‘Kien ilu jgħid li għad jagħmel waħda minn tiegħu,’ qal Toni meta sema’ lil martu tgħid li kienu qed ifittxu lil Wenzu Pace, għażeb ta’ erbgħin sena li kien jgħix waħdu fid-dar li trabba fiha.
‘Tgħid għamlulu xi ħaġa?’ staqsiet mart Toni.
Minn ċkunitu Wenzu kien tifel żvelt u jħobb jagħmel xi praspura. Kien żagħżugħ attiv fiċ-ċentru parrokkjali u kellu sehem kbir fit-twaqqif ta’ grupp ta’ atturi teatrali li għal xi żmien kienu jorganizzaw attivitajiet teatrali fis-sala tal-istess ċentru. Imma wara l-mewt ħesrem ta’ missieru u ommu, Wenzu ma baqax l-istess raġel ferrieħi bħalma kien u qata’ ħafna mill-kumpanija li kellu.
Jum fost l-oħrajn, Tereża, il-ġara ta’ Wenzu, marret l-għassa tal-Pulizija u qalet li kienet ilha ma tara lil Wenzu xi tlett ijiem u bdiet titħasseb. Il-mara qalet li t-trakk żgħir ta’ Wenzu kien ipparkjat quddiem il-bieb u li filgħaxija ma kienet rat ebda dawl.




