Matul il-vaganzi tas-sajf id-ditektivs tagħna gawdew il-baħar u kellhom aktar ħin għal dak li sar id-delizzju favorit tagħhom, jiġifieri li jgħinu lill-Pulizija ssolvi xi każ mill-ħafna li jkunu rrappurtati.
Meta wasal nofs Settembru, in-nannu Toni beda jħejji lin-neputijiet għal sena skolastika oħra u s-soltu twissija, dik li x-xogħol ta’ ditektivs iħalluh biss għal nhar ta’ Sibt, ma naqsitx.
‘Qed inwissikom…’ beda biex qal in-nannu.
‘Ara ma nkunx naf li tintilfu fuq dawn l-affarijiet waqt il-ġranet l-oħra,’ komplew qalu t-tlett itfal b’vuċi waħda u daħqana.
‘Kumpilazzjoni xi tfisser, nannu Ton?’ staqsiet Doris meta kienet qed terfa’ ‘Il-Ktieb tal-Każijiet’, kif bdew jirreferu għall-iscrap book.
‘Kumpilazzjoni hija l-ġbir ta’ xhieda ġuramentata li ssir kollha
bil-miktub fil-Qorti,’ wieġeb in-nannu. Huwa kompla jfissrilha li l-kumpilazzjoni ssir f’reati serji biss.




