(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 7: Serq ta' ġriewi

Fiż-żmien twil li dam fil-pulizija, in-nannu Toni qatt ma ħabbat wiċċu ma’ każ bħal dan li ġej. Kienet il-ħbiberija ta’ bejn Toni u George Borg li ħeġġet lil tal-ewwel jinvolvi d-ditektivs tiegħu biex jissolva l-każ tas-serq tal-ġriewi tar-razza Chihuahua, klieb żgħar li l-Maltin jgħidulhom ‘Tal-But’. Aktar minn hekk, George nzerta z-ziju tal-ispettur li miegħu kien jaħdem is-Surġent Fred. Għaldaqstant din id-darba kien Fredu li mar ifittex lil Toni biex ikellmu dwar il-każ.
Fredu beda biex qal lil Toni li George kellu razza ta’ klieb taċ-Chihuahua, li minn kull boton ġriewi George kien jaqlagħha tajjeb.
‘Imma mill-aħħar boton li kellu ma qala’ xejn,’ qal Fredu lil Toni meta kienu qed jieħdu kafè f’ħanut f’Ħal Dratta.
‘X’ġara, mitulu l-ġriewi?’ staqsa Toni.
‘Le, serquhomlu,’ wieġeb Fredu.
‘Iva issa anke klieb qed jisirqu? Fiex wasalna!’ qal Toni.
Hawn Fredu għal darba oħra talab l-għajnuna ta’ Toni għax xtaq li joħroġ ta’ raġel mal-ispettur. Imbagħad tah id-dettalji tar-rapport li George kien għamel lill-pulizija.
‘Tagħmilhiex fatta li se nsiru nafu minn seraq, imma forsi nistgħu nagħtuk informazzjoni li twasslek biex issolvi l-misteru tal-ġriewi,’ qal Toni, filwaqt li wiegħed li dakinhar kien se jkellem lil George.
null
Paġna 1
Jumejn wara din il-laqgħa, Toni beda jitkellem man-neputijiet dwar is-serqa tal-klieb u għall-ewwel ħaduh biċ-ċajt. ‘Din mhux talli mhix ċajta, imma rridu nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu lis-Surġent Fred,’ qal in-nannu.
George Borg kellu dar f’tarf ir-raħal. Fil-ġnien kbir li kellu kien iżomm dawn il-klieb żgħar. Flimkien mad-delizzju u l-imħabba għal dawn il-klieb, George ġieli għamel negozju tajjeb minnhom għax il-klieb ta’ din ir-razza kienu jiswew il-flus, u kienu mfittxija. Dan kollu ġie spjegat lid-ditektivs tagħna biex isiru konxji mis-serjetà tal-każ.
‘Qabel inkomplu nitkellmu dwar il-klieb, mhux aħjar immorru naraw il-post mnejn saret din is-serqa?’ staqsa John.
‘Immorru wara li nieklu biex in-nanna ngħidulha li sejrin passiġġata,’ wieġeb in-nannu.
Wara l-ikel, Toni u t-tliet neputijiet marru ħdejn id-dar ta’ George Borg u John ħa xi ritratti, filwaqt li l-oħrajn ħadu xi notamenti. F’din il-mawra nstab li l-ġnien kien kbir mhux ħażin u ġie nnotat ukoll li d-dar biswit dik ta’ George kienet vojta u kien hemm tabella li turi li kienet għall-bejgħ. It-tabella kellha wkoll l-isem u dettalji oħra tal-aġenzija li wieħed kellu jkellem jekk ikun imħajjar li jixtriha.
F’din iż-żjara George spjega lil Toni li wara li t-tliet ġriewi kienu kibru biżżejjed, li setgħu jieklu weħedhom, kien poġġiehom f’kamra żgħira tal-injam li kellu apposta fil-ġnien mnejn setgħu wkoll joħorġu sa parti żgħira tal-ġnien li kienet imdawra b’ċint biex ma jmorrux ħdejn il-kanċell, għax minn hemm setgħu jitilqu fit-triq. George qal ukoll li billejl il-klieb kienu jingħalqu f’dil-kamra biex ma joqogħdux jinbħu.
null
Paġna 2
Id-dar ta’ biswit dik ta’ George kienet ilha snin vojta u s-sidien tagħha kienu barranin u kienu telqu minn Malta. Ġie nnutat ukoll li George kellu xi kameras tas-sigurtà ma’ xi ħitan tad-dar, madankollu ma kinux iħarsu lejn dik il-parti tal-ġnien fejn kien hemm il-kamra tal-klieb. Skont is-Surġent Fred, mill-filmati ta’ dawn il-kameras ma kien irriżulta xejn. Hawn irid jissemma wkoll li d-dar ta’ George kienet f’kantuniera, jiġifieri kellha dar waħda biss tmiss magħha.
Lura d-dar, id-ditektivs bdew janalizzaw il-ftit dettalji li kellhom u lestew lista ta’ mistoqsijiet li n-nannu kellu jagħmel lis-Surġent Fred. Waħda minnhom kienet dwar il-ħin li saret is-serqa, jiġifieri jekk saritx billejl jew binhar. Mistoqsija oħra importanti kienet jekk il-ġirien kinux semgħu xi nbiħ mhux tas-soltu tal-klieb jew xi ħsejjes oħra. It-tfal riedu wkoll ikunu jafu jekk fil-jiem ta’ qabel is-serqa kienx mar xi ħadd għand George jew fil-ġnien tiegħu.
Eventwalment sar magħruf li George u l-ġardinar biss kellhom aċċess fejn il-klieb u li l-ġardinar kien imur għand George kull l-ewwel Ħamis tax-xahar. Sar magħruf ukoll li Spiru, wieħed mill-ġirien, kien ra raġel jieħu xi ritratti tal-ġnien ta’ George. Spiru kompla qal li l-kamera li ntużat biex inġibdu r-ritratti kienet tidher sofistikata u kbira u ssuspetta li nġibdu ritratti tal-kamra tal-klieb. Madankollu Spiru ma rax sewwa wiċċ min ħa dawn ir-ritratti.
L-istħarriġ kompla billi George ntalab jagħmel avviż fil-gazzetta, naturalment f’isem ħaddieħor, fejn jgħid li xtaq jixtri kelb tal-but. George kien ta n-numru tat-telefown ta’ neputih, imma ħadd ma wieġeb għal din is-sejħa. Għalhekk l-attenzjoni daret għal fuq id-dar mhux abitata ta’ maġenb id-dar ta’ George, imma mir-ritratti u minn titwila oħra lejn il-ġnien kien irriżulta li kien meħtieġ sellum twil biex wieħed jinżel fil-ġnien ta’ George. Sadattant, waqt żjara oħra fil-ġnien ta’ George, John ġibed diversi ritratti tal-kamra tal-injam fejn kien hemm il-klieb.
null
Paġna 3
‘Xi tgħid kieku kellna mmorru nagħtu daqqa t’għajn lil dik id-dar il-vojta?’ qal John lil nannuh meta kienu reġgħu qed jiddiskutu dan il-każ.
‘Mhux diġà morna!’ wieġeb in-nannu.
‘M’aħniex niftiehmu… jien qed ngħid li nidħlu ġo fiha,’ wieġeb John.
‘Mela x’nagħmlu!’ qal in-nannu.
‘Fittex iffissa appuntament mal-aġenzija li qed tirreklamaha, u taparsi int imħajjar tixtriha,’ qal John.
‘Mhux aħjar tgħidli x’għandek f’moħħok?’ qal in-nannu.
Hawn John qal li kien qed jissuspetta li xi ħadd seta’ daħal minn dik id-dar, imma n-nannu wieġbu li l-ħajt bejn iż-żewġ postijiet kien ta’ madwar ħmistax-il filata.
Waqt li Toni kien qed jistrieħ dik is-siegħa ta’ waranofsinhar fil-jum tas-Sibt meta kienu jiltaqgħu d-ditektivs, John u l-kuġini qagħdu jiflu r-ritratti li kienu nġibdu. F’wieħed minn dawn ir-ritratti dehret toqba żgħira fil-ħajt li kompliet kabbret is-suspetti li kellu John, imma ma ried jitkellem xejn qabel ma ssir iż-żjara fid-dar il-vojta.
Toni kkuntenta lil John u għamel appuntament biex issir żjara fid-dar li kienet għall-bejgħ u l-impjegata tal-aġenzija dawritu mal-post kollu. Waqt is-suppost spezzjoni tad-dar Toni kien akkumpanjat minn John li, wara li talab biex jieħu xi ritratti, mar fil-kantina tagħha. Hemm inġibdu ħafna ritratti li meta eżaminati bir-reqqa taw ħjiel ta’ mnejn x’aktarx saret is-serqa. F’wieħed minn dawn ir-ritratti dehret gwardarobba li xi żmien qabel kienet f’post ieħor. Dan irriżulta mill-kulur tal-ħitan għax f’wieħed minnhom deher il-kulur iktar ċar taż-żebgħa. Skont John, xi ħadd kien ċaqlaq il-gwardarobba biex jgħatti l-ħajt ta’ warajha.
null
Paġna 4
‘Iċ-ċaqliq tal-gwardarobba x’għandu x’jaqsam mas-serq tal-ġriewi?’ qalet Doris li kienet għadha ma fehmitx x’ried ifisser John.
‘Wara l-ħajt fejn hemm il-gwardarobba hemm il-ġnien mnejn insterqu l-klieb,’ qal John iħares lejn in-nannu.
‘Qed nifhem tajjeb x’għandek f’moħħok u għada se ngħid lil George jċaqlaq il-kamra tal-injam fejn kien hemm il-klieb,’ qal in-nannu.
Imma meta Toni kien reġa’ mar għand George u talbu jċaqlaq il-kamra tal-injam biex jaraw x’kien hemm warajha, George qal li jkun aħjar li jaqilgħu s-saqaf tal-kamra, u hekk sar.
‘Hawn għandna ċ-ċajt!’ qal Toni kif tneħħa s-saqaf u sab li fuq in-naħa ta’ wara tal-kamra kien hemm toqba.
Ma kienx hemm dubju li t-toqba mnejn għaddew il-klieb saret billi qabel saret toqba oħra fil-ħajt li kien jifred il-kantina li ssemmiet u l-ġnien ta’ George. Dan sar biex wara wieħed seta’ jikkalkula biex jagħmel toqba ikbar eżatt wara l-kamra tal-klieb. Skont ma qal George, mill-bieba żgħira li kien hemm f’din il-kamra ma setax jara x’kien hemm fuq in-naħa ta’ wara. Barra minn dan, il-klieb ma kinux iħammġu fil-kamra u George kien ineħħi l-biċċiet tal-kutri li kien hemm ġo fiha biex jaħsilhom u jaħsel ukoll l-art tagħha permezz ta’ pajp tal-ilma.
Kien issa jmiss li jsir magħruf min kien għamel din it-toqba, imma l-kumplament tal-istħarriġ tħalla f’idejn is-Surġent Fred għax kienet meħtieġa informazzjoni li l-pulizija biss setgħet titlobha. Mill-istħarriġ tas-Surġent Fred irriżulta li xi ħadd kien daħal diversi drabi fid-dar il-vojta u l-ewwel taqqab toqba mill-kantina tad-dar għall-ġnien ta’ George. Imbagħad il-ħalliel mar ġibed ir-ritratti biex jara fejn saret it-toqba fin-naħa tal-ġnien. B’hekk seta’ jkun ikkalkulat fejn kellha ssir it-toqba l-kbira li twassal għall-kamra tal-klieb. Bi ftit ikel favorit għall-ġriewi kien faċli li dawn jidħlu fil-kantina mnejn inqabdu u nsterqu.
null
Paġna 5
Minn iktar stħarriġ il-pulizija saret taf min f’dawk l-aħħar ġimgħat kellu aċċess għad-dar il-vojta u naturalment kien hemm isem in-nannu Toni. Fost dawn in-nies kien hemm ukoll koppja barranija li nstab li kienet telqet minn Malta. Għalhekk l-attenzjoni daret lejn min kellu aċċess għaċ-ċwievet ta’ din id-dar, fosthom ċertu Michael li kien jaħdem bħala xufier mal-aġenzija.
Tliet ġimgħat wara li s-Surġent Fred kien sar jaf dwar mnejn kienu nsterqu l-klieb, kien ċempel lil Toni u qallu biex jiltaqgħu ħdejn l-għassa tal-pulizija ta’ Ħal Dratta biex jgħidlu bl-iżviluppi dwar il-każ.
‘Ħriġtni ta’ raġel, Ton, għax liz-ziju sibtlu l-ġriewi li serqulu,’ qal Fredu. Hawn Fredu semma kif ġieh suspett f’Michael u kien qabbad pulizija mara ċċempillu biex tistaqsih kellux xi klieb tal-but għall-bejgħ.
‘Tgħidlix li daħħlitu fin-nassa?’ staqsa Toni.
‘Daħal ingħid u wara li sibna ż-żewġt iklieb l-oħra morna għand min kien xtara l-kelb l-ieħor u kellu jagħtih il-flus lura.
‘Prosit għalik!’ qal Toni.
‘Grazzi lilek u lil min għenek,’ wieġeb Fredu.
null
Paġna 6
Tmiem