(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 10: Is-Serq tal-Kalċi

Dun Anġ kien qassis maħbub ħafna f’Ħal Dratta u kien serva f’dik il-parroċċa għal aktar minn erbgħin sena. In-nies kellha rispett u mħabba kbira lejn dan il-qassis umli u kienet tirrikorri għandu mhux biss għall-qrar, imma għall-pariri, b’mod speċjali meta kienu jidhru xquq fil-paċi tal-familja.
Kien għalhekk li meta ħalla din id-dinja għal oħra aħjar, il-kappillan iddeċieda li l-armarju li s-soltu kien juża Dun Anġ fis-sagristija tal-knisja jżommu fl-abiti tiegħu. Fl-istess armarju nżamm il-kalċi li l-qassis kien juża waqt il-quddies.
Dan il-ġest sabiħ fil-paroċċa ta’ Ħal Dratta mhux biss issemma fil-ktejjeb ippubblikat kull sena fi żmien il-festa tar-raħal, imma ssemma wkoll f’xi ġurnali. Min qatt ħaseb li ġest nobbli bħal dan kellu jservi biex il-kalċi ta’ Dun Anġ ikun fil-mira tal-ħallelin? Is-serqa tal-kalċi kien intebaħ biha s-sagristan meta ftit qabel il-ħamsa ta’ filgħaxija f’ġurnata minnhom kien mar iħejji kollox għall-quddiesa tas-sitta ta’ filgħaxija. Ftit tal-ħin wara daħal Dun Mario, dak li kien se jqaddes.
‘Għandna l-inkwiet,’ qal is-sagristan lill-qassis.
‘Xi nqala’?’ staqsa Dun Mario.
‘Xi ħadd fetaħ l-armarju ta’ Dun Anġ u ħa l-kalċi,’ qal is-sagristan.
‘Inkunu ċerti minn dak li ġara biex ma nallarmawx in-nies ta’ xejn,’ kompla qal Dun Mario.
Ftit qabel ma bdiet il-quddiesa tas-sitta ta’ filgħaxija, il-kappillan daħal fis-sagristija u s-sagristan qallu b’kollox.
null
Paġna 1
‘Tmiss xejn qabel jiġu l-pulizija,’ qal il-kappillan.
Imbagħad, ftit qabel spiċċat il-quddiesa, il-kappillan deher riesaq lejn l-ambone filwaqt li għamel sinjal lin-nies biex jibqgħu fil-knisja. B’ton imbikkem il-kappillan qal li kellu aħbar ħażina x’jagħti. In-nies issummat tisma’ dan id-diskors u wara li qalilhom x’kien ġara fis-sagristija, in-nies ħarġet ixxandar l-aħbar mar-raħal kollu.
‘X’wasal issa biex jisirqu!’ qalet Carmen lil żewġha Toni meta daħlet tiġri ġewwa hekk kif semgħet l-aħbar. Carmen ma kinitx semgħet x’ħabbar il-kappillan, imma saret taf waqt li kienet qed tixtri mill-ħanut tal-merċa.
‘Xi nqala’ dalgħodu?’ staqsa Toni.
‘Saret serqa kbira mill-knisja… ara fiex wasalna!’ qalet Carmen kollha eċitata.
Imma ġara li l-aħbar tas-serqa kif kien taha l-kappillan kienet inbidlet b’mod drastiku għax ħafna żiedu magħha li kien insteraq id-deheb min-niċċa tal-istatwa tal-Madonna.
Fejn is-soltu Toni kien jattendi għall-quddies kmieni filgħodu, dakinhar mar għall-quddiesa tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, imma sa dak il-ħin fis-sagristija kien għad hemm il-pulizija u xi uffiċjali tal-Qorti, għalhekk ma marx ikellem lill-kappillan. Madankollu Toni kien sar jaf li martu kienet semgħet l-istorja b’ħafna xniexel żejda għax wara kollox kien insteraq biss il-kalċi. Għalhekk, meta wasal id-dar Toni qal lil martu li l-aħbar kif ħarġet mill-ħanut tas-CNN minn fejn kienet semgħetha ma kinitx korretta.
Is-serqa tal-kalċi kienet saret f’nofs il-ġimgħa u Toni ra kif għamel biex sal-Ġimgħa jkun ġabar iktar tagħrif dwar is-serqa biex l-għada, is-Sibt, jiddiskuti l-każ man-neputijiet. Il-pjan ta’ Toni rnexxa għax jumejn wara s-serqa Toni kien iltaqa’ mal-kappillan u dan qallu b’dak kollu li kien stqarr mal-Pulizija.
Paġna 2
Skont il-kappillan, il-kalċi nsteraq minn persuna midħla tal-knisja għax mhux kulħadd kien jaf bl-armarju ta’ Dun Anġ. Il-kappillan kien ukoll tal-fehma li l-ħalliel kien staħba xi mkien fil-knisja wara li kienet spiċċat il-quddiesa tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, u wara li seraq il-kalċi ħareġ mill-bieb tal-ġenb tal-knisja.
‘Kif wasalt għal din il-konklużjoni?’ staqsa Toni lill-kappillan.
‘Il-bieb iż-żgħir tal-knisja s-soltu jingħalaq minn barra permezz tal-muftieħ, imma minn ġewwa jista’ jinfetaħ faċilment,’ wieġeb il-kappillan.
Fl-ewwel laqgħa man-neputijiet, Toni qalilhom bis-sagrileġġ li diġà kienu semgħu bih u John staqsieh jekk wara każ bħal dan kienx se jsir it-tberik mill-ġdid tal-knisja.
In-nannu fehem li John kien qed jirreferi għall-konsagrazzjoni mill-ġdid tal-knisja, imma dan ma kienx każ daqshekk serju li għalih kien meħtieġ li l-knisja tkun ikkonsagrata mill-ġdid. Toni qal li lanqas kieku nsteraq il-pissidi bl-Ostji Mqaddsa ma kien hemm għalfejn issir iċ-ċerimonja li ssemmiet. In-nannu qalilhom ukoll li l-liġi Kanonika tal-Knisja tispeċifika l-każijiet serji fejn ikun meħtieġ li ssir il-konsagrazzjoni tal-knisja mill-ġdid.
It-tagħrif miġbur sa dakinhar li saret din il-laqgħa kien biss dak li l-kappillan kien qal lil Toni, għalhekk dan ħeġġeġ lid-ditektivs tiegħu biex jindagaw aktar.
null
Paġna 3
‘X’tissuġġerixxi li nagħmlu?’ staqsa John.
‘Irridu nistabbilixxu min kien preżenti għall-quddiesa tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija ta’ dakinhar li saret is-serqa,’ wieġeb in-nannu, filwaqt li qal li kien biżżejjed li jitkellmu ma’ għaxra min-nies.
‘Normalment għall-quddiesa tas-sitta u nofs ikun hemm l-istess nies u għalhekk dan it-tagħrif tista’ ġġibu int,’ qal John. John staqsa wkoll x’valur kellu l-kalċi misruq u n-nannu spjega li l-kalċi ma kienx tad-deheb bħalma kienu qed jgħidu n-nies. Huwa qal li normalment il-kalċi jkun tal-fidda u jkollu qoxra rqiqa tad-deheb. Toni semma wkoll li jekk jiddewweb għall-fidda, il-kalċi ma kienx iġib ħafna flus u min kien se jipprova jbigħu kien se jissogra li jinqabad.
Għalkemm fil-laqgħa mat-tfal fis-Sibt ta’ wara n-nannu kien semma madwar erbgħin ruħ li kienu jattendu għall-quddiesa ta’ filgħaxija, ħadd mit-tfal ma kien jaf lil dawn in-nies. Kien għalhekk meħtieġ li jinstabu sorsi oħra għax il-każ kien beda jintesa. Sadattant il-Kunsill Parrokkjali kien ħareġ stqarrija li fiha ngħad li kien lest iħallas €200 biex ikun akkwistat lura l-kalċi misruq.
Il-kliem tan-nannu dwar il-bejgħ tal-kalċi kien baqa’ jidwi f’widnejn Frans u għalhekk kien jistaqsi lilu nnifsu: ‘X’kienet ir-raġuni ta’ din is-serqa jekk ma kinitx waħda għal gwadann?’
‘Kellux f’moħħu jivvendika ruħu?’ qalet Doris meta kienet qed titkellem ma’ ħuha.
‘Hekk qed naħseb, u nhar is-Sibt nitkellmu man-nannu dwar dan,’ qal Frans.
Meta dan is-suġġett reġa’ tqajjem fil-“kwartieri ta’ Scotland Yard”, it-teorija ta’ Doris intgħoġbot u ġiet diskussa. Barra minn dan, in-nannu qal li kien se jkellem lis-Sur Bezzina, il-Viċi President tal-Kunsill Parrokkjali.
Paġna 4
Eventwalment, mingħand is-Sur Bezzina, Toni kien sar jaf li d-deċiżjonijiet li kien jieħu l-Kunsill Parrokkjali kienu jiġu ppubblikati fil-fuljett dwar il-parroċċa, kull tliet xhur. Madankollu, Toni staħa jistqarr mas-Sur Bezzina li qatt ma qara x’kien jissemma f’dawk il-fuljetti. Għalhekk dakinhar is-Sur Bezzina kien wiegħed lil Toni li kien se jħallilu dak li talab mas-sagristan. Imbagħad fl-ewwel laqgħa mad-ditektivs kien instab dak li seta’ kien il-motiv għas-serq tal-kalċi, minkejja li dan il-fatt kien magħruf minn kulħadd.
Għal ħafna snin f’Ħal Dratta l-istatwa tal-Madonna kienet tinġarr minn membri ta’ sitt familji, u dan id-dritt kien jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra.
null
Paġna 5
Madankollu fl-aħħar snin kienu saru diversi talbiet minn individwi biex jingħataw iċ-ċans jerfgħu l-istatwa. Dan wassal biex sar tibdil, u ta’ kull sena kellu jinbidel wieħed mir-reffiegħa ma’ wieħed magħżul bix-xorti wara li jkun għamel talba biex ikun wieħed mir-reffiegħa. Kien għalhekk li xahrejn qabel il-festa ttellgħet ix-xorti u Kalanċ Mifsud kellu jċedi postu lil ħaddieħor. Kienu ta’ xejn il-protesti ta’ Kalanċ għax il-Kunsill Parrokkjali u l-kappillan qalu li l-affarijiet saru skont kif miftiehem.
Irrabjat għal din id-deċiżjoni, Kalanċ u l-membri tal-familja tiegħu ma baqgħux jattendu l-knisja parrokkjali ta’ Ħal Dratta u kienu jmorru għall-quddies fil-kappella tas-sorijiet f’tarf ir-raħal. Madankollu, wara xi żmien, mart Kalanċ u ż-żewġ uliedu xebbiet reġgħu dehru fil-knisja parrokkjali u kienu komplew jagħtu daqqa t’id fit-tindif tal-knisja. Sadattant, Kalanċ ma baqax attiv fil-każin tal-banda, madankollu xorta waħda baqa’ midħla tal-każin. Kien minn hawn li d-ditektivs akkwistaw informazzjoni li poġġiet lil Kalanċ bħala suspettat tas-serq tal-kalċi. Skont informazzjoni li akkwista John, Kalanċ ma kienx deher il-każin minn xi tlett ijiem qabel is-serqa sa ġimgħa wara. Aktar minn hekk, minkejja li kulħadd kien jitkellem dwar dan is-suġġett, Kalanċ kien joqgħod lura li jikkummenta.
null
Paġna 6
‘Imma dawn s’issa huma biss trufijiet żgħar u rridu nistabbilixxu aktar fatti,’ qal in-nannu.
Toni kien jaf sewwa lil Kalanċ u għalhekk ma kellux dubju illi jekk dan kien seraq il-kalċi ma kellux l-intenzjoni li jdewbu jew ibigħu. Imbagħad meta Doris stqarret li bint Kalanċ kienet instemgħet tgħid li missierha kien jaf min seraq il-kalċi, Toni ddeċieda li jkellmu. Imma fl-ewwel laqgħa li kellu ma’ Kalanċ, dan ċaħad li kien jaf xi ħaġa dwar is-serq tal-kalċi. Huwa semma wkoll li fil-ħin li saret is-serqa, hu kien qed jistad fuq il-baħar ma’ Saver. Minkejja dan, Toni ma qal xejn dwar x’kienet qalet bint Kalanċ.
Sadattant, John u Frans bdew ifittxu l-passi ta’ Kalanċ u darba minnhom rawh jargumenta ma’ Dwardu Zarb, in-neputi ta’ Dun Anġ. Waqt dan l-argument Kalanċ instema’ jgħid lil Dwardu: ‘Int wettaqt sagrileġġ!’
Wara din l-informazzjoni, l-istħarriġ ħa żvolta oħra għax, sena qabel, Dwardu kellu l-inkwiet mal-kappillan u mal-Kunsill Parrokkjali fuq il-wirt ta’ Dun Anġ. Dwardu kien l-uniku eredi ta’ Dun Anġ minkejja li dan tal-aħħar ma ħalliex testment. Il-gwaj beda għaliex xi ħadd kien qal lil Dwardu li Dun Anġ kien silef xi flus lill-parroċċa. Madankollu, ma kien instab xejn bil-miktub dwar dan is-self u lanqas instab li Dun Anġ kien ħallas xi ħaġa minn butu għal xi ħaġa mixtrija mill-knisja.
null
Paġna 7
Għat-tieni darba, Toni reġa’ mar ikellem lil Kalanċ u din id-darba qallu li jkun aħjar li jserraħ il-kuxjenza. Kif sema’ dan id-diskors, Kalanċ infexx jibki u qal lil Toni biex jgħinu, imma ma ried idaħħal lil ħadd fl-inkwiet. Għalhekk staqsieh x’seta’ jiġri jekk il-kalċi jerġa’ lura fejn kien. Dwar dan, Toni qal li l-ewwel xtaq ikellem lill-kappillan, u hekk għamel.
Għalkemm is-serqa tal-kalċi bdiet tintesa, il-kappillan baqa’ mħasseb dwarha, għax f’Ħal Dratta qatt ma kien insteraq xejn mill-knisja.
‘Xi tgħid li kellek issib il-kalċi lura fil-knisja?’ staqsa Toni lill-kappillan.
‘Biex int ġej illum, Ton?’ qal il-kappillan.
Imbagħad Toni qallu li kien hemm il-possibbiltà li l-kalċi jittieħed lura, kemm-il darba l-kappillan ma jinsistix li jkun jaf min kien serqu.
‘Jiena l-kalċi rrid u mhux il-ħalliel,’ qal il-kappillan.
Toni wassal dan il-messaġġ lil Kalanċ u qallu li kien lest jieħu l-kalċi għand il-kappillan. Qallu wkoll li kien jaf li Dwardu kien imdaħħal, imma aċċertah li dwar dan ħadd mhu se jkun jaf b’xejn.
‘Agħtini erbat ijiem żmien u nerġa’ nkellmek,’ qal Kalanċ lil Toni.
null
Paġna 8
B’riżultat tal-istħarriġ tat-tfal flimkien man-nannu, il-kalċi ta’ Dun Anġ reġa’ sab post fl-armarju. Doris, li bil-ħidma tagħha kien issolva dan il-każ, kienet ħadet il-kalċi u poġġietu f’wieħed mill-konfessjonarji. Ftit mumenti wara, f’telefonata lill-kappillan, ingħata l-aħbar f’liema konfessjonarju kellu jsib il-kalċi.
Imbagħad waqt l-ewwel laqgħa tad-ditektivs, in-nannu qalilhom il-kumplament tal-istorja. Kalanċ kien ġie avviċinat minn Dwardu biex jisraq il-kalċi, imma dan irrifjuta. Dwardu kien talab lil Kalanċ għax kien jaf li dan tal-aħħar kien urtat wara li ma tħalliex jerfa’ fl-istatwa. In-nannu semma wkoll li Dwardu kien baqa’ jinsisti li l-kalċi kien parti mill-wirt ta’ zijuh. Issemma wkoll li Dun Anġ kellu muftieħ tal-bieb iż-żgħir tal-knisja għax meta kien iqaddes tal-ewwel, is-sagristan ma jkunx laħaq fetaħ il-knisja. Dwardu kien sab il-muftieħ fid-dar ta’ zijuh u seta’ jidħol faċilment f’kull ħin fil-knisja, u hekk għamel dakinhar li ħa l-kalċi. Aktar minn hekk, Dwardu kellu kopja taċ-ċavetta tal-armarju ta’ Dun Anġ, u dan kompla għamel is-serqa aktar faċli.
null
Paġna 9
Tmiem