(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

In-Nuċċali

B’leħnu baritonali beda: “If I were a rich man, yaba dibby dibby dibby dibby dibby dibby dum… ” Fetaħ il-vit tad-doċċa bil-qawwa. Waqaf f’salt. Induna li bil-ġenn, biex ifittex jidħol taħt id-doċċa, kien nesa jneħħi n-nuċċali. Qalgħu minn ma’ wiċċu u sab ħoġor it-tieqa żgħira miftuħa fil-qrib biex ħallieh hemm. Kompla jkanta: “I’d build a big tall house with rooms by the dozen, right in the middle of the town…”
“Min jismagħni jaħseb li tabilħaqq nixtieq li jkolli dar kbira. Dik jonqosni! Anke f’dawn l-erbat ikmamar ninsa fejn nitlaq l-affarijiet!”
null
Paġna 1
Kien diġà beda Ottubru imma t-temp ma riedx jaf, għax wara sajf qalil qisha s-sħana drat hawn u ma xtaqitx tbatti. Colin, wara jum iebes l-iskola kien jistenna bla sabar għal dak il-mument meta hemm, taħt id-doċċa, jerġa’ jibda jħoss ftit enerġija dieħla minn kull por ta’ ġismu. Kien il-ħin li fih jinsa wkoll xi ftit il-qtigħ il-qalb ta’ dawk l-ewwel jiem li minn Għawdex wasal Malta mal-familja biex joqogħdu fi flett ċkejken l-Imsida. Ħassu bħal għasfur li mar jgħix f’bejta li mhix tiegħu, u bejta ċkejkna xi ħaġa…
null
Paġna 2
Kollox kien għadu ġdid, mhux biss ir-rutina u l-ambjent ta’ fejn mar joqgħod. U bħal dak li qallu, dan ma kienx biżżejjed. Żid magħhom dawk is-salt uċuħ ġodda ta’ studenti li ftit li xejn kienu jħajruh biex jindiehes magħhom u jsiru jafu ’l xulxin. Kollha bil-klikek tagħhom. Miskin int jekk biss tipprova tersaq lejn xi ħadd minnhom. L-istess hemm, f’dik il-blokka ta’ tmien fletts fejn mar joqgħod. Isfel nett kien hemm żewġ familji joqogħdu, waħda fuq kull naħa, waqt li fl-oħrajn aktarx kollha studenti, qishom għadhom jibżgħu minn xulxin u kieku xi ħadd biss jitbissimlek. Kollha wċuħ ta’ iħirsa.
null
Paġna 3
Wara xi għaxar minuti għalaq l-ilma u beda jixxotta. Kien għadu ma jistax jidra f’dik in-naqra ta’ rokna żgħira tad-doċċa. Erħilu, waqt li jixxotta jew jinħasel, jaħbat minkbejh mal-madum tal-ħajt… dak djuq! Ħareġ minn dik in-nitfa ta’ doċċa bix-xugaman imgeżwer ma’ qaddu waqt li beda jteftef fuq ħoġor it-tieqa biex isib in-nuċċali. Il-vista tiegħu kienet batuta għall-aħħar. Mingħajr in-nuċċali ma jarax wisq…
“Jien żgur li hemm ħallejtu… niftakar li dħalt bih fid-doċċa… stenna ftit…” Resaq eqreb it-tieqa waqt li niżżel geddumu magħha biex jara aħjar… “Imma jien hemm poġġejtu…” Niżel kokka mal-art u b’idejh beda jfittex forsi seta’ laqtu waqt li kien qed jixxotta, meta bħal sajjetta fil-bnazzi ġie f’moħħu l-fatt li seta’ waqa’ ’l barra u mhux ’il ġewwa!
null
Paġna 4
“Magħmula tiegħi! Jekk waqagħli għal isfel żgur sar frak! Għandi ieħor qadim, ikrah seba’ pesti u li ma jaqdinix sew. Ħaqqni, ommi kienet ilha treddinli biex naħseb għal ieħor. Kieku tinsab ħdejja bħalissa… mur oqgħod bi lsienha!”
null
Paġna 5
Ħass u xamm ukoll l-għaraq ixoqq għalih. Seta’ ma ħa doċċa xejn. Mhux se jinsieha din! Ixxotta sew saqajh u bil-mod mar fil-kamra tal-ikel u beda jfittex f’bagalja fejn mingħalih kien jinsab in-nuċċali l-qadim. Sabu. L-ewwel ħaġa li għamel kienet li ħareġ rasu minn ġot-tieqa tad-doċċa biex jara jilmaħx fil-bitħa n-nuċċali t-tajjeb. Sadattant żamm sew b’idejh it-tnejn dak in-nuċċali l-qadim li jiġih ftit laxk, li ma jmurx jitħajjar jagħmel bħal sieħbu. L-ebda ċans li jara ċar aktar minn ftit metri ’l isfel. Beda jilbes bil-mod. Addijo l-kant. Waqa’ f’paniku u swied ta’ qalb kbir. Beda jaħseb: ‘If I were a rich man… Istra! L-ewwel ħaġa li nagħmel kieku nordna seba’ pari nuċċalijiet, wieħed għal kull jum tal-ġimgħa u mhux nibni dar f’nofs il-belt.’
null
Paġna 6
Kif seta’ jgħix mingħajr in-nuċċali? Tgħid jissogra jinżel isfel u forsi ma tafx kif, jagħmel kuraġġ biżżejjed biex iħabbtilhom il-bieb u jsaqsihom jekk sabux xi nuċċali fil-bitħa? Ommi, x’mistħija! Jaħsbuh li qed jiġġennen! Mela n-nuċċalijiet jikbru fil-btieħi? Dam itella’ u jniżżel jekk kellux tabilħaqq imur isaqsi għal dak l-imbierek nuċċali. Beda jħejji x’ser jgħidilhom wara li jiftħu l-bieb, u fuq kollox jittama li jsibhom hemm: ‘Skużawni, jien Colin Arpa li noqgħod fil-flett ta’ fuqkom…’ Le, le! X’jimpurtahom dawk fejn noqgħod! Insaqsi dritt għan-nuċċali. ‘Għal li jista’ jkun ma sibtux xi nuċċali?’ Le, lanqas hekk ma jogħġobni. Xi ħaġa, b’xi kliem, neħtieġ infissrilhom fiex ninsab… għal ġieħna… bħalissa l-iskola qed nitgħallmu dwar tipi differenti ta’ komunikazzjoni!”
null
Paġna 7
Sadattant, f’wieħed mill-fletts t’isfel kienet toqgħod Phyllis m’ommha. Tfajla li bħalu kienet tmur l-iskola medja. Kienet ilha li nnutat li fil-flett ta’ fuqhom f’dawk l-aħħar ftit jiem kien hemm wiċċ ġdid. U studjatu sew dak il-wiċċ minn wara l-purtiera tal-bizzilla tat-tieqa tal-ħġieġ tas-salott tagħhom.
‘U kemm iħobb ikanta! Qisu jaf li għandu leħnu sabiħ. Nixtieq kieku nagħmel ħbieb miegħu forsi nkunu nistgħu nibdew nilagħbu u nistudjaw flimkien.’
null
Paġna 8
Biex tisimgħu sew kienet toħroġ issaqqi l-qsari fil-ħin li jibda jkanta fil-kamra tal-banju. U hemm kienet dak il-ħin li Colin laqat in-nuċċali, li b’xorti tajba ġie fuq pjanta qrib il-ħajt. Tgħidx kif inħasdet Phyllis! Inħasdet u tbissmet fl-istess ħin għax f’ħakka t’għajn nibet f’moħħha pjan ta’ x’kien biħsiebha tagħmel bin-nuċċali. Ħaditu f’idejha u mesħitu sew għax kien qisu mxarrab. Baqgħet titbissem.
null
Paġna 9
Sewwa, dik titbissem hemm isfel waqt li l-ieħor jindanna hemm fuq b’ħass ħażin ta’ inkwiet, tant li ma jafx fejn ser jibda jagħti rasu. Ħares fil-mera. ‘Pu! Kemm hu ikrah dan in-nuċċali!’ Biex jinżel isfel jaqbel li jneħħih minn għajnejh, imma jekk jitfixkel u jaqa’ t-taraġ?
null
Paġna 10
Sema’ taħbita ħafifa fuq il-bieb tal-flett tiegħu. Ma kienx żgur. Baqa’ ssummat u ċċassat jaħsibha jekk jiftaħx jew le. It-tieni taħbita. Neħħa n-nuċċali minn għajnejh, tefgħu fuq siġġu qrib u mar jiftaħ. Hemm jara tfajla bi tbissima, u aktar importanti mit-tbissima kien il-fatt li kellha n-nuċċali tiegħu f’idejha. In-nuċċali tiegħu qawwi u sħiħ! Kif ser isib kliem biex jirringrazzjaha lil dik l-anġlu tas-sema? Hi wkoll qisha ma tantx kienet taf x’kellha tgħidlu… għax intilfet tammira dawk il-par għajnejn sbieħ li qatt ma rat bħalhom!
null
Paġna 11
Daħlet ġewwa u bdew jitkellmu. It-tnejn kienu kuntenti li saru jafu ’l xulxin u li n-nuċċali reġa’ kien f’għajnejn Colin, għalkemm dak il-ħin stess waħħalha f’rasu li jgħid lil ommu biex taħsiblu għal nuċċali ieħor.
null
Paġna 12
U għamel xi ħaġ’oħra wkoll l-għada. Mhux li seta’ jagħmel wisq kapriċċi mill-ftit flus li kienu jagħtuh il-ġenituri… imma xtara rigal, qal lil tal-ħanut biex igeżwirhulu sewwa f’kaxxa soda u biċċa żigarella. Meta wasal id-dar kiteb nota ċkejkna għal magħha: “Għażiża Phyllis, ma nixtiqekx titla’ t-taraġ biex iġġibli din il-kaxxa. Din xi ħaġa għalik biex nurik kemm apprezzajt il-qalb tajba tiegħek. U xi darba, fil-ġimgħat li ġejjin, jekk għandek pjaċir, noqogħdu nilagħbu u nistudjaw flimkien.”
null
Paġna 13
Qabad il-kaxxa, poġġieha f’borża oħra tal-plastik biex ma jkagħbarhiex u telaqha għal nofs il-bitħa qabel ma beda jinħasel u jkanta: “If I were a rich man…”
null
Paġna 14
Tmiem