oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 12: Makakkerija fil-Bottegin tal-Każin

Wara l-promozzjoni tat-tim tal-futbol ta’ Ħal Dratta, il-kumitat tal-każin kien ħeġġeġ lin-nies tal-lokalità biex jikkontribwixxu ħames ewro kull familja għax kien hemm proġett biex jitkabbar il-każin. Ix-xewqa tal-kumitat kienet li tinxtara d-dar ta’ maġenb il-każin biex il-post jitkabbar. Għalkemm in-nies fil-maġġoranza tagħhom kienu wieġbu għal din is-sejħa, kienu meħtieġa iktar fondi għal dan il-proġett. Kien għalhekk li minn żmien għal żmien kienet tiġi organizzata xi attività fil-bitħa tal-każin.
Il-bottegin tal-każin kien ingħata b’offerta u bil-kundizzjoni li 75% mill-qligħ ta’ dawn l-attivitajiet imorru għall-kumitat. Barra minn dan, il-kumitat talab li jkun hemm rendikont bil-miktub ta’ kull attività biex ikun aċċertat li kulħadd jieħu dak li ħaqqu.
Il-bottegin kien ingħata b’kuntratt għal ħames snin lil Gejtu, pensjonant li kien għamel ħafna snin jaħdem f’ristoranti u lukandi. Gejtu kien rawwem klijentela fil-każin u kien jinsisti għad-dixxiplina. Minkejja dan, sentejn wara li ħa l-kuntratt kien inqala’ l-għawġ mal-kumitat.
Din l-informazzjoni Toni ħadha mingħand Gejtu meta rah ħiereġ mill-uffiċċju tal-Avukat Borg. Toni kien jafu sewwa lil Gejtu u għalkemm dakinhar sellem biss lil Gejtu, dan tal-aħħar fetaħ qalbu.
null
Paġna 1
‘Iridu t-tmiem tal-kuntratt tal-bottegin tal-każin meta l-ftehim huwa għal ħames snin,’ qal Gejtu b’ton ta’ wieħed inkwetat.
‘Tawk raġuni għal dan?’ staqsa Toni.
‘Qalu li qed napprofitta ruħi u nqarraq meta nagħmlu l-attivitajiet b’risq il-każin,’ wieġeb Gejtu.
Filwaqt li komplew mixjin lejn il-pjazza tar-raħal, Gejtu beda jispjega kif kienu qed isiru l-affarijiet. Huwa qal li qabel tibda l-attività kien isir rendikont tax-xorb u l-ikel li jkun hemm għall-bejgħ, u wara jsir rendikont ieħor ta’ dak li jkun fadal biex b’hekk ikunu jafu dak li nbiegħ. Gejtu qal ukoll li t-tlett irġiel li jkunu jbigħu kienu konxji ta’ dan biex ħadd ma jabbuża u jitfa’ xi flus fil-but. Huwa semma li fl-aħħar attività kienu nħlew ftit iktar minn ħames fliexken wiski u ġie kkalkulat kemm ħarġu grokkijiet. L-istess sar għall-ħobż biż-żejt u ikel ieħor.
‘X’ħareġ mill-kalkoli li għamiltu?’ staqsa Toni.
‘Skont il-kalkoli, il-flus miġbura kienu jaqblu ma’ dak li nħela, imma kien hemm min qal li għall-kwantità ta’ nies li kien hemm, il-qligħ kellu jkun iktar,’ qal Gejtu.
Paġna 2
Dakinhar din il-konverżazzjoni spiċċat hemm u meta Toni mar lura d-dar sab lil bintu Stella u żewġha Carlo. Dan tal-aħħar kien dilettant tal-ballun u kellu sehem fil-ġbir ta’ fondi biex jitkabbar il-każin. Carlo kien jaf ukoll dwar it-tilwima li kien hemm bejn Gejtu u l-membri tal-kumitat, imma qal li ma setax jagħti ġudizzju għax ma kienx jaf il-fatti kollha.
Tlett ijiem wara waslet il-ġurnata tas-Sibt, li fiha l-famużi ditektivs kienu jsibu suġġett fuqiex jitkellmu u n-nannu qalilhom x’kien sema’ dwar dan il-każ.
‘Aħna morna darbtejn ma’ missierna,’ qalet Doris, tirreferi għaż-żewġ okkażjonijiet fejn marret flimkien ma’ ħuha Frans.
‘Hekk hu,’ wieġeb Frans, filwaqt li staqsa fiex setgħu jgħinu f’każ ta’ din ix-xorta.
‘Nistgħu naraw fl-attività li se ssir tliet ġimgħat oħra u int imissek tingħaqad magħna,’ qalet Doris, tindirizza lin-nannu.
‘Jien ma niġix, imma ħudu lil John magħkom,’ qal in-nannu.
Sadattant, fuq parir tal-avukat, Gejtu kien aċċetta li ma jkollu ebda sehem fil-festin li kellu jsir fil-każin. Madankollu, talab li jkun infurmat b’kull dettall ta’ dak li jkun ġara. Il-kumitat aċċetta s-suġġeriment ta’ Gejtu u ddeċieda wkoll li peress li l-bitħa tal-każin kienet tippermetti, kienu se jagħmlu tliet postijiet mnejn jinxtara x-xorb u l-ikel. Dan kellu jsir biex kull persuna tkun responsabbli mill-post tagħha.
null
Paġna 3
L-attività saret kif ippjanata u l-attendenza kienet kbira bħal tas-soltu, imma wara li saru l-kalkoli reġa’ kien hemm l-istess dubji. Irriżulta li f’wieħed mill-postijiet tal-bejgħ, dak li ħa ħsieb Alex, ma kienx hemm id-dħul bħal tal-oħrajn. Madankollu l-flus miġbura kienu jaqblu mal-bejgħ tax-xorb u l-ikel minn dak il-post. Aktar minn hekk, il-persuna responsabbli minn dan il-post kien iben wieħed mill-membri tal-kumitat.
Dan it-tagħrif wassluh Frans u Doris fl-ewwel laqgħa li kellhom man-nannu wara li saret l-attività fil-każin.
‘Serja iktar milli ħsibna,’ qal John lil nannuh. John kompla qal li n-nies li attendew kienu tqassmu fit-tliet barijiet li kien hemm u kienet kurjuża l-affari tad-differenza fil-qligħ.
‘Min jaf Gejtu x’qal wara li tawh ir-rendikont?’ qal Frans.
‘Kieku Gejtu kien inkarigat minn dan il-bar diġà tefgħuh ’il barra,’ qal Toni. In-nannu kompla jgħid li l-aħjar deċiżjoni tkun li l-persuna li rriżulta li kellha l-inqas qligħ ma kellhiex titqabbad fl-attività li kien imiss.
Not likely!’ qal Frans, ifendi waħda bl-Ingliż. Frans qal dan id-diskors għax kien jaf li missier Alex kien l-iktar membru ħabrieki fil-kumitat.
null
Paġna 4
‘Dak l-iżball, għax l-onestà u l-integrità mhumiex kwalitajiet ereditarji,’ qal Toni, waqt li fisser li jekk kien hemm suspett dwar Alex, il-kumitat kellu dmir li jistħarreġ.
‘Imma kif?’ staqsa John.
‘Dwar dan irridu naħsbu,’ wieġeb in-nannu.
Xi jiem wara, Toni reġa’ ltaqa’ ma’ Gejtu u għalkemm dan tal-aħħar kien sodisfatt b’dak li ġara, xorta waħda baqa’ ddispjaċut dwar l-aġir tal-membri tal-kumitat. Gejtu saħansitra stqarr li meta ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u jsir magħruf min kien qed ibagħbas, kien se jtemm il-kirja tal-bottegin. Gejtu qal ukoll li għall-attività li kien imiss, dik tal-festi tal-Milied, il-kumitat talbu jieħu sehem minkejja li ma kinitx se ssir fil-każin. Minkejja kollox, Gejtu ma ħalliex l-umiltà li kellu tirbaħ lir-rabja, u aċċetta. Il-post magħżul għal din l-ikla kien is-sala taċ-ċentru parrokkjali tar-raħal.
Iż-żmien beda riesaq għall-ikla l-kbira organizzata mill-kumitat tal-futbol u filwaqt li kien se jsir il-ħlas bil-quddiem għall-ikel, ix-xorb ried jinxtara apparti. Din id-darba l-kumitat iddeċieda li jkun hemm żewġ barijiet, dak ta’ Gejtu u l-ieħor kellu jieħu ħsiebu Alex.
null
Paġna 5
Għal darba oħra, John mar mal-kuġini li kienu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom. Imma din id-darba John kien iktar moħħu x’kien qed isir fil-bar ta’ Alex. Konxju mill-fatt li ma setax isegwi dak kollu li qed isir, John ħa l-video camera miegħu u ppuntaha lejn il-bar ta’ Alex li nzerta viċin. Dan ma kienx b’kumbinazzjoni, imma John kien talab lil nannuh biex Gejtu jirriserva ħames postijiet lejn il-bar ta’ Alex.
‘X’għandek f’moħħok?’ staqsa Toni meta John talbu biex ikellem lil Gejtu dwar dan l-arranġament.
‘Din id-darba għandna opportunità tajba biex inkunu nafu aħjar x’qed jiġri,’ wieġeb John.
Għal darba oħra l-attività rnexxiet, u anke din id-darba kien hemm is-suspetti. Minkejja li d-diskrepanza kienet naqset, wara li saru l-kalkoli tal-bejgħ, mill-bar ta’ Gejtu kienu daħlu iktar flus. Madankollu, wara l-ivverifikar max-xorb ikkunsmat, ma rriżultax li kienu ttieħdu xi flus.
Imma din id-darba John qal li x’aktarx kellu spjegazzjoni għal dak li kien qed jiġri. Dakinhar tal-ikla John kien iktar moħħu f’dak li kien qed jiġri fil-bar ta’ Alex milli f’dak li kien qed jiekol. Filwaqt li għamel dan, żamm il-kamera biex jekk jirriżulta dak li kien qed jaħseb, ikollu kollox irrekordjat.
L-għada tal-ikla John qagħad jifli dak li ġibdet il-kamera, b’mod speċjali fil-mumenti li Peter, il-ħabib ta’ Alex, deher diversi drabi jnewwel fliexken tal-luminata lil Alex. Fi żmien li saret din l-ikla, John kien bil-vaganzi tal-Milied, għalhekk ma kienx se jikser il-ftehim li kien sar ma’ nannuh, li dan ix-xogħol ma kellu jsir qatt fil-ġranet tal-iskola.
Paġna 6
In-nannu ssieħeb ma’ John wara li n-nanna ħarġet għall-quddies. Imma għan-nannu, il-fatt li kien hemm żagħżugħ inewwel xi fliexken lil Alex ma deherx li kien hemm xi ħaġa ħażina.
‘X’qed tara ħażin billi wieħed jirritorna l-fliexken vojta lura?’ staqsa n-nannu.
‘Int min qallek li dawk il-fliexken vojta?’ staqsa John, filwaqt li kompla qal li l-kontenut tal-fliexken ma kienx abjad, kif jindika l-flixkun.
‘Iva, ja ħmar li jien! Dak safrani… dak wiski!’ qal in-nannu.
‘Ara issa hux qed naħsbu l-istess,’ qal John.
‘Qed idaħħlu l-wiski minn barra u jbigħuh,’ qal in-nannu, filwaqt li għorok ras John b’sinjal li kien sab tarf il-kobba mħabbla.
John kompla qal li dak li kien qed inewwel il-fliexken lil Alex kien akkumpanjat minn tfajla u l-fliexken kienu fil-basket tagħha. Huwa qal ukoll li din il-mara dehret ħierġa iktar minn darba mis-sala u ma kellux dubju li kienet qed iġġib ix-xorb mill-karozza ta’ Alex li kienet ipparkjata fil-viċin.
‘B’dan il-mod wieħed seta’ jbigħ tlieta jew erba’ fliexken wiski, jikkalkula d-dħul tagħhom u jitfa’ l-flus fil-but mingħajr ma jkun seraq xejn,’ qal in-nannu.
‘Xi provi għandek li t-tfajla marret ġabet ix-xorb mill-karozza ta’ Alex?’ staqsa n-nannu.
null
Paġna 7
‘Frans ħareġ mis-sala u segwieha mingħajr ma ħoloq suspett,’ wieġeb John filwaqt li staqsa x’kien il-pass li jmiss.
‘L-aħjar li ngħid b’kollox lill-Avukat Borg u ngħidlu li jkun aħjar li l-każ ikun solvut b’kunfidenzjalità kbira, imma b’mod li jitneħħew is-suspetti f’Gejtu,’ wieġeb in-nannu. Toni staqsa wkoll jekk dawk il-filmati setgħux isiru b’mod li jkun jista’ jarahom l-avukat. Għalhekk John għamilhom fuq DVD u tahom lin-nannu.
L-Avukat Borg kien qabel mad-deċiżjoni ta’ Toni kif għandha tkun solvuta din il-kwistjoni u wara li ra l-filmati u sema’ dak li kellu xi jgħid Toni, kien talab lill-president u lis-segretarju tal-kumitat tal-futbol biex imorru s’għandu. Konvinti mill-ispjegazzjoni tal-avukat, kien ġie deċiż li Gejtu biss kellu jagħżel lil min jgħinu fl-attivitajiet li kellhom isiru.
Minkejja din id-deċiżjoni, Gejtu baqa’ ma jafx bil-ħidma ta’ Toni u n-neputijiet. Għalkemm lil Alex ħadd ma kien akkużah b’xi qerq, il-fatt li kien tħalla barra mill-attivitajiet li saru wara kienet prova biżżejjed li t-tbagħbis tiegħu kien inkixef. Għalhekk ma lmentax li ma baqax jipparteċipa f’dawn l-attivitajiet.
null
Paġna 8
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations