
Wara s-suċċess tal-każ tar-remissa abbandunata, John, Frans u Doris għamlu kuraġġ ta’ sur, u ħeġġew lin-nannu Toni biex jistaqsi lis-Surġent Fred jekk hu (in-nannu) setax ikun ta’ għajnuna f’aktar investigazzjonijiet.
‘Żommu f’moħħkom li dan mhux biss raħal żgħir, imma n-nies tiegħu qatt ma taw fastidju lill-Pulizija,’ qal in-nannu, waqt li kien qed jaqra rapport dwar il-każ tar-remissa li kien irrappurtat f’wieħed mill-ġurnali.
‘Dan ifisser li din kienet avventura ta’ darba?’ staqsa John.
‘Forsi ’l quddiem għad tagħmel parti mill-Korp tal-Pulizija u jkollok tħabbat wiċċek ma’ każijiet ta’ din ix-xorta kuljum,’ wieġeb in-nannu. Toni kompla qal li dakinhar kien se jkellimhom fuq proġett ġdid, imma qabel kellu bżonn ifittex xi ħaġa mill-garaxx.
Anzjużi li jkunu jafu x’kien dan il-proġett, it-tfal marru miegħu fil-garaxx, fejn in-nannu qal li qed ifittex reġistri li fuqhom kienu mwaħħla biċċiet minn gazzetti antiki. Dawn kienu sfaru għax kien għadda ħafna żmien minn fuqhom. Fihom kien hemm rapporti dwar każijiet serji fejn il-Pulizija, b’mod partikolari d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, kien tqabbad jinvestiga. In-nannu Toni kien dam madwar ħamsa u għoxrin sena f’dak id-dipartiment.
‘Dawn ir-reġistri ntellgħuhom fuq biex xi mument noqogħdu narawhom, u nixtieq li intom tagħmlu xi ħaġa simili u tibdew bil-każ tar-remissa,’ qal in-nannu.







