viċin din id-dar u xtaq jixtriha għal bintu li kienet tgħix f’post żgħir fiċ-ċentru tar-raħal. Skont Baskal, Stiefnu ma ried juri lil ħadd li kien tħajjar għall-post għax qal li r-raġel ta’ bintu ma riedx jiċċaqlaq minn fejn kien.
Toni kien jaf sewwa lil Rina u għalhekk iddeċieda li jkellimha dwar il-post ta’ Baskal. Minn dak li kompla qallu Baskal, il-mara ma kienx reġa’ bdielha minħabba l-prezz, imma minħabba l-għajdut tal-ħsejjes li kienu ivvintaw in-nies. Ma kienx faċli għal Toni li jġegħelha tgħid dan, imma fl-aħħar ammettiet u qalet li kienet semgħet dan l-għajdut meta kienet qed tixtri fil-ħanut tal-merċa ta’ Stiefnu.
null
Paġna 4
‘Int qgħadt fuq l-għajdut tan-nies jew għax smajt xi ħaġa?’ staqsa Toni.
‘Jien qatt ma smajt xejn, imma kien hemm min aċċertani li kien sema’ l-ħoss ta’ tarbija tibki,’ wieġbet Rina.
‘U x’ħin kien meta semgħu dan il-ħoss?’ staqsa Toni.
‘In-nies jgħidu li l-biki dejjem instema’ tard filgħaxija,’ wieġbet Rina.
In-nannu kien qal b’kollox lin-neputijiet meta komplew jiddiskutu dan il-każ u John kien ħareġ b’teorija li għoġbot lin-nannu.
‘Ma nagħmlux mod li Stiefnu kien ivvinta l-istorja tal-ħsejjes biex Baskal ikollu jċedi u jbigħ il-post lilu?’ staqsa John.
‘Naħseb avviċinajt il-boċċa ħdejn il-likk,’ qal in-nannu, juża espressjoni antika.
‘Il-likk x’inhu?’ staqsew it-tfal.
‘Il-likk hi boċċa żgħira użata fil-logħob tal-boċċi,’ wieġeb in-nannu.
‘Ħoss ta’ tarbija tibki, tarbija biss tista’ tagħmlu,’ qal Frans, imħasseb li seta’ kien hemm verità fl-għajdut.
‘Sakemm ma jkunx ħoss irrekordjat, imbagħad jindaqq biex iħasseb lin-nies,’ wieġeb John.
Paġna 5
‘Mhux aħjar tispjega ruħek sewwa?’ qal in-nannu.
Għal dan id-diskors John resaq lejn il-kompjuter, kiteb xi ħaġa, imbagħad qal lil nannuh: ‘Trid tisma’ tarbija tibki?’ Mingħajr ma stenna tweġiba, in-nannu beda jisma’ l-biki ta’ tarbija mill-ispikers tal-kompjuter.
‘Imma Baskal m’għandu l-ebda kompjuter f’dak il-post,’ qal in-nannu.
Hawn it-tfal spjegawlu li permezz ta’ biċċa wajer irqiq jista’ jiġi trażmess dak il-ħoss minn post għal ieħor.
‘Nistgħu mmorru nagħtu daqqa t’għajn il-post?’ staqsiet Doris.
‘Ma naħsibx li Baskal isib oġġezzjoni, imma jien ma niġix magħkom,’ wieġeb in-nannu. Hawn Toni qal lin-neputijiet li fir-raħal lilu kien jafu kulħadd u ma riedx juri li kellu xi interess fil-bejgħ tad-dar ta’ Baskal jew fl-għajdut li kien hemm dwarha. Huwa qal li kien se jsib lil xi ħadd mhux mir-raħal, imma lit-tfal kien se jħallihom imorru, jekk kemm-il darba Baskal jaċċetta.
null
Paġna 6
Iż-żjara fil-post ta’ Baskal saret is-Sibt ta’ wara. Ir-raġel li qabbad in-nannu Toni beda jdur u jifli d-dar taparsi interessat jixtriha. Sadanittant it-tfal u Baskal daħlu bil-moħbi fid-dar u bdew ifittxu f'kull rokna tal-post. John ġibed ħafna ritratti kemm fil-kmamar kif ukoll minn barra, imma dakinhar xejn ma nstab li seta’ jqajjem suspetti ta’ mnejn kien ġej il-ħoss tal-biki ta’ tarbija. Madankollu, meta r-ritratti ġew trasferiti għal fuq il-moniter tal-kompjuter, John talab lin-nannu li xtaq jerġa’ jmur jispezzjona l-post.
F’wieħed mir-ritratti deher wajer bħal dak tat-telefown dieħel minn wieħed mill-ventilaturi tas-sular ta’ fuq, meta kien diġà hemm wajer simili dieħel fil-kċina fil-pjan terran. Għalhekk Toni reġa’ talab lil Baskal biex din id-darba jdaħħal lil John biss hemm ġew għax qallu li ried jivverifika xi ħaġa.
Peress li John ma xtaqx iħalli aktar żmien jgħaddi, l-appuntament sar f’nofs il-ġimgħa wara li John spiċċa mill-iskola, u Baskal intalab jieħu sellum miegħu.
‘Inwiegħdek li mhux se ndum aktar minn għaxar minuti hemm ġew,’ qal John lin-nannu, li dejjem baqa’ jinsisti li dan ix-xogħol bl-ebda mod ma ried itellifhom mill-istudju.
Paġna 7
It-tieni mawra ta’ John f’dik id-dar misterjuża ħalliet il-frott għax f’wieħed mill-ventilaturi John sab spiker żgħir bħal dawk tar-radjijiet, li kellu wajer twil imqabbad miegħu li kien jasal sa fuq il-bejt. Wara li nstab li minn fuq il-bejt l-istess wajer irqiq kien jaqsam it-triq, John qal lil Baskal li l-leħen tat-tarbija daqshekk instema’ f’dik id-dar. Imbagħad John qata’ l-wajer u qal lil Baskal biex jerġa’ jkellem lin-nannu Toni.
Lura għand in-nannu, John spjega kollox, imma qal li ma setax jgħid sa fejn kien iwassal dak il-wajer.
‘Aħna ma jinteressaniex min kien qed jagħmel il-ħsara lil Baskal,’ qal in-nannu, minkejja li kellu s-suspetti tiegħu.
Baskal kien tal-istess fehma ta’ Toni, imma qal li wara li serraħ rasu dwar x’kien qed jiġri f’dik id-dar, kien se jdurha dawra u jmur joqgħod fiha, filwaqt li jbigħ id-dar l-oħra.
Xahar wara li Baskal ħa din id-deċiżjoni, beda x-xogħol fid-dar misterjuża u Stiefnu kien l-ewwel wieħed li mar ifittex lil Baskal.
‘X’għamilt, irnexxielek tbigħha?’ staqsa Stiefnu.
‘Le, ġej noqgħod fiha jien… wara kollox ħsejjes ta’ tarbija tibki mhux se jdejquni għax smajt ħafna meta konna qed inrabbu l-ħamest itfal!’ wieġeb Baskal.
‘U l-post fejn toqgħod x’se tagħmel bih?’ staqsa Stiefnu.
‘Dak għall-bejgħ u m’għandux ikun hemm problemi. Jekk tkun interessat, kellimni,’ qal Baskal.
null
Paġna 8
Tmiem