oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Lublieba għall-Ħelu

null
Andy kien qiegħed l-iskola. Il-mamà daħlet fil-kamra tiegħu ikkargata biex taqlagħlu s-sodda u tibdillu l-lożor u l-investa. “Ma jistax ikun u ma jistax ikun!” qalet b’rabja hekk kif ċaqalqet l-imħadda minn postha. “Dan it-tifel se jġenninni! Għandu rasu taż-żonqor!” Hemm, taħt l-imħadda, kien hemm gozz karti tal-ħelu. “Kilt ilsieni ngħidlu biex ma jixtrix ħelu,” kompliet tgerger waħidha, “imma għall-ħelu żaqqu taqagħlu!”
Meta ġie lura mill-iskola għamlitlu prietka sħiħa. Ma kinitx l-ewwel waħda, imma l-prietki tagħha qatt ma swew biex jibdlulu l-fehma. Kliemha kien jidħol minn widna u joħroġ mill-oħra.
Paġna 1
null
“U le, mamà, ejja ma ngħaġġbuhiex,” ipprova jberridha Andy. “Dawk il-karti mhumiex kollha tal-bieraħ filgħaxija, imma ta’ ġimgħa sħiħa.”
“E, iva? U dawk li hemm fil-landa taż-żibel, ta’ meta huma?” kompliet tinsisti l-mamà. “Il-landa taż-żibel inbattalhielek kull nhar ta’ Sibt u fiha dejjem insib il-karti tat-toffee u l-fidda taċ-ċikkulata. Andy, inti m’għadekx tifel żgħir. Issa għalaqt għaxar snin u jmissek tifhimni meta ngħidlek li dan il-ħelu kollu qed jagħmillek ħsara għal saħħtek. L-ewwel u qabel kollox se jħassarlek snienek. It-tieni...”
“Snieni mhumiex se jitħassruli, mamà,” qatgħalha kliemha Andy, “għax jien naħsilhom kuljum.”
“Il-ħelu li tiekol qabel ma torqod iħallilek il-frak bejn snienek matul il-lejl kollu. Snienek filgħodu taħsilhom, mhux hekk?”
“Iva, mamà. Imma jien...”
“Imma int qiegħed tgħaddi l-lejl kollu bil-frak tal-ħelu mwaħħal bejn snienek. U, waqt li tkun rieqed kuntent għax kilt il-ħelu, dan ikun qiegħed iħassarhomlok! Ma ddumx ma tibda twaħwaħ bl-uġigħ u jkolli nieħdok għand id-dentist biex jaqlagħlek xi darsa mħassra.”
“Imma jien għandi drawwa li nieħu ħelwa għal kull ħaġa tajba li nkun għamilt mal-jum. Nagħti premju żgħir lili nnifsi biex l-għada...”
“Tagħmel kemm tagħmel affarijiet tajbin qed tagħmel ħaġa ħażina li tħassarlek kollox,” waqqfitu ommu.
Paġna 2
null
“U x’inhi dil-ħaġa ħażina, mamà?”
“Li fejn jidħol il-ħelu qiegħed twebbes rasek, Andy. U la qiegħed tobdi lili u lanqas lill-papà. Qed tagħmel ta’ rasek u tibqa’ ssoff u tqarmeċ il-ħelu b’dal-mod esaġerat!”
“Imma x’fiha billi nieħu żewġ ħelwiet wara ġurnata skola, u partita homework?”
Il-mamà għażlet li tieqaf hemm. Kienet taf li minkejja li kellu biss għaxar snin, Andy kien kapaċi jġib skuża għal kulma tgħidlu u jibqa’ jagħmel fattih. “Ħaġa waħda baqa’ x’nagħmlu, Andy,” qaltlu deċiża. “U llejla niddiskutiha mal-papà.”
Paġna 3
null
Dik il-lejla, wara l-ikla ta’ filgħaxija, meta Andy kien inġabar f’kamartu, il-mamà qajmet il-kwistjoni mal-papà. “Kieku tmur ħdejn Andy bħalissa, taf xi ssibu jagħmel?” staqsietu biex tressaq il-boċċa qrib il-likk.
“Jiekol il-ħelu,” kien pront weġibha l-papà.
“Jien kilt ilsieni ngħidlu kemm qiegħed jagħmel ħażin, u int ġieli wissejtu wkoll. Imma la sema’ minni u lanqas minnek. Baqa’ jwebbes rasu u jagħmel fattih.”
“Għaqal tat-tfal, Stella. Dan tifel ta’ għaxar snin u ma jirraġunax bħalna.”
“Imma ma jistax ikun li nħalluh jagħmel li jrid u l-kelma tagħna ma jistmahiex. Illum stess kelli argument sħiħ miegħu. Argument li ma wassal għal imkien,” inkorlat Stella.
“Allura x’tissuġġerixxi, Stella? Inkellmu ftit jien?”
“U int mhux ġa kellimtu kemm-il darba, Fred? U bqajna fejn konna! Jien naħseb li l-aħjar inwaqqfulu l-pocket money.”
“Le, Stella. Din tkun miżura ħarxa wisq!” weġibha Fredu.
“Il-flus li nagħtuh bħala pocket money qed jonfoqhom fil-ħelu u ċ-ċikkulata,” reġgħet Stella.
Paġna 4
null
“Ara, taf kif nagħmlu?” qalilha wara li ħareġ b’idea Fredu. “Din tal-pocket money inħalluha daqsxejn fuq l-ixkaffa u ngħidu lill-papà tiegħek ikellmu ftit hu.”
“Il-papà tiegħi fiex jidħol?” ħatfitu fil-kelma Stella.
“Andy imur tajjeb ħafna man-nannu Ġorġ. U nemmen li jekk lil Andy jgħidlu kelma hu jista’ jasal fejn aħna ma wasalniex.”
Il-mamà baqgħet siekta għal ftit, tiżen din il-proposta tal-papà. “Tajjeb, nippruvaw din is-soluzzjoni tiegħek,” qalet imbagħad. “Imma jekk ma tirnexxix nagħmlu kif għedtlek jien. Ara, ħalli nċempillu issa stess, għax il-ftira sħuna tajba.” U mal-ħaġra t-tajn qabdet it-telefon u ċemplet lin-nannu Ġorġ.
Paġna 5
null
Fissritlu x’kienet l-affari u qaltlu, “Lil Andy tista’ tkellmu għada l-Ħadd. Int nhar ta’ Ħadd filgħodu s-soltu taqbeż qabża sa għandna u tibqa’ magħna għall-ikel, mhux hekk?”
“E, iva... iva, hekk hu!” instema’ ħosbien in-nannu. “Għada niġi s’għandkom bħas-soltu. Madankollu, lil Andy ma nkellmux għada, imma bħal għada ħmistax.”
“Għaliex mhux għada stess, pa? Iktar ma tkellmu kmieni iktar aħjar!”
“Imbagħad ngħidlek għaliex, imma mhux illum,” tenna n-nannu Ġorġ.
Il-mamà ma fehmitx għaliex in-nannu Ġorġ ried iħalli ħmistax-il ġurnata jgħaddu qabel ma jkellem lil Andy, imma setgħet tobsor li x-xwejjaħ kellu r-raġunijiet tiegħu. ”Kollox sew mela,” qaltlu kemxejn diżappuntata Stella. “Nagħmlu kif tixtieq int.”
Paġna 6
null
Il-jum miftiehem wasal. In-nannu Ġorġ ġie għall-ikla ta’ nofsinhar kif kien ilu jagħmel kull nhar ta’ Ħadd mindu martu, in-nanna Katrin, kienet ħallietna. Wara l-ikel kulħadd ta daqqa t’id biex żbarazzaw il-mejda, ħaslu u xxuttaw il-platti u l-pożati, u qiegħdu kollox f’postu. Imbagħad in-nannu Ġorġ stieden lil Andy joħroġ miegħu fil-ġnien li kellhom fuq wara tad-dar.
“Allura, Andy?” fetaħ id-diskursata x-xwejjaħ. “Smajt li qed ikollok xi ftit nuqqas ta’ qbil mal-mamà dwar il-kwantità ta’ ħelu li qiegħed tiekol.”
“U le, nann. Taħsibx li qiegħed niekol xi kwantità kbira ta’ ħelu, ta!” iddefenda ruħu Andy. “Jien għandi d-drawwa li qabel norqod nieħu ħelwa... hekk… biex norqod b’togħma tajba.”
“U matul il-ġurnata ma tiħux xi tnejn oħra? U jekk ikollok aptit ta’ xi ċikkulata ma tixtrix waħda mill-pocket money?”
“U nsomma... Fil-brejk ħafna tfal jieklu l-ħelu, nann. U l-flus tal-pocket money mhux għalhekk qegħdin? La jkunu tiegħi nonfoqhom kif nixtieq jien.”
Paġna 7
null
“Ara, Andy, inti tifel intelliġenti u tifhem sew dak li se ngħidlek. Il-mamà, il-papà u jien ilkoll inħobbuk. U nwissuk għall-ġid tiegħek. Inti tixtieq tikber f’raġel ta’ karattru sod, mhux hekk?”
“Iva, hekk hu,” wieġbu Andy.
“Imma biex ikollok karattru sod trid tkun kapaċi tgħid le lilek innifsek. Jeħtieġ ikollok rieda soda, li għall-bżonn tkun kapaċi tiċċaħħad anki minn xi ħaġa li tkun tassew togħġbok. Qed tifhimni, Andy?”
“Iva nann. Qed nifhmek sew.”
“Imma bħalissa din ir-rieda soda ma tidhirx fik, Andy. Bħalissa naqra ta’ ħelwa qed tikkmandak hi. Biċċa ċikkulata qiegħda tmexxik minn imnieħrek. M’intix kapaċi tgħid le għal dawn l-affarijiet żgħar. U jekk ma tidrax tgħid le għal ħaġa żgħira, m’intix se tkun kapaċi tgħid le għal ħaġa kbira.”
Paġna 8
null
“Imma jien nieħu l-ħelu biex nagħti premju lili nnifsi talli nkun għamilt xi ħaġa tajba. Pereżempju ngħin lill-mamà taħsel l-art, nixxuttalha l-platti, inġib il-homework kollu tajjeb, ngħin lill-papà jaħsel il-karozza, nagħmel nofs siegħa qari wara l-homework, u l-bqija. Naħseb li jkun ħaqqni premju żgħir meta nagħmel xi ħaġa hekk.”
“Meta tagħmel ħwejjeġ tajba bħal dawn li semmejtli jkun ħaqqek prosit. Imma t-tajjeb li nagħmlu la nagħmluh għall-prosit u lanqas għall-premju. Nagħmluh għax hu għemil tajjeb fih innifsu. Fil-każ tiegħek jista’ jkun li m’intix tagħmel it-tajjeb għax hekk hu xieraq u sewwa, imma biex ikollok skuża ħalli tiekol il-ħelu... Qed tifhimni, Andy?”
“Iva, nann qed nifhmek,” lissen Andy waqt li fawra ħafifa ta’ ħmura dehret fuq ħaddejh. In-nannu kien laqat il-musmar fuq rasu.
Paġna 9
null
“Ara, taf kif nagħmlu? L-għemejjel tajbin li qiegħed tagħmel ibqa’ agħmilhom, imma torbotx kumpens jew premju magħhom. Agħmilhom għax hekk sewwa u xieraq mhux biex bis-saħħa tagħhom tiekol il-ħelu. U agħmel fehma soda li l-lublieba għall-ħelu tikkontrollaha int, mhux tikkontrollak hi. Trid tkun kapaċi tgħid le lilek innifsek. Tipprova?”
“Nipprova, nann.”
“Issa qabel ma mmur se nħallilek kalendarju biex iżżommu fil-kamra tiegħek. Nixtieqek timmarka b’ċirku aħmar in-numru ta’ kull ġurnata li fiha jirnexxilek tgħaddi bla ma tiekol ħelwa. U iktar ma jkollok ċrieki ħomor iktar tkun qiegħed tirbaħ lilek innifsek. Hekk tagħmel il-qalb u tkompli sa ma tasal li ġġib din il-lublieba għall-ħelu taħt il-kontroll tiegħek. Għall-ewwel tippruvax taqta’ l-ħelu għalkollox. Ħu l-ħelu biss nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd, imma bil-qies. Imbagħad, maż-żmien tara kif tibda tgħaddi mingħajr ħelu anki f’dawn il-jumejn. Trid nippruvaw nagħmlu hekk, Andy?”
“Iva, nann, nippruvaw.”
Paġna 10
null
Qabel ma telaq lura lejn daru, in-nannu Ġorġ ħalla l-kalendarju f’idejn Andy u dan beda jużah skont kif kienu ftiehmu. Il-kliem tax-xwejjaħ kellu effett kbir fuq it-tifel u fi żmien ħmistax beda jieħu xi ħelwa jew tnejn fi tmiem il-ġimgħa biss. M’għandniex xi ngħidu, il-mamà u l-papà kienu kuntenti ħafna li Andy kien qed jagħmel kif dejjem xtaqu. It-tnejn irringrazzjaw ħafna lin-nannu talli rnexxielu jdawwar il-fehma ta’ Andy, fejn jidħol il-ħelu. Il-mamà, madankollu, kien għad għandha kurżità kbira tberren f’moħħha.
“Imma għaliex qgħadt tistenna ġimagħtejn qabel ma kellimt lil Andy, pa?” staqsietu darba minnhom meta Andy kien medhi jagħmel il-homework fil-kamra tiegħu.
In-nannu Ġorġ tbissem u weġibha, “Għax dak li għedt lil Andy ridt qabel nagħmlu jien, Stella,” qal imbagħad lil bintu. “Għax jien ukoll, dan l-aħħar qabditni lublieba għall-ħelu. Spiss kont qed ngħaddi nixtri kaxxa pasti għad-deżerta wara l-ikel. Ħadtha drawwa li fl-għaxra ta’ filgħodu ngħaddi nieħu kafè u pasta. U daqqa żewġ krustini u daqqa qagħqa tal-għasel. Kont qed nistieden id-dijabete! Allura l-ewwel ridt nagħmel jien stess dak li kont se nipprietka lil Andy. Inkella kont inkun faċċol! Kieku kont inkun qed nisma’ lil min jgħidli, ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek!’ u kliemi ma kienx ikun konvinċenti.”
Paġna 11
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations