Santa qabad biċċa għuda
magħha mazza u skalpell
bil-qattusa tiegħu tnewwaħ
ħadem l-ewwel ġugarell.
magħha mazza u skalpell
bil-qattusa tiegħu tnewwaħ
ħadem l-ewwel ġugarell.
Qatt kontu tafu li Santa Klaws kien jgħix f’post imsejjaħ Wied id-Daħk? Dan il-wied kien issemma għalih billi minn dejjem kien magħruf għat-tbissima ħelwa u maġika tiegħu u, aktar minn hekk, għad-daħka famuża tiegħu “Ħoħħoħħoħħo!” Fil-wied, għal żmien twil, kienu jirrenjaw il-paċi u l-kuntentizza, iżda sfortunatament deffes denbu Ġakbu r-Reżħa, u l-gost kollu sfuma fix-xejn.
Għandkom tkunu tafu li lil Santa Klaws kulħadd jafu bħala karattru gustuż, ferrieħi; għandu qalbu tajba u jħobbuh il-fatati ż-żgħar, l-għefieret u l-ħlejjaq l-oħra ċkejknin kollha. Il-pjan tiegħu minn dejjem kien li jferraħ lil ħaddieħor, speċjalment lit-tfal. Jgħidu li dan il-pjan hu pjan għal dejjem. Jafuh it-tfal kollha tad-dinja. Kulħadd midħla tal-wiċċ ruxxan, nofsu miksi minn daqna bajda qoton u par għajnejn iżebbġu u jidħku. Iħobbu kulħadd u dak li jqassam fil-Milied hu garanzija ta’ ħin twil ta’ kuntentizza u divertiment. It-tfal minn dejjem kienu ħaġa waħda ma’ Santa Klaws. Jiktbulu l-ittri li fihom jagħmlulu l-listi ta’ dak li jixtiequ jirċievu. Meta jinzertawh xi mkien, tarahom jitilgħu bilqiegħda fuq ħoġru, ikellmuh f’widnejh, itarrfulu s-sigrieti u x-xewqat tagħhom.










