
Il-Konti Alonzo kien għadu kif ġie mgħarraf mis-seftur tiegħu li matul il-lejl kien reġa’ daħal xi ħadd fil-palazz. Minkejja s-sigurtà kollha li ħa ħsieb jagħmel il-Konti, xorta waħda, milli jidher, xi ħalliel jew ħallelin kienu sabu tarf jidħlulu.
“X’sibt nieqes din id-darba, Bastjan?” staqsa b’diqa l-Konti lis-seftur.
“Is-sett kollu ta’ bolol antiki ta’ żmien ir-Reġina Viktorja,” wieġbu ddispjaċut Bastjan.













