(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Pet mhux tas-Soltu

“U ejja, papà, ħallini nġib ġeru milli għadha kemm kellha Simba, il-kelba taz-ziju Manwel,” qered Bernard, hekk kif missieru wasal lura mix-xogħol.
“Bernard, qalbi, diġà għednielek kemm-il darba jien u missierek li aħna ma nistgħux inżommu klieb,” weġbitu fil-pront il-mamà. “Biex iġġib kelb irid ikollok ċans toħorġu tal-anqas darbtejn kuljum, tagħtih jiekol u jixrob, tnaddaflu, taħslu, u tilgħab miegħu wkoll.”
“Hekk hu,” qabel magħha l-papà hu u jpoġġi mal-mejda u ħa f’idejh il-magg tal-kafè, li newlitlu l-mamà.
null
Paġna 1
Bernard reġa’ pprova jieħu r-raġun m’ommu u ma’ missieru. Kien ilu wisq jixtieq kelb, u issa li zijuh kellu minn fejn jagħtih wieħed, aktar kabbar xewqtu. “Dik ħaġa żgħira kieku. Nibda nqum kmieni u noħorġu passiġġata, u qabel noħroġ għall-iskola nara li għandu x’jiekol u x’jixrob. Xħin nasal lura nerġa’ noħorġu u, wara li nlesti x-xogħol tal-iskola, noqgħod nilgħab miegħu. Nhar ta’ Sibt nibda nagħtih banju,” qalilhom eċitat it-tifel.
null
Paġna 2
Il-mamà ħarset minn taħt lejn żewġha; binha kien donnu kkonvinċieha, imma l-papà ma ried jibdel fehmtu b’xejn. “Għall-ewwel kollox tibda tara sabiħ u ħafif, imma meta jibda għaddej iż-żmien tibda tiddejjaq u tispiċċa titlaq kollox. La jien u lanqas il-mamà m’għandna ċans nieħdu ħsieb klieb u, barra minn hekk, matul il-ġurnata se jqatta’ ħafna ħin waħdu għax jiena u l-mamà nkunu x-xogħol u int tkun l-iskola,” qal il-papà b’ton li ried ifisser li d-diskursata kellha tieqaf hemm.
Bernard dendel xofftu t’isfel, u b’rasu baxxuta u bid-dmugħ f’għajnejh ħareġ mill-kċina u baqa’ sejjer dritt f’kamartu.
null
Paġna 3
“Ron, naħseb li issa t-tifel kiber biżżejjed biex jerfa’ ftit responsabbiltà. Li jkollu kelb naħseb li mhix idea ħażina, speċjalment jekk hu daqshekk konvint li se jieħu ħsiebu,” qalet il-mamà bit-tama li ddawwar fehmet żewġha.
“Le, Vanessa, le. Ma rridx klieb f’dari, speċjalment ġeru. Biex jispiċċa jqatta’ u jgerrem kulm’hawn, hekk kif isib ruħu waħdu,” għolla kemxejn leħnu l-papà, u qam minn mal-mejda.
“Min jaf mela, jekk inħalluh iġib xi qattus?” kompliet tinsisti l-mamà.
“Mela mhux hekk! Dak agħar minn kelb. Ara kieku kif jigref l-għamara u l-poġġaman kollu!” gerger Ron, filwaqt li żied jgħid, “M’għandux il-ħut tal-akkwarju bħala pets? X’jambih il-kelb! Dak intrigu żejjed.”
Il-mamà kellha taqbel ma’ żewġha, għax fil-fond ta’ qalbha kienet taf li kulma qal kien kollu minnu. Mill-banda l-oħra, xtaqet tara lil binha kuntent, għax dan l-aħħar ħlief isemmi l-ġriewi ta’ ħuha Manwel ma kienx.
null
Paġna 4
Jumejn wara, Bernard mar jgħaddi nofstanhar għand in-nanna Marì, għax inzerta li ma kellux skola. Ma setax jonqos li d-diskors jaqa’ fuq il-ġriewi taz-ziju Manwel, li kien qed iżommhom fil-garaxx tan-nanna Marì. It-tifel bilkemm ried jiċċaqlaq minn ħdejhom, lanqas biex imur jiekol.
Bernard kien irrakkonta l-ġrajja ta’ jumejn qabel lil nanntu, u saħansitra kien ukoll tarrfilha x’kien intqal bejn il-mamà u l-papà wara li hu kien ħareġ mill-kċina. In-nanna ma kienet taqbel xejn ma’ bintha Vanessa u żewġha Ron dwar il-fatt li Bernard ma setax iżomm ġeru bħala pet. Xtaqet tagħmel xi ħaġa, imma fl-istess ħin ma riditx tindaħal.
Hi u tqatta’ l-ħaxix għall-minestra, in-nanna Marì ġieha ħsieb dwar x’kellha tagħmel biex iddawwar il-fehma ta’ Vanessa u Ron. Tbissmet u, wara li poġġiet il-borma fuq in-nar, meddet għonqha għax-xogħol.
null
Paġna 5
Bil-paċenzja kollha ħadet patata kbira, qasmet karrotta f’erbgħa, u daħħlet kull biċċa fil-patata b’tali mod li l-patata ġiet qisha għandha s-saqajn. Sabet qarabagħlija żgħira u waħħlitha mal-patata bħala ras. Bil-weraq tal-pastard għamlet par widnejn u denb. Fl-aħħar pinġiet par għajnejn, imnieħer u ħalq fuq il-qarabagħlija. Hekk, il-ġeru li kellha f’moħħha tagħmel, kien lest għalkemm aktar kien qisu xi aljen!
In-nanna ħadet il-ġeru tal-ħaxix lil Bernard, li kien għadu jilgħab mal-ġriewi. Dan xħin rah tgħidx kemm daħak bil-qalb. In-nanna qaltlu, “Bernard, dan il-pet il-ġdid tiegħek. Qis li tieħu ħsiebu sew u tara li ma jkun jonqsu xejn, daqslikieku għandek wieħed minn dawn,” spjegatlu, hi u tipponta lejn il-ġriewi.
null
Paġna 6
Bernard inħasad b’dal-kliem u bilkemm ma ħasibx li, jew nanntu trid tgħaddih biż-żmien, jew inkella kienet bdiet tiżmaga. In-nanna qratlu moħħu u bi tbissima nebbiexa qaltlu, “Inti tixtieq jew ma tixtieqx, li sal-ġimgħa d-dieħla, ikollok ġeru minn dawn għalkollox?”
L-imsejken tifel ma seta’ jifhem xejn imma l-ħsieb li jekk jieħu ħsieb dak l-ispeċi ta’ ġeru tal-ħaxix għal ġimgħa sħiħa, kien se jakkwistalu ġeru minn ta’ Simba, kien lest li jidħol għall-isfida b’ruħu u b’ġismu. Għalhekk, in-nanna rabtet biċċa spaga m’għonq il-ġeru u staqsiet lil Bernard x’isem kien se jagħtih.
null
Paġna 7
Wara li ħaseb ftit, it-tifel iddeċieda li jsemmi lill-pet il-ġdid tiegħu Fido. U, fuq twissija tan-nanna, ħadu miegħu d-dar u raqqdu f’kaxxa taż-żraben ħdejn is-sodda. Kull filgħodu kien joħroġ passiġġata b’Fido u qabel imur l-iskola kien iħallilu bieqja bl-ilma u ftit frak tal-kejk jew gallettini. Xħin jirritorna lura mill-iskola, kien iżommu ħdejh, u wara joqgħod jilgħab u jitkellem miegħu. Saħansitra kien idaħħlu jinħasel miegħu u jpoġġih fuq siġġu ħdejh waqt l-ikla ta’ filgħaxija.
null
Paġna 8
L-ewwel jumejn għaddew b’wiċċ il-ġid, u minkejja li l-mamà u l-papà kienu ntebħu bl-imġiba stramba ta’ binhom, ma kkummentaw xejn. Imma mat-tielet jum, il-patata, il-karrotta u l-qarabagħlija bdew jitħassru u jintnu. Kien kollu ta’ xejn li l-papà pprova jkellem lil ibnu bil-kelma t-tajba biex jeħles minn dak l-ispeċi ta’ pet, għax it-tifel ma riedx jisma’, u xħin il-mamà ssuġġeriet li jarmih, Bernard tgħidx kemm beka.
null
Paġna 9
Dak il-lejl il-papà m’għalaqx għajn m’għajn, kien ħadha bi kbira wisq l-imġiba stramba ta’ ibnu. Il-mamà wkoll kienet inkwetat xi ftit, imma basret li din kienet xi logħba minn t’ommha. Lil żewġha ma wrietu b’xejn, biss ittamat li l-istorja ma ddumx ma tgħaddi b’wiċċ il-ġid.
null
Paġna 10
L-għada l-papà ddawwar ftit biex wasal id-dar mix-xogħol, tant li kemm il-mamà kif ukoll Bernard inkwetaw għalih. Xħin fl-aħħar semgħuh jiftaħ il-bieb ta’ barra, ġrew it-tnejn għal fuqu biex jaraw li ma kien ġralu xejn. X’sorpriża ħadu! Il-papà ma kienx waħdu, f’idu kellu ġeru tassew gustuż.
“Hawn, Bernard, dan għalik. Iz-ziju Manwel qalli li dan l-abjad xtaqt, hux tassew?” staqsa l-papà lil ibnu hu u jnewwillu f’idejh il-ġeru.
null
Paġna 11
Kemm Bernard kif ukoll il-mamà kienu għadhom b’ħalqhom miftuħ, mistagħġbin b’din l-aħbar. “Iva… iva… dan xtaqt…” temtem it-tifel hekk kif ħa f’idejh il-ġeru u beda jbusu kemm jiflaħ. “Nista’ nżommu għalkollox, pa?” staqsieh inċert Bernard.
“Iva, dak issa sar tiegħek u qis li tieħu ħsiebu sew,” wieġbu l-papà, hu u jgerfixlu ħafif xagħru nnukklat. It-tifel irringrazzjah u ħareġ sparat fil-bitħa ferħan se jtir.
null
Paġna 12
Il-mamà newlet kikkra kafè lil żewġha u staqsietu, “X’fettillek, Ron?”
“U tgħid mhux se nħalli lil ibni jiġri b’pet immuffat u jinten, u jaħseb li hu xi ġeru tassew!” stagħġeb Ron.
Il-mamà tbissmet minn taħt. Issa kienet fehmet il-logħba t’ommha. Il-ħsieb tan-nanna Marì kien irnexxa wara biss tlitt ijiem.
null
Paġna 13
Tmiem