(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 13: Deffusu u l-Għasel

Deffusu kien qiegħed idur ’l hemm u ’l hawn, jara fejn ħa jiddeffes jew forsi jisma’ xi ħaġa ġdida ħalli joqgħod ixandarha ma’ kulħadd! Meta kien għaddej minn quddiem Paċpaċa semagħha titkellem ma’ xi ħadd u ġietu l-kurżità jara ma’ min kienet qed titkellem. Kien jaf li jekk xi ħadd kellu jkun jaf b’dak li kien qed jiġri, dan seta’ jsir jafu mingħand Paċpaċa għax kien il-gost tagħha tgħid fuq dak u fuq l-ieħor!
null
Paġna 1
Resaq qrib il-bieb u qagħad jissemma’. Paċpaċa kienet qed tgħid lil Pruna li Ftiru l-furnar kien qed jiftaħar kemm se jirnexxilu jiġbor għasel din is-sena. Pruna qabżet qaltilha, “Minn fejn se jġib dan l-għasel kollu? Jaqaw sab xi xehda tan-naħal ġdida?”
“Hekk naħseb, avolja ma jridx jgħid,” qaltilha Paċpaċa.
“Mmm, mela Ftiru rnexxielu jsib xehda tal-għasel ġdida!” qal f’qalbu Deffusu. “Taf x’nagħmel? Issa noqgħod għassa ħalli nara fejn imur, u mmur warajh. Xejn xejn, naqta’ l-kurżità!”
null
Paġna 2
Dik il-ġurnata, lil Ftiru ma telqux minuta minn taħt għajnejh! Qagħadlu għassa jarah dieħel u ħiereġ mill-forn fejn kien jaħmi l-ħobż u l-ftajjar. X’riħa tfuħ ta’ ħobż frisk! Taqsamlek qalbek! U dawk il-ftajjar ma kont issib imkien tajbin daqshom! Kien jagħmilhom bil-basal, patata mqattgħa rqiqa roti roti, tadam, inċova, xi ftit ħabaq u żejt taż-żebbuġa. U għidli x’int tiekol!
null
Paġna 3
Kien qed jitħajjar jidħol jitolbu waħda u fl-istess ħin jara jeħodlux minn moħħu fejn kienet ix-xehda tal-għasel!
Daħal il-forn u ra lil Ftiru għaddej jagħġen l-għaġina bil-ħmira għall-ħobż. Wara li tkun lesta kien iħalliha toqgħod għas-sħana ħalli l-ħmira tilħaq tikber u tagħmel il-ħobż tajjeb kollu toqob u ħafif fuq l-istonku. Deffusu mar jara liema hi l-ikbar ftira bl-iktar mili fiha!
null
Paġna 4
Malli ra li Ftiru waqaf milli kien qed jagħmel, Deffusu qallu, “Xi ġmiel ta’ ftajjar għandek! Nista’ nieħu waħda?”
“Iva, mela!” wieġbu Ftiru.
Deffusu mar ġab dik il-ftira l-kbira u kompla jgħidlu, “Bilħaqq, l-għasel kważi spiċċali, nittama li se jkollok xi żewġ vażetti għalija din is-sena. Tinsiex terfagħhomli!”
“Din is-sena se jkolli ħafna għasel. Nerfagħlek, serraħ rasek.”
null
Paġna 5
“Jaqaw għamlu ħafna għasel in-naħal tiegħek?”
“Le, mhux in-naħal li għandi imma sibt xehda ġdida u kbira mhux ħażin ukoll!”
“Tajjeb, taħt is-sies jew?”
“Iva, xi mkien ’l hemm, imma mhux ħa ngħidlek fejn, ta! Li ma tmurx tgerrixhom u nibqa’ bla għasel.”
“U ma tarax! Insomma, mela ħa nħallik għax se tiksaħli l-ftira.”
null
Paġna 6
Telaq ’il barra, ħareġ mingħand tal-forn u qagħad fuq ċint tas-sejjieħ baxx jiekol il-ftira u jifli s-sies ħalli jara fejn setgħet kienet ix-xehda tan-naħal. Dam jgħarrex ’l hemm u ’l hawn meta f’daqqa waħda ġieh ħsieb f’moħħu fejn setgħet tkun.
Telaq jgħaġġel għat-telgħa u beda riesaq dejjem aktar lejn taħt is-sies.
null
Paġna 7
Għadda minn ħdejn ġiebja mimlija ilma u nixxiegħa ħierġa għal ġo fiha minn ġol-blat tal-Għar il-Kbir. Baqa’ tiela’ ftit ieħor u, meta wasal eżatt taħt is-sies, ra qisha toqba fis-sies. Ma kienx mar żmerċ għax ix-xehda tan-naħal hemm kienet. U kemm kienet kbira! Mhux ta’ b’xejn kien ferħan Ftiru li se jkollu ħafna għasel!
“Tgħid nersaq ftit ieħor ħalli naraha sew? Ma jidhrux naħal! U billi nittawwal ftit, jekk ma nagħmilx storbju, mhux se ngerrixhom!”
null
Paġna 8
Beda riesaq inkiss inkiss u kien kważi se jmiss magħha meta tfixkel f’ġebla u kien se jeħodha għal wiċċu. Biex jipprova ma jaqax, idejh ħarġu quddiemu u pprova jiggranfa ma’ xi ħaġa. U x’sab quddiemu? Ix-xehda tan-naħal! Idejh ħabtu bis-sabta magħha u kif ipprova jqum dritt ċaqlaqha minn postha! F’daqqa waħda minn ġox-xehda beda jinstema’ żanżin kbir.
null
Paġna 9
Malli sema’ dak il-ħoss, Deffusu twerwer u ħarab jiġri ’l isfel. Imma n-naħal beda ħiereġ qisu xmara sewda għal warajh. Laħqu l-ewwel ftit naħal u beda jniggżu rrabjat. Deffusu beda jaqbeż u jwaħwaħ bl-uġigħ, imma baqa’ jiġri.
null
Paġna 10
Inzerta ra l-ġiebja bl-ilma u qabeż fiha bil-ħwejjeġ u ż-żarbun b’kollox! Għaddas rasu taħt l-ilma ħalli ma jkomplux jattakkawh. Qagħad mgħaddas taħt l-ilma, kultant joħroġ ħalqu biex jieħu n-nifs sakemm is-sħaba sewda ta’ naħal irrabjat iżżanżan fuq rasu telqet ’l hemm. Meta kien ċert li telqu, ħareġ mill-ġiebja.
Illum kien seta’ jgħoddha b’waħda! Li ma kienx għall-ġiebja, in-naħal żgur kien joqtlu bit-tingiż! Imissu jeħodha b’tagħlima u ma jħallix il-kurżità tegħlbu darb’oħra. Min jaf Ftiru kemm kien se jirrabja jekk ma jsibx għasel!
null
Paġna 11
Tmiem