(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ix-Xorti tal-Bidwi

Darba waħda kien hemm bidwi li flimkien ma’ martu, binthom Dolor u binhom Filippu, kienu joqogħdu f’razzett f’tarf ir-raħal. Kienu nies ta’ ftit kliem u ma jħobbux jitħalltu ma’ nies oħra, imma jekk titlobhom xi pjaċir, dejjem kienu jkunu lesti li jgħinu lil dak li jkun mill-aħjar li jistgħu. Għalhekk, tista’ tgħid li kulħadd kien iħobbhom u jirrispettahom.
Jum fost l-oħrajn, il-bidwi qam bħas-soltu kmieni filgħodu jagħlef l-annimali li kien irabbi, meta ntebaħ li kien ħarablu l-ħmar. Xmun il-bidwi ddispjaċieh ferm u għamel nofstanhar sħiħ ifittxu fir-raħal u fl-għelieqi tal-madwar. Xi raħħala, meta semgħu bil-ġrajja ħarġu huma wkoll ifittxu l-ħmar, li tant kien ta’ għajnuna għall-bidwi.
null
Paġna 1
“Miskin Xmun!” qal Wenzu s-sennien tar-raħal hekk kif ħareġ mill-knisja. “Kemm hu xortih ħażina!”
“Tassew,” kompla miegħu Nenu l-ħaddied, “aktar mhu raġel sew, aktar kellu jaħrablu l-ħmar. X’xorti ħażina messitu!”
“Issa kif se joħroġ bil-karrettun ibigħ il-ħaxix?” ried ikun jaf Wenzu.
Xi ġimgħa wara, ġriet l-aħbar mar-raħal kollu li l-ħmar ta’ Xmun kien mar lura r-razzett ta’ sidu u miegħu kellu ħmara. Il-ħmara ma kienet ta’ ħadd mir-raħħala, dehret għajjiena u bil-ġuħ, aktarx li ħarbet minn xi raħal ieħor u waslet s’hemm, u għalhekk Xmun żammha għandu. In-nies tar-raħal ferħu b’din l-aħbar u bix-xorti tajba li messet lill-bidwi twajjeb. Imma lanqas laħqu għaddew jumejn li ma reġgħetx xterdet aħbar oħra fuq il-bidwi. Din id-darba kulħadd kien iddispjaċut b’li ġara lil Xmun.
null
Paġna 2
“Kemm għandu xortih ħażina, miskin Xmun!” qalet imnikkta Ofelja, omm il-barbier, waqt li kienet qed tixtri fil-ħanut tal-merċa.
“Mela x’inhu!” kompliet magħha Ineż, sidt il-ħanut. “Dik il-ħmara xorti ħażina ġabet magħha. Kien aħjar li ma żammha xejn Xmun.”
“Mela x’ġara?” riedet tkun taf Vanna, oħt il-kappillan. “Jien ma smajt xejn!”
“Possibbli ma smajtx?” skantat Ofelja. “Filippu ta’ Xmun ipprova jarma l-karrettun mal-ħmara u din tatu daqqtejn biż-żewġ u kisritlu siequ!”
“Iii, miskin!” stagħġbet Vanna. “X’xorti ħażina messet lil Xmun! Issa min se jgħinu fl-għelieqi lil Xmun? Daqskemm hu bieżel dak Filippu!”
null
Paġna 3
Xmun u martu Ċensa ma kienu jgħidu xejn. La qatt ftaħru b’li għandhom u wisq anqas kont tismagħhom igergru meta tiġihom xi waħda ħażina. Kull deni ħudu b’ġid kienu jħobbu jgħidu lil kull min kien jitħajjar isemmilhom xi ħaġa dwar dak li jkun ġralhom.
Xi ħmistax wara ġrat diżgrazzja fl-iskola primarja tar-raħal. Sfronda saqaf ta’ waħda mill-klassijiet u xi tfal weġġgħu serjament, tant li kellhom jittieħdu l-isptar. Filippu ma kienx magħhom għax skola ma kienx qed imur peress li kellu siequ fil-ġibs. Ir-raħħala xorta waħda sabu xi jgħidu dwar dan waqt li kienu miġbura fil-pjazza tar-raħal ma’ nżul ix-xemx.
“Filippu ta’ Xmun f’dik il-klassi s-soltu jkun,” beda d-diskors Wenzu s-sennien.
“Mela x’inhu!” qabeż fin-nofs ibnu Ħektor. “Imma ma kienx magħhom għax skola ilu ma jiġi.”
“Tassew xortih tajba Xmun li ibnu ma kienx hemm illum,” qal Pawlu, il-ġardinar tal-avukat.
null
Paġna 4
Imma skont ir-raħħala, ix-xorti tajba ma tantx damet issaltan fuq il-familja ta’ Xmun, għax malajr xterdet l-aħbar li s-Sur Żaren, sid l-art fejn kellu r-razzett u l-għelieqi l-bidwi, kien mar biex jeħodhomlu. Dan mhux għax Xmun qatt ma ħallas il-kera, imma għax is-sid kien raġel mill-agħar u kull meta jara lil min ikun kuntent u sejjer tajjeb, kien jara kif jagħmel biex iħassarlu kollox. Xmun u familtu reġgħu kienu fuq ilsien ir-raħħala, li għal darba oħra kienu mħassbin dwar ix-xorti ħażina li messet lill-bidwi.
“X’biċċa ġratlu, miskin Xmun!” tniehdet Ofelja. “Smajtu, hux?”
“U kif smajna!” qabżet imbikkma Vanna. “Ma nafx fejn se jpoġġi dawk l-annimali kollha Xmun, issa li s-Sur Żaren se jeħodlu r-razzett.”
“L-annimali mhux problema,” ħatfitha fil-pront Gerita tal-pitrolju, “il-mara u t-tfal problema. Issa se jiġu bla saqaf fuq rashom, imsieken!”
“Iii, x’waħda din!” inħasdet Ineż hekk kif għolliet idha ma’ ħalqha. “U sakemm għandhom ċans biex joħorġu?”
“Sal-aħħar tal-ġimgħa tahom ċans,” weġbitha rrabjata Ofelja, “ja wiċċ ta’...”
“Iskot, Ofel, iskot!” waqqfitha fil-pront Vanna.
null
Paġna 5
U lanqas laħqet spiċċat titkellem, li ma daħlitx tiġri fil-ħanut tal-merċa Berta tal-fjuri. “Smajtu x’qed jgħidu fuq Xmun?” staqsiet b’nifisha maqtugħ il-mara.
“Le. X’reġa’ nqala’ issa mela?” qabżet fil-pront Gerita.
Berta ħadet nifs qawwi ’l ġewwa, filwaqt li n-nisa l-oħra b’għajnejhom fuqha u b’widnejhom miftuħin beraħ, li ma jmorrux jitilfu xi kelma, stennewha tibda tirrakkonta.
“Mela ħija Ċikku,” bdiet Berta, “għadu kif sema’ minn fomm Xmun stess li s-Sur Żaren lest li jħallih iżomm l-art u saħansitra ma jkollux għalfejn iħallas il-kera aktar, bil-patt...”
“Kif jista’ jkun?” qabżet fin-nofs, Ofelja, “Daqskemm hu raġel tar-ruħ ħej! Tgħid mhux se jerġa’ jibdielu, miskin, is-Sur Żaren! Lanqas li ħadd ma jaf x’pezza hu!”
“Sewwa qed tgħid,” qablet magħha Ineż.
“Tuni ċans inkompli,” ħatfithom Berta kemxejn imfantsa. “Imma biex dan il-ftehim iseħħ, Xmun irid iżewwiġlu lil bintu Dolor,” spiċċat tgħidilhom il-mara.
null
Paġna 6
In-nisa kollha baqgħu b’ħalqhom miftuħ, miblugħin b’li kienu għadhom kif semgħu minn fomm Berta. Lanqas ħadd ma ried jemmen lil widnejh.
“Missu jistħi,” qalet Vanna hi u timsaħ l-għaraq minn fuq ġbinha, “povra tifla, għadha żgħira tant biex tiżżewweġ, imbagħad lil dak ix-xiħ żmagat jew!”
“U tgħid mhux se jaċċettaw Xmun u Ċensa!” ħaqqitha Gerita. “Tifla bħal dik xi avukat jew tabib jixirqilha, mela dak il-ħalliel!”
Berta reġgħet qabżet u qaltilhom b’ton ta’ diqa, “Ma nafx jien, ma nafx! Xmun ma tantx għandu għażla. Jew iżewweġ lil Dolor ma’ Żaren jew jispiċċa barra t-triq, hu u familtu.”
“Tassew xortih ħażina Xmun,” tniehdet Ofelja b’qalb imnikkta.
null
Paġna 7
Sadanittant, fir-razzett ta’ Xmun kienet għaddejja diskussjoni bejn il-familja. Filippu kien għadu żgħir wisq biex jagħti opinjoni, għalkemm kien fehem tajjeb li s-sitwazzjoni kienet bħal sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Xmun u Ċensa ma xtaqux li binthom tiżżewweġ lil Żaren u wisq anqas it-tfajla ma riedet, għalkemm ħassitha obbligata lejn ommha u missierha, li kienu se jispiċċaw barra t-triq.
Żaren, ta’ raġel ħażin li kien, biex taparsi juri kemm kien raġel qalbu tajba, offra lil Xmun biex jagħmlu logħba żgħira biex jiddeċiedu. F’borża kien se jpoġġi żewġ ċagħkiet, waħda bajda u l-oħra sewda. Dolor kellha ddaħħal idha u ttella’ ċagħka; jekk ittella’ ċ-ċagħka s-sewda hi tiżżewweġ lil Żaren u l-kera tinħafer, imma jekk ittella’ ċ-ċagħka l-bajda hi ma tiżżewwiġx lil Żaren, imma l-kera tinħafer xorta waħda għal dejjem. F’każ li ma jaċċettawx, sal-aħħar tal-ġimgħa kellhom joħorġu mir-razzett.
null
Paġna 8
Issa, kemm Xmun kif ukoll Dolor, kienu jafu li Żaren kien se jpoġġi żewġ ċagħkiet suwed fil-borża u allura riedet u ma riditx, it-tfajla kellha tiżżewġu. Ilkoll kienu qalbhom sewda u xtaqu li l-għada ma jasalx. L-għada filgħodu l-familja kollha nġabru fl-għalqa ta’ wara r-razzett jistennew lil Żaren jasal. Magħhom kien hemm għadd ta’ raħħala li nġabru biex jaraw kif kienet se tispiċċa l-biċċa.
Żaren wasal bil-borża f’idu u biż-żewġ ċagħkiet lesti fiha. Dolor daħħlet idha, fost l-istennija ta’ dawk miġbura, u qabdet ċagħka. Kellha qalbha tħabbat sitta sitta. Kienet taf li taqbad liema taqbad, sewda kienet se tkun, imma t-tfajla ħaddmet moħħha.
Ħarġet idha tiġri mill-borża u ħalliet iċ-ċagħka taqa’ fl-art fost ħafna oħrajn, filwaqt li qalet, “Kemm jien bla grazzja! Bil-fixla waqgħetli minn idi, imma ma jimpurtax, ħa nara x’kulur hi l-oħra li għad hemm fil-borża u malajr inkunu nafu x’kulur kienet dik li qbadt.”
null
Paġna 9
Dolor reġgħet daħħlet idha fil-borża, ħarġet ċagħka sewda u wrietha lil kulħadd. Ferħet għax dak kien ifisser li l-ewwel ċagħka li tellgħet kienet bajda. Ilkoll dehru kuntenti minbarra Żaren, li ried jisplodi bir-rabja, għax kien mingħalih li kien makakk, imma t-tfajla kienet ferm aktar moħħha jilħqilha minn tiegħu.
Żaren ma seta’ jgħid xejn. Żgur li ma kienx se jammetti d-diżonestà tiegħu. Kien hemm ir-raħħala kollha li raw x’ġara u kellu jħalli lil Xmun jibqa’ jgħammar fir-razzett bla ma jħallas kera. Dolor mhux talli kienet ħelset milli tiżżewweġ lil Żaren, imma kienet frankat ħafna flus lil missierha.
“Kemm għandu xortih tajba Xmun!” bdew jgħidu r-raħħala. Mur għidilhom li l-makakkerija ta’ Dolor wasslet biex rebħu l-logħba kontra Żaren.
null
Paġna 10
Tmiem