Erik kien ilu żmien twil itella’ u jniżżel x’jaqbad jagħmel bil-ħanut tat-te, li wiret mingħand zijuh Grezzju. Kien ħanut ċkejken, f’kantuniera fil-qalba tal-Belt. Zijuh qatt ma kien ħa ħsieb jagħtih passata żebgħa jew jibdel l-għamara antika, għax il-parruċċani xorta baqgħu dejjem ġejjin għal dik il-belgħa te jew kafè u xi biċċa ħobż mixwija, jew xi żewġ pastizzi. Biss il-ħanut issa kien ilu magħluq għal xi ħames snin u l-parruċċani kienu, jew mietu bħal zijuh, jew inġabru f’xi dar tax-xjuħ.







