Meta t-Tabib Bertu Zammit iddeċieda li jiftaħ klinika f’Ħal Dratta, kien ħa din id-deċiżjoni wara insistenza ta’ zijuh, it-Tabib Borg, li kien ilu jikkura ħafna pazjenti f’dan ir-raħal. It-Tabib Borg kien iz-ziju tar-rispett tat-Tabib Zammit u dan tal-aħħar kien fetaħ il-klinika
f’Ħal Dratta fuq parir ta’ zijuh.
Bħal zijuh, it-Tabib Zammit kien raġel kariżmatiku, jiċċajta mal-pazjenti u f’emerġenza kien imur fejn mitlub. Għalhekk kien ħadha bi kbira ħafna meta darba waħda sab barxa twila fil-karozza lussuża li kellu.
Mal-ewwel daqqa t’għajn il-barxa dehret li donnha saret apposta b’xi ċavetta jew biċċa metall. Dan wassal lit-Tabib biex jagħmel rapport lill-Pulizija.
‘Dan ir-raħal qed jinqeleb ta’ taħt fuq,’ qalet Carmen lil żewġha Toni meta kmieni filgħodu kienu qed jieħdu t-te wara li ġiet mill-knisja.
‘Xi nqala’ dalgħodu? Invadew ir-raħal?’ staqsa Toni, mhux jieħu lil martu bis-serjetà.
‘Wara grazzja li ġie tabib ieħor fir-raħal, issa qed jaraw kif jagħmlu biex igerrxuh,’ qalet Carmen.
‘Mhux aħjar tgħidli x’qed jinkwetak biex forsi nifhem xi ħaġa,’ wieġeb Toni.





