(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Avventuri ta' Emma 2: Milied f'Għawdex

Emma tħobb ħafna l-Milied. Ta’ kull sena, id-dar tkun imżejna bil-ponsjetti friski u siġra tal-Milied ta’ veru li, daqskemm kienet għolja, kienet tmiss mas-saqaf. Id-dar kien ikollha riħa tas-siġar tal-Milied li jinbiegħu fil-belt ta’ New York. Imbagħad kien hemm il-festini u l-kant tal-għanjiet tal-Milied.
U taħt is-siġra dejjem mimli b’munzell kbir ta’ rigali! Iżda r-rigal ta’ din is-sena kien aktar speċjali mill-oħrajn għax il-mamà, il-papà u Emma kienu se jgħaddu l-Milied tagħhom f'Għawdex!
null
Paġna 1
“Min jaf jekk ikunx hemm Santa Klaws f’kull kantuniera!” qalet Emma.
Il-mamà tbissmet u qaltilha, “Se jkun ftit differenti minn kif qed taħseb.”
Emma kienet fuq ix-xwiek u ma setgħetx tistenna aktar. Għawdex huwa l-post fejn Emma ltaqgħet mal-ħabib tagħha Peppi, li huwa mix-Xagħra. Fejn ikun hemm Peppi, il-maġija ma tonqosx. Dan it-tifel għandu ħabta kif jidher u jisparixxi f’ħakka t’għajn mingħajr ma jarah ħadd ħlief Emma u forsi l-mamà.
Qabel ma telqu għall-vjaġġ tagħhom, Emma kitbet ittra lil Santa Klaws biex tgħidlu li din is-sena se tkun qiegħda Għawdex. It-tifla għannqet il-pupa favorita tagħha u telqu.
null
Paġna 2
Għalkemm Emma kienet eċitata, hija raqdet tul il-vjaġġ kollu li kien jinkludi żewġ ajruplani u vapur. Emma qamet hekk kif bdew joqorbu lejn il-port tal-Imġarr. Ix-xena kienet differenti ħafna din id-darba. Is-sħab kien griż skur u l-arja kienet kiesħa ħafna. It-taksi li kienet qed tistenniehom il-port ħadithom lejn id-dar antika ta’ nannuha ġewwa n-Nadur.
Meta waslu d-dar kellhom wisq x’jagħmlu. Il-mamà bdiet tbattal il-bagalji waqt li l-papà ġab il-ħiters u l-lampi tal-gass f'każ li jinqata’ d-dawl.
null
Paġna 3
Emma middet idejha wkoll u bdiet tqalleb ġo gwardarobba antika. Tgħidx kemm ferħet hekk kif sabet xi kaxxi bil-kliem ‘Dekorazzjonijiet tal-Milied’ miktub fuqhom.
“Tajjeb wisq!” qalet kuntenta.
Iżda kif ħarġet id-dekorazzjonijiet mill-kaxxi ndunat li dawn kienu antiki ħafna u li xi wħud minnhom kienu anke mqattgħin. L-ornamenti tal-ħġieġ ma kinux għadhom ileqqu u d-dawl kellu bozoz differenti minn kif nafuhom illum.
null
Paġna 4
Ħeqq, il-mamà qalet li se jkun differenti milli ħsibt! Iżda Emma ma kinitx diżappuntata għax hija kienet reġgħet żaret Għawdex u l-Milied kien l-iżjed żmien li tħobb. Wara dak il-vjaġġ twil li kellhom kulħadd mar jorqod kmieni. Meta Emma qamet l-għada filgħodu ħasbet li kienet se ssib ruħha f’post ġdid, b’mod maġiku, mal-ħabib tagħha Peppi. Imma le. Kienet għadha fl-istess kamra, fl-istess sodda.
Emma ħasbet x’tista’ tagħmel bid-dekorazzjonijiet li kienet sabet; karti f’forma ta’ buz li jinfetħu fi qniepen lewn id-deheb, u ħabel twil bil-kliem ‘Il-Milied it-tajjeb’. Kaxxa oħra kienet mimlija bil-girlandi kkuluriti. Imbagħad kien hemm kaxxa kbira mmarkata ‘Siġra’.
“Dan żgur xi żball!” qalet.
“Għandek bżonn xi għajnuna?” staqsietha l-mamà hekk kif daħlet fil-kamra.
“Iva, mamà, jekk jogħġbok,” weġbitha Emma.
null
Paġna 5
Mill-kaxxa huma ħarġu friegħi tas-siġar lewn il-fidda. Emma qatt qabel ma kienet rat siġra stramba bħal dik. Ma kinitx ta’ veru u lanqas kienet ħadra. Ftit mill-friegħi kellhom xi biċċiet neqsin ukoll. Huma dawru d-dawl magħha, żiedu ftit girlanda, u fl-aħħar dendlu l-ornamenti antiki tal-ħġieġ. Is-siġra xegħlet bil-kuluri! Din kienet l-isbaħ siġra tal-Milied li qatt rat Emma! Il-qniepen ħelwin tal-karti dendluhom ukoll u l-Bambin poġġewh f’maxtura bit-tiben.
“Kollox lest!” qalet Emma.
Wara li lestew mit-tiżjin, Emma u l-mamà marru sal-belt kapitali ta’ Għawdex, Victoria, jew kif inhi magħrufa l-aktar, ir-Rabat. Huma għaddew minn toroq dojoq u raw diversi ħwienet imżejna bid-dawl u l-girlandi. Fi stabbiliment żgħir kien hemm anġli ta’ daqs reali mdendlin fl-arja. Id-daqq tal-għanjiet tal-Milied kienu qed jinstemgħu kullimkien.
null
Paġna 6
Waqt li kienu qed iduru l-ħwienet Emma ġieha ħsieb – tgħid se terġa’ tarah lil Peppi? Għaddew xi jumejn iżda ma kienx hemm sinjal tat-tifel. Hekk kif waqfet taħseb, fil-pront tfaċċa Peppi bi tbissima kbira.
“Ara min hawn!” qal Peppi.
Emma ġriet għal fuq Peppi, ferħu b’xulxin u qagħdu jitkellmu. Dak il-Milied se jkun wieħed tassew speċjali, wara kollox!
“Dan it-tifel li ltqajt miegħu l-aħħar darba li konna hawn?” staqsiet il-mamà.
“Kollu kemm hu!” weġbitha Emma.
Il-mamà waqfet f'wieħed mill-ħwienet, waqt li t-tfal komplew mexjin fil-Pjazza tat-Tokk.
null
Paġna 7
Ftit ’l isfel mill-pjazza kien hemm il-ħanut tal-pasti ta’ Ġorġ, il-kuġin ta’ Peppi. Fl-armatura kellu ħafna dixxijiet mimlijin bil-gallettini u kejkijiet ikkuluriti. Peppi għażel kejk aħmar kwadru, li kien miksi bil-coconut, għal Emma.
“Hawn, Emma, il-Milied it-tajjeb!” qalilha Peppi, filwaqt li newlilha l-kejk.
“Min jaf kemm hu tajjeb!” qalet Emma. “Grazzi!”
It-tfal imxew lura lejn il-pjazza u hekk kif il-mamà daret, Peppi sparixxa.
“Fejn hu Peppi?”
“Telaq dis-sekonda!” qaltilha Emma bid-daħqa.
null
Paġna 8
Dakinhar filgħaxija Emma kienet wisq eċitata billi kienet se tieħu sehem fir-reċta tal-Milied fin-Nadur.
Fost it-tfal imlibbsin ta’ anġli kien hemm Peppi bi tbissima kbira fuq wiċċu.
“Peppi!” daħqet Emma.
“Iz-ziju Ġanni min-Nadur, għalhekk qiegħed hawn,” qal Peppi.
Wara li spiċċat ir-reċta kien hemm festin għat-tfal, fejn Santa Klaws kien preżenti u kellu rigali għal kulħadd.
“Ħmm… dan Santa Klaws jixbah ħafna lill-papà!” qalet daħqana Emma. “Peppi, inti temmen f’Santa Klaws?”
“Dażgur li nemmen! Aħna nsejħulu Father Christmas.”
Emma u Peppi mxew lejn in-naħa l-oħra tal-kamra biex jaraw il-presepju ta’ fuq il-mejda.
“Dan jissejjaħ presepju,” qal Peppi. “Issa ejja ħa nurik xi ħaġa tassew speċjali.”
null
Paġna 9
Peppi ħa id Emma u għalqu għajnejhom. Meta fetħuhom, it-tfal sabu ruħhom fir-raħal ta’ Għajnsielem. F’dan ir-raħal kien hemm mibnija l-belt ta’ Betlem, id-daqs tal-belt reali, kompluta bil-bini, nies ta’ veru, u annimali ħajjin.
“Inkredibbli!” għajtet Emma.
Emma u Peppi għamlu l-ewwel waqfa tagħhom fi speċi ta’ lukanda. Fuq kien hemm kmamar żgħar li kellhom sodod, fuklar tal-injam u buqar bl-ilma. Fil-bitħa kien hemm nisa jaħdmu l-ħajt mill-basktijiet kbar li kellhom mimlija blalen tas-suf. Kien hemm ukoll ħaddied isammar fuq nagħla taż-żwiemel fuq in-nar, kif ukoll raħħala jbigħu l-frott imnixxef u tipi differenti ta’ lewż.
null
Paġna 10
Fl-aħħar waqfu fejn kien hemm il-maxtura. Emma ħassitha li donnha kienet daħlet fi ktieb tal-ħrejjef. Kien hemm Ġużeppi u Marija, li kienet qiegħda żżomm tarbija ta’ veru fuqha. Maġenbhom kien hemm in-nagħaġ u fuq wara kien hemm baqra u ħmar. Emma ndunat li waħda min-nagħaġ ma kellhiex suf.
Fil-qrib kien hemm grupp mużikali Malti jdoqq u Peppi waqaf biex jisimgħu, filwaqt li Emma bdiet tiżfen mal-mużika.
null
Paġna 11
F’ħakka t’għajn Peppi u Emma reġgħu sabu ruħhom lura fil-festin. Lanqas Santa Klaws, ridt ngħid il-papà ta’ Emma, ma raha titlaq. It-tifla, imbagħad, xejret lil Peppi bil-moħbi. Il-papà ħa id Emma u wrieha xi ħaġa speċjali wkoll.
Kien dalam sew, u r-raħal tan-Nadur kien mixgħul bid-dawl sabiħ tal-Milied. Huma mxew fit-toroq vojta waqt li bdew iħarsu lejn id-djar u t-twieqi mżejnin. Kienu ferm isbaħ milli immaġinathom Emma.
Meta waslu d-dar, il-mamà tathom sorpriża. Kienet ħejjiet mejda mimlija ikel; pastizzi, ħobż, pizza, fost oħrajn. Dak il-lejl Emma raqdet fil-fond u ħolmot b’dak kollu li ltaqgħet miegħu f’dik il-ġurnata.
null
Paġna 12
F’lejlet il-Milied Emma kienet wisq eċitata. Hija qattgħet il-ġurnata kollha taħmi l-gallettini mal-mamà. Saħansitra ħmew gallettini biex idendluhom ma’ dik is-siġra maġika!
Filgħaxija n-nanna Ċiċinta u z-zija Ġemma kienu mistidnin għall-ikla ta’ lejlet il-Milied. Iz-zija Ġemma ġabet kejk tal-Milied kollu frott, li kienet għamlet hi stess.
“Nista’ nieħu biċċa oħra, zi, jekk jogħġbok?” staqsietha t-tifla.
null
Paġna 13
Tant ħadet gost Emma dik il-ġimgħa li kważi nesiet dwar ir-rigali, li tant kienet ħerqana għalihom.
‘La fuklar u lanqas ċumnija… Allura, jekk jiġi Santa Klaws minn fejn se jgħaddi?’
Dakinhar kienet ġurnata b’ħafna riħ u sħab, iżda mal-ħin ir-riħ waqaf u s-sema ċċara. Emma ħarset ’il barra mit-tieqa u lemħet eluf ta’ stilel ileqqu fis-sema. Tant kienet qed tieħu gost tifli dawk l-istilel li spiċċat raqdet tħares lejn is-sema.
null
Paġna 14
L-għada filgħodu Emma qamet u għajtet, “Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!”
Fit-tarf tas-sodda rat kaxxa taż-żraben u marret tiftaħha. Ġo fiha kien hemm ċikkulatini mgeżwrin f’karti lewn id-deheb, ġellewż, larinġ u pakkett gallettini li kienet tħobb. Il-mamà daħlet fil-kamra tagħha u qaltilha, “Dan huwa r-rigal li kienu jirċievu t-tfal fil-Milied meta n-nanna kienet għadha tifla.”
“Grazzi, mamà!” qaltilha Emma waqt li għannqitha.
null
Paġna 15
Huma niżlu isfel, xegħlu l-bozoz tas-siġra u bdew ikantaw għanjiet tal-Milied mal-papà. Imbagħad il-mamà ħadet lil Emma quddiem il-bieb tal-garaxx u hekk kif fetħitu t-tifla tgħidx kemm werżqet bil-ferħ!
“Santa Klaws veru ġie dal-lejl!”
Ma setax jidħol fid-dar, iżda xorta ħalla rota ġdida lil Emma fil-garaxx. Din ir-rota kienet ratha f’vetrina ta’ ħanut fir-Rabat u kienet għoġbitha ħafna.
null
Paġna 16
Fuq in-nar kien hemm borma kbira bl-istuffat itektek u fil-friġġ kien hemm sufflè frisk. Kien Milied perfett!
“Għaliex ma tistidinx il-ħabib tiegħek Peppi biex jiekol magħna?” qalet il-mamà.
Emma tbissmet, iżda ma kinitx taf x’se tweġibha.
F’dak il-ħin Emma semgħet taħbita fuq il-bieb. Kien Peppi! Huwa wkoll kien irċieva rota ġdida fjamanta.
null
Paġna 17
“Mamà, ħa noħroġ ftit. Dalwaqt niġi lura,” għajtet Emma.
It-tfal rikbu r-roti u qadfu sa tarf it-triq, telgħu t-telgħa, u mbagħad reġgħu lura. Peppi kien sarlu l-ħin biex jitlaq, għalhekk tgħannqu u wiegħdu ’l xulxin li jibqgħu ħbieb. F’tebqa t’għajn, Peppi sparixxa u Emma daħlet ’il ġewwa.
“Emma, ejja ħa nieħdu ritratt tal-Milied,” qalilha l-papà, waqt li l-mamà ħadet il-kamera f’idejha. Meta ra r-ritratt il-papà deher imħasseb ħafna u qal, “Min hu dak it-tifel?”
Emma u l-mamà ħarsu lejn xulxin u tbissmu bil-moħbi. “Dik maġija tal-Milied, pa!”
null
Paġna 18
Tmiem