Is-Saħħara tal-Bosk

Fil-qalba ta’ bosk fl-Amerka ta’ Fuq tgħix mara xiħa għakka. Ħadd ma jaf meta twieldet, u wisq anqas kemm għandha żmien. Lanqas hi stess ma taf! Ilha tgħix għal ħafna snin u għandha esperjenza twila tal-ħajja, tant li laqqmuha ‘Is-Saħħara tal-Bosk.’ Dan għaliex ħafna huma n-nies li jmorru jfittxuha għal xi duwa speċjali, meta jinqalgħalhom xi mard jew xi għawġ. U s-saħħara, b’għaġeb kbir għal dawk li jmorru għandha, dejjem tfejjaq il-mard bid-duwa tagħha u tgħin bil-pariri intelliġenti tagħha.
null
Paġna 1
Darba waħda, marret tfittixha bil-moħbi ta’ kulħadd Nakoda, mara żagħżugħa li kienet għadha kif iżżewġet. Nakoda ma riedet lil ħadd isir jaf li kienet marret għand is-saħħara, għax f’moħħha kellha intenzjonijiet ħżiena.
Is-saħħara, bħalma kienet tagħmel dejjem u ma’ kulħadd, laqgħet bil-ferħ lil dik il-mara żagħżugħa u stednitha tgħidilha fiex setgħet tgħinha. Nakoda ma tilfitx ħin u bdiet tirrakkontalha.
null
Paġna 2
“Sinjura, ftit tax-xhur ilu żżewwiġt lill-maħbub tiegħi Ingalik. Ilna ħbieb sa minn mindu konna żgħar, u ninsabu kuntenti ħafna,” bdiet l-istorja tagħha Nakoda. “Kollox kien miexi ħarir, sa ma omm Ingalik ġiet tgħix magħna.”
“Kompli, kompli,” ħeġġet is-saħħara lill-mara hekk kif ratha li waqfet titkellem.
“Sakemm Gomda, omm Ingalik, kienet tgħix f’darha, konna naqblu ħafna u mmorru tajjeb flimkien,” kompliet b’ton imnikket Nakoda, “imma issa sirna qisna kelb u qattus; il-ħin kollu nillatikaw u niġġieldu.”
null
Paġna 3
Is-saħħara ma qalet xejn. Dehret qed taħseb u stenniet lil Nakoda tkompli bl-istorja tagħha.
Wara ftit, il-mara żiedet tgħid, “Gomda l-ħin kollu tindaħal f’dak kollu li nkun qed nagħmel; fit-tindif tad-dar, fit-tisjir, u anke x’għandi nilbes jew ma nilbisx. Ingalik, miskin, ma jafx x’jaqbad jagħmel jew jgħid; lilna jħobbna t-tnejn u ma jixtieq li jweġġa’ lil ħadd minna. Kemm nixtieq li qatt ma ġiet tgħix magħna!”
null
Paġna 4
“Nakoda, għalfejn Gomda ġiet tgħix magħkom?” staqsietha s-saħħara.
“Għax l-għarix li kellha nħarqilha u m’għandhiex fejn tgħix. Ingalik hu l-uniku tifel li għandha u allura bilfors magħna kellha tiġi toqgħod,” weġbitha l-mara.
“Tajjeb wisq. U x’tixtieq mingħandi?” reġgħet staqsiet is-saħħara.
Nakoda ħasbet għal ftit ħin, imbagħad b’leħen kemm kemm jinstema’ qaltilha, “Irrid neħles minnha darba għal dejjem.”
null
Paġna 5
Is-saħħara ma ħadithiex bi kbira xħin semgħet lill-mara tgħid dal-kliem. Kemm-il darba kienu jmorru nies għandha biex tagħtihom xi duwa velenuża biex jeħilsu minn xi ħadd li kien sar idejjaqhom. Is-saħħara kienet mara twajba u qatt ma riedet tagħmel ħsara lil ħadd. Hi kienet magħrufa ma’ kulħadd kemm kienet qalbha tajba. Biss dak il-ħin, Nakoda dehret determinata xi xtaqet u ma kienx il-mument opportun li tgħidilha li jekk toqtol lil Gomda ma kinitx se ssolvi l-problema, anzi tkabbarha.
“Kollox sew, Nakoda, dik ħaġa żgħira ħafna,” qalet is-saħħara, “biss jeħtieġ li naħdmu bil-għaqal biex ħadd ma jinduna b’li se tagħmel.”
Nakoda dehret kuntenta, għax kienet ħasbet li s-saħħara ma kinitx se tgħinha. ‘Sew jgħidu li din is-saħħara tgħin lil kulħadd, ikun xi jkun il-każ,’ ħasbet bejnha u bejn ruħha l-mara.
null
Paġna 6
“Ara,” kompliet is-saħħara, “jekk naqbad u nagħtik duwa velenuża mill-ewwel, xħin tmut Gomda, kulħadd iwaħħal fik peress li l-ħin kollu tiġġieldu. Għalhekk jeħtieġ li lil Gomda noqtluha ftit ftit biex ħadd ma jintebaħ.”
Tant Nakoda kienet determinata li teħles mill-kunjata mill-aktar fis possibbli, li ma kienx għaddielha minn moħħha li kienet se tinqabad żgur. Għalhekk qablet mal-pjan tas-saħħara u stennietha tgħidilha x’kellha tagħmel.
null
Paġna 7
Is-saħħara qamet minn fejn kienet bilqiegħda u minn fuq xkaffa tal-injam ġabet vażett tal-ħġieġ ċkejken mimli likwidu safrani. ‘Dan dejjem jaħdem f’każijiet bħal dawn,’ ħasbet f’qalbha. Newlitu lil Nakoda u qaltilha, “Ħu dan il-velenu u waddab mgħarfa kuljum minnu fil-kafè ta’ Gomda. Ħu ħsieb li ma jinduna ħadd. Dan għandu jservik għal ġimgħa, imbagħad erġa’ ejja u nagħtik aktar.”
null
Paġna 8
Nakoda ħadet il-vażett f’idejha u poġġietu dritt fil-ġewlaq li kellha. Dehret li fehmet x’kellha tagħmel u kienet kuntenta, iżda s-saħħara kellha aktar x’tgħidilha.
“Importanti li inti ma tibqax tiġġieled mal-kunjata, anzi ibda obdiha u ħu ħsiebha, biex meta tmut ħadd ma jissuspetta xejn ħażin fik,” wissietha s-saħħara. “Il-velenu li tajtek jieħu ż-żmien biex jaħdem, biex ikollok biżżejjed ċans tibni ħbiberija sinċiera ma’ Gomda.”
null
Paġna 9
Il-mara għamlet sinjal b’rasha li fehmet u telqet ferħana lura lejn darha. Għal ġimgħa sħiħa, ta’ kull filgħodu kienet tinsisti li tagħmel il-kafè tal-kunjata hi, u tieħu ħsieb li titfgħalha fit-tazza mgħarfa mill-velenu li tatha s-saħħara. Nakoda wkoll bdiet tipprova tigdem ilsienha kull meta Gomda kienet tindaħlilha f’xi ħaġa.
null
Paġna 10
Wara ġimgħa, il-mara żagħżugħa reġgħet marret għand is-saħħara għal aktar velenu. Lanqas laħqet waslet li s-saħħara ma staqsithiex fil-pront, “Għamilt kif għedtlek?”
“Iva, iva, mela. Waddabt mgħarfa kuljum fil-kafè tal-kunjata,” weġbitha Nakoda.
“U argumentajt magħha?” riedet tkun taf is-saħħara.
“Ħeqq… Ħeqq,” bdiet tlaqlaq il-mara, “mhux faċli ma tgħid xejn daqskemm għandha lsienha jniggeż. Imma ppruvajt kemm flaħt u kien hemm drabi li m’għedtilha xejn lura.”
null
Paġna 11
Is-saħħara dehret sodisfatta u qaltilha, “Proset tassew. Għall-bidu se jkun diffiċli li ma tgħid xejn, wara li ilek tant tiġġieled magħha, imma l-ġimgħa li ġejja tmur aħjar u ta’ wara aħjar, sakemm issiru ħbieb tal-qalb.”
Nakoda ħadet il-vażett mimli mingħand is-saħħara u ġriet lejn darha, qabel jaraha xi ħadd u jissuspetta xi ħaġa. Ġimgħa wara ġimgħa, ta’ kull filgħodu l-mara baqgħet titfa’ mgħarfa minn dak il-likwidu safrani fil-kafè tal-kunjata u tipprova ma taqlax argumenti magħha. Kull ġimgħa l-argumenti bdew dejjem jonqsu, tant li kważi spiċċaw fix-xejn.
null
Paġna 12
Ingalik ma riedx jemmen lil għajnejh. Fid-dar fl-aħħar bdiet issaltan il-paċi. Martu u ommu kienu saru l-aqwa żewġt iħbieb li qatt seta’ jkun hemm, u minn kelb u qattus saru qishom omm u bint. Nakoda kienet il-ħin kollu ddur b’ommu u tara li ma jkun jonqosha xejn, u Gomda min-naħa tagħha kienet tiftaħar ma’ kulħadd kemm il-mara tat-tifel kienet qalbha tajba u tar-rispett.
null
Paġna 13
Ftit inqas minn xahrejn minn meta Nakoda marret għall-ewwel darba għandha, is-saħħara ratha mill-bogħod ġejja tiġri kemm tiflaħ. Xħin waslet u b’nifisha maqtugħ qaltilha, “Sinjura, jeħtieġlek tagħtini duwa oħra għal kontra l-velenu li kont qed nagħti lill-kunjata!”
Is-saħħara bi tbissima moħbija staqsietha, “U għaliex, Nakoda?”
“Għax… għax ma rridx li Gomda tmut. Saret qisha ommi. Żbaljajt bil-kbir meta xtaqt neħles minnha,” weġbitha mbikkma l-mara.
null
Paġna 14
“Tinkwetax, Nakoda,” serrħitilha rasha s-saħħara, “il-kunjata tiegħek mhix se tmut, anzi għad fadlilha ħafna snin x’tgħix.”
“Allura dak il-velenu li kont qed nagħtiha x’kien?” riedet tkun taf il-mara, li ħassitha mħawda.
“Dak kulma kien meraq ta’ diversi ħxejjex aromatiċi mgħollija. Mhux talli ma jagħmilx ħsara, imma talli jagħti s-saħħa lil kull min jieħu minnu,” spjegatilha s-saħħara bi tbissima ta’ sodisfazzjon fuq fommha.
Nakoda għannqet magħha lis-saħħara u fehmet kemm tassew kienet xwejħa ta’ esperjenza u għaqal kbir. Mhux ta’ b’xejn kienet maħbuba u mfittxija minn ħafna.
null
Paġna 15
Tmiem