
Katja minn dejjem kienet tqis lil Renzo xxurtjat. Kienu fl-istess klassi l-iskola u meta darba l-għalliema staqsiethom jiddeskrivu d-dar tagħhom Katja baqgħet b’ħalqha miftuħ tisimgħu jitkellem fuq ir-razzett tal-familja tiegħu.
“Aħna għandna bitħa bil-qsari d-dar u post fejn nilgħab bil-kamp, int għandek bitħa?” staqsietu darba, ta’ tifla kurjuża li kienet.
“Jien nilgħab fl-għalqa tas-siġar tal-frott,” weġibha jitbissem Renzo.
“U jien għandi qattus u fekruna. Int għandek xi pet?” reġgħet Katja b’għajnejha mberrqin.
“Għandna żewġ mogħżiet u ġiebja bil-ħut tal-ilma ħelu. Trid tiġi tarahom xi darba?”
Katja qatt ma kienet marret f’razzett qabel, għalhekk laqgħet l-istedina ta’ Renzo mill-ewwel. Renzo kien jgħaddi ħafna żmien man-nanniet, li kienu għadhom jgħixu magħhom. Ma kien fadal kważi xejn minn kif kien qabel. L-art kienet ilha żmien ma tinħadem. Omm u missier Renzo kienu bdew jaħdmu f’supermarkit fil-qrib. U l-bhejjem li kien jieħu ħsieb nannuh kienu ilhom li telqu. Kien baqa’ biss iż-żewġ mogħżiet li bil-ħalib tagħhom in-nannu kien jagħmel ġbejniet li kienu mfittxija ħafna min-nies tal-qrib.




