
Kien ix-xahar ta’ Mejju u s-sajf kien għadu ’l bogħod. Ix-xemx kienet ġa bdiet tisħon sewwa, imma l-baħar kien għadu kiesaħ. Il-familja Portelli, madankollu, kienu jħobbu jmorru sa ħdejn il-baħar kważi kull nhar ta’ Ħadd. Billi l-baħar kien għadu ma saħanx biżżejjed ma kinux jgħumu. Kienu jieħdu gost jifirxu x-xugamani fuq ir-ramel u joqogħdu bilqiegħda fuqhom, jitkellmu u jirrakkontaw, u mbagħad jieklu l-ħobż biż-żejt u jixorbu l-luminata li l-mamà tkun ippreparat.























