(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 3: Il-wirt li ma kienx

Wara l-eżamijiet annwali ta’ John, Frans u Doris, in-nannu Toni kien anzjuż jistenna r-riżultati. Matul dawk il-ġranet ta’ stennija, in-nannu ħa lit-tfal il-baħar diversi drabi u wegħedhom li jekk ir-riżultati jkunu tajbin, kellu biċċa xogħol oħra għalihom.
‘Serraħ rasek, nann, li mhux se niddiżappuntawk,’ qal John, konvint li kien se jirċievi riżultati tajbin.
‘Meta tikber għad tibqa’ tiftakar f’dak li ta’ sikwit ngħidilkom. L-edukazzjoni hija xi ħaġa indispensabbli fiż-żminijiet li qed ngħixu, mhux biss biex ikollkom post tax-xogħol tajjeb,’ qal in-nannu.
L-ewwel riżultati li waslu kienu ta’ Frans u Doris, u n-nannu ħa l-aħbar mingħand bintu Stella, li kienet pronta ċemplitlu.
null
Paġna 1
‘Ma nafx għaliex it-tfal qaluli biex inċempel lilek qabel inċempel lil missierhom dwar ir-riżultati,’ qalet Stella kif missierha rrisponda t-telefown.
‘Mur ifhimhom!’ wieġeb in-nannu, li kien jaf tajjeb ir-raġuni.
‘It-tnejn marru tajjeb ħafna u għandek tirċievi email bir-riżultati,’ qalet Stella.
Ma’ din l-aħbar, John sar aktar anzjuż dwar ir-riżultat tiegħu, imma kellu jistenna jumejn oħra. John kien il-kbir fost it-tlett itfal u kien dieħel fiż-żmien fejn kien meħtieġ aktar studju. Madankollu, in-nannu żamm il-wegħda li kien għamel u fl-ewwel Sibt li t-tliet neputijiet kienu fir-razzett tiegħu beda jirrakkonta każ li kien qed jinvestiga s-Surġent Fred.
Il-każ kien dwar imbruljun li kien irnexxielu jisloħ €2,000 mingħand mara anzjana wara li qalilha li n-neputi tagħha kien ħalla wirt li hi biss kienet intitolata għalih. Skont l-informazzjoni li kellu n-nannu, madwar tliet xhur qabel, ċertu Peter Borg kien mar għand Rożina Mifsud, mara li kienet tgħix weħedha, u staqsieha jekk kellhiex konoxxenza ta’ ċertu Paul Muscat li kien jgħix f’Sydney, l-Awstralja.
‘Dak ir-raġel t’oħti,’ wieġbet Rożina, filwaqt li kompliet tgħidlu li wara l-mewt ta’ oħtha ma kinitx semgħet b’aħbar Paul.
Paġna 2
‘Iltqajt ma’ Paul fl-Isptar St Mary, fejn kont naħdem,’ qal Peter waqt li wera r-ritratt ta’ Paul lil Rożina.
‘Iva, dan Paul, ma nsejtx wiċċu,’ qalet Rożina, anzjuża tkun taf x’kienet ir-raġuni għalfejn Peter kien mar għandha.
Hawn Peter qal li kellu aħbar ħażina x’jagħtiha għax Paul kien miet fl-imsemmi sptar. Imbagħad Peter kompla qal li hu ma kienx mar għandha biex jagħtiha biss dik l-aħbar, imma qalilha wkoll li peress li Paul u martu ma kellhomx tfal, il-wirt tagħhom kellu jgħaddi għand il-membri l-oħra tal-familja.
‘M’hemmx membri oħra tal-familja. John ma kellux ħutu, u oħti kellha biss lili,’ qalet Rożina.
‘Qed nikkonferma dak li qalli Paul,’ wieġeb Peter, filwaqt li kompla jgħid li jekk ma ssirx talba għal dan il-wirt f’ċertu żmien, kien jieħu kollox il-gvern Awstraljan.
null
Paġna 3
Peter kompla qal lil Rożina li kellha tliet għażliet x’tagħmel biex takkwista dan il-wirt. Waħda li tmur l-Awstralja; l-oħra kienet li tqabbad avukat Malti biex jikkomunika ma’ avukat jew nutar fl-Awstralja; u l-oħra li tqabbad direttament avukat fl-Awstralja u jieħu ħsieb ta’ kollox. Peter semma wkoll li b’din l-aħħar għażla kienet tiffranka ħafna flus għax tevita l-ispejjeż tal-avukat Malti.
Rożina qalet li kienet lesta titlef kollox, imma l-Awstralja ma tmurx. Il-mara staqsiet ukoll kif setgħet tkun ċerta li r-raġel t’oħtha ħalla l-wirt. Hawn Peter wieġeb li d-dar li kellu Paul kienet tiswa ħafna flus għax kienet fiċ-ċentru ta’ Sydney. Ta’ imbruljun makakk li kien, Peter qal lil Rożina biex taħsibha tajjeb qabel tagħtih tweġiba, imma qalilha biex toqgħod attenta ma’ min titkellem biex ma jkunx hemm bsaten fir-roti.
null
Paġna 4
‘Biex naqta’ fil-qasir, l-imsejkna Rożina tat lil dan l-imbruljun €2,000 u mhux biss ma ħadet xejn, imma saret taf li r-raġel t’oħtha kien reġa’ żżewweġ, kellu erbat itfal u kien għadu mimli bil-għomor,’ qal in-nannu.
‘Imma dan mhux serq,’ qal John.
‘Dan frodi b’għemil qarrieqi, u hemm piena ta’ ħabs,’ qal in-nannu, li kompla jirrakkonta l-istorja.
In-nannu semma li Rożina għażlet li tqabbad avukat fl-Awstralja u Peter ma talabx ħlas biex suppost qabbad lil dan l-avukat. Aktar minn hekk, l-ittra kienet impustata minn Rożina biex din isserraħ rasha li kienet bdiet il-proċeduri. Imma li ma kinitx taf din l-imsejkna mara kien li l-ittra rċevieha ħabib ta’ Peter, imbruljun ieħor. Imbagħad dan it-taparsi avukat, f’ittra li bagħat lil Rożina, ikkonferma li Paul kien ħalla d-dar u ammont ta’ flus, imma talab €500 biex jibda r-riċerki. F’aktar ittri, is-suppost avukat kompla jitlob il-flus u wara li ħa dak li talab, jiġifieri €2,000, Peter ma deherx aktar u Rożina għamlet rapport lill-Pulizija.
‘U aħna fiex se nidħlu?’ staqsa John.
‘Irridu nsibu lil dan l-impustur li mar għand din l-imsejkna mara,’ qal in-nannu, b’ton ta’ wieħed irrabjat.
In-nannu kompla jgħid li l-Pulizija ta’ Malta kienet f’kuntatt mal-Pulizija ta’ Sydney dwar il-każ. Madankollu ma kienx irriżulta li xi ħadd bl-isem Peter Borg kien jaħdem fl-isptar St Mary.
Paġna 5
‘Jekk kien jaħdem f’dan l-isptar għandu jinstab ritratt tiegħu,’ qal John, attent jisma’ d-dettalji kollha dwar il-każ.
‘Min jaf kieku nkellmu lil Rożina biex tgħidilna aktar dwar Peter?’ qal Frans.
‘Dak li se nipprova nagħmel,’ qal in-nannu.
Imma qabel saret il-laqgħa bejn Toni u Rożina, is-Surġent Fred kellem lill-anzjana u serrħilha rasha li Toni kien persuna tal-affari tiegħu. Għal din il-laqgħa, Toni ħa lil John u Doris, u Rożina bdiet twieġeb għall-ħafna mistoqsijiet ta’ Toni.
‘Iddeskrivili lil dan ir-raġel,’ staqsa Toni.
‘Raġel twil, bid-daqna u l-mustaċċi, xagħru qastni, liebes pulit, jitkellem b’Malti kif jitkellmuh il-Maltin tal-Awstralja,’ qalet Rożina.
‘Tiftakar f’xi ħaġa partikolari ta’ dan ir-raġel?’ staqsa John.
‘Fit-tieni laqgħa miegħu, meta kien kiteb ittra lil dak li kellu jagħmel ir-riċerki fl-Awstralja, osservajt li dan l-imbruljun kien jikteb bix-xellug u kellu vuċi maħnuqa,’ qalet Rożina.
null
Paġna 6
Xi jiem wara din il-laqgħa, is-Surġent Fred informa lil Toni li l-Pulizija Awstraljana kienet sabet lil Paul, ir-raġel ta’ oħt Rożina. Paul stqarr li Peter Borg kien qed juża isem falz għax ismu kien James Azzopardi. Eventwalment sar magħruf li dan ir-raġel kien għamel xi żmien jaħdem fl-Isptar St Mary, imma kien tkeċċa għax inqabad jisraq. Paul stqarr ukoll li kien għamel xi żmien pazjent fl-imsemmi sptar u James kien iqatta’ ħafna ħin jitkellem miegħu, u saħansitra semmielu lil Rożina u l-post fejn kienet toqgħod. Eventwalment Paul ta lill-Pulizija Awstraljana ritratt fejn kien jidher James Azzopardi.
Ir-ritratt wasal ukoll Malta, imma meta ratu, Rożina qalet li r-raġel li mar għandha kien mibdul b’dik id-daqna u mustaċċi. Sadattant il-pulizija fl-għases kollha ġew infurmati li jekk jaslilhom rapport dwar xi każ simili ta’ dak li ssemma, kellhom javżaw immedjatament lid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali.
‘Imma issa aħna rridu nfittxu raġel mingħajr daqna u mustaċċi,’ qal John, konvint li l-imbruljun kien qaxxar il-leħja biex ma jintgħarafx.
‘Hekk hu! Prosit, John! Bdejt taħseb ta’ investigatur,’ qal in-nannu.
L-istħarriġ biex jinstab dan ir-raġel misterjuż kien kompla mingħajr suċċess u l-investigaturi tagħna bdew jaqtgħu qalbhom li din id-darba kien se jkollhom xi suċċess. Imma n-nannu fakkarhom li kien hemm drabi li każijiet ġew solvuti wara ħafna xhur u saħansitra s-snin.
Paġna 7
‘Kien hemm oħrajn, fosthom każijiet serji, li baqgħu ma ssolvewx, imma dan jiġri kullimkien,’ qal in-nannu.
‘U l-povra Rożina tibqa’ ma tiħux l-elfejn ewro li ffrodawha,’ qalet Doris, waqt li kienet qed twaħħal rapport f’gazzetta li kien deher f’wieħed mill-ġurnali. Fl-istess rapport, il-pubbliku kien avżat biex joqgħod attent minn dan it-tip ta’ imbruljuni.
Waqt il-vaganzi tas-sajf in-nannu ma baqax riġidu dwar l-istudji tat-tfal. Filwaqt li ħeġġiġhom ikomplu jaqraw u ma jaqtgħux mill-istudju, kien jeħodhom jgħumu u l-konverżazzjonijiet dwar il-każ ta’ Rożina komplew. Imbagħad, ftit wara l-festa ta’ Santa Marija, meta s-sajf kien daħal ġmielu, sar magħruf li raġel pulit kien qed jiffrekwenta ż-żewġ każini tal-banda ta’ Ħal Tmiem u jistaqsi għal ċerti nies. Ir-raġel qal li kien qatta’ ħafna żmien fl-Ingilterra fejn kien jaħdem fl-uffiċċju tal-pensjonijiet tar-romol Ingliżi li żwieġhom mietu fil-gwerra. Huwa semma wkoll li ħafna nisa Maltin kienu bbenefikaw minn dawn il-pensjonijiet, imma oħrajn m’applikawx għall-pensjoni għax ma kinux jafu. Għalhekk, skont dan ir-raġel, il-gvern Ingliż kien qed joffri somma ta’ flus lil dawn il-familji bħala kumpens.
null
Paġna 8
‘Din xi biċċa brikkunata oħra,’ qal in-nannu meta ħa din l-aħbar mingħand is-Surġent Fred. In-nannu staqsa wkoll jekk il-Pulizija kinitx ħadet passi dwar dan, imma s-Surġent qal li dan ir-raġel ma deherx aktar meta bdew isirulu ċerti mistoqsijiet. Hawn daħlu wkoll id-ditektivs tagħna li marru f’Ħal Tmiem u tkellmu man-nies li kienu ltaqgħu ma’ dan ir-raġel li kien qed ixerred tagħrif falz bl-iskop li jdaħħal xi ħaġa. F’dan ir-raħal, John, Frans u Doris kienu saru jafu wkoll li l-istess raġel deher ukoll fil-karozza tal-linja ta’ Ħal Mifrux.
‘Immorru nfittxuh hemm,’ qal John, huma u sejrin lura fir-razzett tan-nannu biex jgħidulu b’kollox.
‘Inwassalkom f’tarf ir-raħal u tinsewx tieħdu r-ritratt ta’ Peter,’ qal in-nannu mingħajr ma sab oġġezzjoni li n-neputijiet imorru jistaqsu għal dan ir-raġel.
null
Paġna 9
John infired minn mal-oħrajn meta waslu fil-pjazza tar-raħal u l-ewwel ma daħal kien f’ħanut żgħir tal-merċa, imma l-mara anzjana li kien hemm fil-ħanut qalet li ma kinitx taf lil dik il-persuna li tidher fir-ritratt, jiġifieri Peter. Imbagħad John daħal il-każin tal-banda u qal li kien qed ifittex għalliem tal-Ingliż li xtaq jieħu xi lezzjonijiet għandu. John qal li ma kienx jaf l-isem tal-għalliem, imma kellu ritratt tiegħu.
‘Dak Ġakbu tal-Awstralja!’ qal wieħed mill-irġiel. ‘Dan naħseb li sar surmast tal-Ingliż għax għamel għaxar snin fl-Awstralja,’ qal raġel ieħor wara li ra r-ritratt.
‘U fejn joqgħod dan Ġakbu?’ staqsa John.
‘Dak jgħix ma’ ħuh f’waħda mid-djar li hemm fil-wied,’ wieġeb ir-raġel.
Ma’ din l-aħbar, John ħareġ mill-każin u mar qal b’kollox lit-tnejn l-oħra. Imbagħad id-ditektivs tagħna mxew fid-direzzjoni ta’ fejn in-nannu kien qed jistenniehom fil-karozza.
‘Tgħidli qalbi sibnieh,’ qal John b’eċitament.
‘Iltqajtu miegħu?’ staqsa n-nannu.
‘Le, imma qaluli li ċertu Ġakbu, li kien ġie mill-Awstralja, kien jgħix f’waħda mid-djar fil-wied.’
In-nannu qal li għal dakinhar kellhom jieqfu hemm, imma l-għada filgħodu kienu se jmorru armati u jfittxu fil-wied.
‘Armati biex?’ staqsa Frans.
‘Tgħid mhux bl-ixkubetti! Armati bil-kamera tar-ritratti taparsi qed tieħdu r-ritratti tal-pjanti li jikbru fis-salvaġġ,’ qal in-nannu filwaqt li fakkarhom li dan ix-xogħol kienu diġà għamluh.
‘U xi ħaġa biex nirrekordjaw il-vuċi,’ kompla qal John.
‘Iva, din qabżitli,’ stqarr in-nannu.
null
Paġna 10
L-għada kienet ġurnata li fiha kellhom imorru l-baħar u n-nanna kienet tingħaqad mat-tfal. Għalhekk Toni sab skuża u qal li jkun aħjar li għal dakinhar ma jmorrux baħar għax kien qed jibża’ li kellu bidu ta’ riħ. Madankollu wiegħed lit-tfal li xorta kien se joħroġhom. Imma n-nanna l-baħar xtaqet tmur u għalhekk għażlet li tibqa’ d-dar.
‘Ġibtha żewġ,’ qal John lil nannuh. ‘Oqgħod kwiet, imbierek, li ma jerġax jibdielha,’ qal in-nannu.
Il-mawra fil-wied ta’ Ħal Mifrux saret kmieni bit-tama li Ġakbu, jew James, ma jilħaqx jitlaq minn hemm. Imbagħad, għall-ħabta tad-9:00 a.m., raġel bi lbies żmattat deher riesaq lejn it-tfal u staqsiehom x’kienu qed jagħmlu f’dawk l-inħawi.
‘Qed infittxu pjanti rari u neħdulhom ir-ritratti,’ wieġeb John bil-kamera f’idu.
‘Intom minn dan ir-raħal?’ staqsa r-raġel b’ton maħnuq.
‘Le, imma wieħed mill-għalliema tal-iskola qalilna li f’dan il-wied hawn pjanti li ma ssibx f’widien oħra,’ wieġeb Frans.
Il-leħen maħnuq kien ġibed l-attenzjoni ta’ John li mill-basket ħareġ recorder u wara li għafaslu xi ħaġa, reġa’ tefgħu fil-basket. Imbagħad John resaq lejn dan ir-raġel u beda jistaqsih sa fejn kien iwassal il-wied u jekk kienx hemm triq li twassal għar-raħal l-ieħor. Ta’ makakk li kien, John ħareġ karta u lapes u talab lir-raġel jagħmillu pjanta ta’ kif kien il-passaġġ li jwassal għar-raħal l-ieħor. Ir-raġel ikkuntentah u ħarbixlu xi ħaġa, imbagħad kompla fi triqtu.
Paġna 11
Il-pjanta saret u waqt li Ġakbu kien qed iħarbex fuq il-karta, John għamel sinjal lill-oħrajn li Ġakbu kien xellugi. Imbagħad meta t-tfal tbiegħdu ftit passi minn Ġakbu, ħadulu ritratt mingħajr ma ntebaħ.
‘Iva, dan hu!’ qalet Rożina lil Toni meta mar għandha flimkien mat-tfal biex juriha r-ritratt.
Rożina staqsiet ukoll lil Toni u t-tfal kif kienu daħlu f’dan il-każ, u Toni qalilha li dan kellu jibqa’ sigriet bejniethom, filwaqt li wiegħdet li jekk tieħu xi ħaġa mill-flus lura kienet se taħseb fihom.
Dakinhar stess, Toni kien għadda l-informazzjoni kollha lis-Surġent Fred u aktar tard Ġakbu ġie arrestat. Jumejn wara, Ġakbu tressaq il-Qorti u l-każ tiegħu kien irrappurtat fil-ġurnali.
‘Suċċess ieħor,’ qalet Doris waqt li kienet qed twaħħal il-biċċiet tal-gazzetti li rrappurtaw il-każ.
null
Paġna 12
Tmiem