Ħafna drabi Toni kien jieħu l-ewwel aħbarijiet dwar Ħal Dratta mingħand martu Carmen, u bir-raġun. Wara l-quddiesa tas-sebgħa ta’ filgħodu, Carmen kienet tmur tixtri mill-ħanut tal-merċa ta’ Ġovanna, fejn ħafna drabi kienu jinġabru diversi korrispondenti tal-aġenziji tal-aħbarijiet!
Hekk ġara f’għodwa minnhom meta Carmen reġgħet lura d-dar nifisha maqtugħ u madwar nofs siegħa tard iktar mis-soltu.
‘Xi nqala’ dalgħodu?’ staqsa Toni ftit imħasseb.
‘Kelli mmur nixtri f’tarf ir-raħal għax ilbieraħ serqu lil Ġovanna u llum ma fetħitx,’ wieġbet Carmen.
‘Lil din il-povra mara x’setgħu ħadulha?’ qal Toni.
‘Ħamsin ewro kulma ħadulha, imma qed jgħidu li mal-ħamsa ta’ filgħaxija se tibda tagħlaq il-ħanut,’ qalet Carmen.
Dakinhar filgħodu Toni kien sar jaf xi ftit mill-fatti u l-għajdut dwar din is-serqa, u sar jaf ukoll li l-Pulizija kienet arrestat żagħżugħ għax Ġovanna qalet li għarfitu.
Skont Ġovanna, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, Pawlu daħal jixtri, kif kien soltu jagħmel. Imbagħad ftit wara reġa’ daħal fil-ħanut b’maktur marbut taħt għajnejh u talabha l-flus tal-kexxun. Il-mara qalet ukoll li barra l-ħanut kien hemm xi ħadd ieħor li nstema’ jgħid: ‘Ħaffef, Pawl, għax resqin in-nies!’





