(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 01: Rożetta u Rossu l-Pitirross

Rożetta hija tfajla nana b’par ħaddejn roża u par għajnejn kbar ħodor li jsaħħru lil kull min jarahom. Xagħarha twil innukklat iswed faħma u widnejha żgħar żgħar bil-ponta. Mhux ta’ b’xejn semmewha Rożetta għax qisha warda sabiħa. Ġmiel ta’ tifla grazzjuża u b’manjieri taz-zokkor.
Fir-raħal kulħadd kien iħobbha għax minbarra li kienet sabiħa kellha wkoll qalb tad-deheb. Dejjem tara hemmx xi ħadd fil-bżonn ta’ xi għajnuna u kienet tmidd idejha għal kollox.
null
Paġna 1
Kienet ġurnata xitwija b’temp ikrah kif jaf jagħmel f’Diċembru. Kesħa xxoqq il-għadam. Ġo dan ir-raħal żgħir, in-nani kienu ħasbulu għall-kesħa!
It-twieqi u l-bibien tad-djar sempliċi tagħhom f’għamla ta’ koppla, li kienu jingħalqu bl-injam, minn ġewwa kienu mgħottijin b’purtieri ħoxnin tas-suf, u l-art ukoll kienet miksija b’tapiti minsuġin mis-suf, qoton jew weraq niexef. Ħafna minn dawn il-griebeġ żgħar kellhom in-nar imqabbad fil-kenuri jew f’toqba fil-ħajt, biex isajru u fl-istess ħin isaħħnu l-kmamar.
null
Paġna 2
Rożetta kienet medhija tnaddaf u tiżbarazza l-kamra fejn kienu jorqdu hi u oħtha Vjoletta. Barra kienet nieżla xita bil-qliel.
F’daqqa waħda tisma’ ħoss ta’ tħaxwix ġej minn wara l-purtiera li kienet tgħatti t-tieqa żgħira li kien hemm fil-kamra. Imbeżżgħa, marret inkiss inkiss ħdejn it-tieqa u bexxqet ftit il-purtiera ħa tara x’hemm.
Fil-ħoġor tat-tieqa, jirtogħod u jterter bil-bard, kien hemm il-ħabib tagħha Rossu l-pitirross iferfer ġwinħajh, jipprova jnixxifhom għax kien imxarrab għasra.
null
Paġna 3
“Miskin Rossu! Xi ġralek?” qaltlu bil-ħlewwa. “X’inti tagħmel tiġġerra fix-xita u l-bard?”
“Kont… kont qed intir biex infittex xi ħaġa x’niekol, meta… meta f’daqqa waħda nfetħu bwieb is-sema u mank… mank tawni ċans insib xi mkien għall-... għall-kenn!” beda jtemtem Rossu l-pitirross.
null
Paġna 4
“Idħol ħdejn in-nar għas-sħana ħalli jinxfu ġwinħajk.”
“Ma… ma nistax intir,” beda jokrob Rossu.
“Tibża’ xejn, ħa ndaħħlek jien.” U kif qalet hekk qabdet lil Rossu f’idejha u ħaditu ħdejn in-nar, fejn kien hemm borma mdendla fuq in-nar.
null
Paġna 5
Għall-ewwel Rossu ma ċċaqlaqx minn fejn poġġietu Rożetta u baqa’ jirtogħod u jterter bil-bard. Wara ftit tal-ħin in-nar beda jħalli l-effett tiegħu. Bil-mod il-mod ir-rix beda jinxef u l-għasfur ċkejken ma baqax jirtogħod bil-bard. Beda jersaq iżjed qrib in-nar ħalli jisħon iżjed malajr.
null
Paġna 6
Rożetta kompliet għaddejja tnaddaf u tiżbarazza, xħin f’daqqa waħda bdiet ixxomm riħa ta’ ħruq.
Daret lejn in-nar u rat li Rossu kienet marret għajnu bih u kien qiegħed jongħos.
Imma r-riħa ta’ ħruq x’kienet?
null
Paġna 7
Marret tiġri lejn l-għasfur u indunat li pinna twila minn ġwinħajh kienet qed taqbad!
Għalhekk qabdet lill-għasfur u bdiet tagħtih fuq ġwinħajh ħalli titfilu n-nar.
Rossu, maħsud waħda sew, beda jwerżaq u jipprova jigdem lil Rożetta biex jeħles minn taħt idejha. Għal ftit minuti fil-kamra kien hemm pandemonju sħiħ!
Rossu beda jgħajjat kemm jiflaħ u jigdem lil Rożetta hi u tipprova żżommu ħalli titfilu n-nar biex ma jinxtewiex ħaj!
Sa fl-aħħar irnexxielha u poġġietu fuq is-sodda ħalli tgħaddilu l-qatgħa.
null
Paġna 8
Xħin ikkalma Rossu għaraf x’kien se jiġrilu kieku ma kinitx Rożetta. Beda jgħidilha taħfirlu talli gidimha u jirringrazzjaha talli ħelsitu minn ħalq il-mewt.
Rożetta tbissmitlu u qaltlu, “L-aqwa li ma nħraqtx u għadna ħbieb.”
Dakinhar Rossu baqa’ hemm ħdejha, imgezzez għas-sħana.
null
Paġna 9

Glossarju

ħaddejn
il-wardiet tal-wiċċ
grazzjuża
għandha karattru sabiħ
manjieri taz-zokkor
taf tmur man-nies
qalb tad-deheb
qalb tajba
tmidd idejha
tħobb tgħin u tagħmel xogħolha
kesħa xxoqq il-għadam
ħafna ksieħ
xita bil-qliel
nieżla ħafna xita
inkiss inkiss
bil-mod, bla ħoss
bexxqet
ressqet ftit il-purtiera fil-ġenb
ħoġor
isfel tat-tieqa
iterter
iħoss ħafna bard
iferfer
iċaqlaq, iħarrek
imxarrab għasra
mimli ilma
infetħu bwieb is-sema
niżlet ħafna xita f'daqqa
itemtem
ilaqlaq, jieqaf bejn kelma u oħra
marret għajnu bih
raqad
pandemonju
storbju
jinxtewa
jinħaraq
imgezzez
qiegħed għas-sħana
ħalq il-mewt
mewta żgura
Paġna 10
Tmiem