Fir-raħal ta’ Ħal Xuxa, ir-razzett ta’ Ġanni l-bidwi kien magħruf ma’ kulħadd. Kien jinsab fit-tarf tar-raħal u kellek timxi mixja twila mhux ħażin. Jekk ridt isservi ħaxix u frott bnin jew bajd frisk fuq il-mejda tal-ikel, b’xirja mingħand Ġanni ma kontx toħroġ diżappuntat!
Ngħiduha kif inhi, minkejja li għandu din il-fama mar-raħal kollu, Ġanni jħabriklu mhux ftit. Ħalli għalih jaħdem kuljum bla heda, miż-żerniq sal-għabex, u t-tnikkir ma kienx jaf x’inhu.











