Seta’ kien żball meta Tereża, wara li rċeviet invit għat-tieġ ta’ bint it-Tabib Gatt, xandret din l-istedina ma’ kull min iltaqgħet. Imma Tereża, magħrufa wkoll bil-laqam ‘Tal-Piż’, kienet għamlet ħafna snin taħdem mal-familja Gatt u għalhekk ħassitha onorata li t-Tabib kien żiedha fil-lista tal-mistidnin.
Tereża baqgħet xebba u tgħix weħedha, u għalkemm kulħadd kien jaf li ma kinitx xi mara sinjura, kienu diversi dawk li jissellfu xi ħaġa mingħandha. Il-mara kienet tinsisti li dawk li jissellfu mingħandha kellhom jirahnu xi ħaġa tad-deheb jew ta’ valur. Dan ifisser li dawk li jkunu se jissellfu, jagħtu xi ħaġa ta’ valur lill-persuna li jkunu se jissellfu mingħandha. Jekk il-flus missellfa jingħataw lura skont il-ftehim, dik il-ħaġa ta’ valur tingħata lura. Imma jekk il-flus, jew parti minnhom, ma jingħatawx, l-oġġett ta’ valur jibqa’ għand min ikun sellef il-flus.







