(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Praspar ta' Sika 4: Sika Tilgħab Noli

Fit-triq fejn kienet toqgħod Sika kienu joqogħdu ħafna tfal ta’ kull età. Meta ma kienx ikollhom skola kienu joħorġu jilagħbu. Kellhom logħob differenti fosthom iż-żibeġ u l-boċċi, jaqbżu l-ħabel, jilagħbu trija*, kif ukoll il-logħba noli.
F’din il-logħba wieħed kien joqgħod ma’ ħajt, jgħatti għajnejh u jibda jgħodd in-numri sal-għoxrin. Fl-aħħar kien jgħid, “Min hu barra barra u min hu ġewwa ġewwa,” jikxef għajnejh u jibda jfittex lit-tfal.
*Trija - Tintlagħab bejn tnejn. Biex tilgħabha trid tagħmel disinn kwadru fl-art jew fuq biċċa kartuna. Ġod-disinn tħożż erba’ rigi, bħall-bandiera tar-Renju Unit: linja wieqfa u oħra mimduda, għamla ta’ salib, u żewġ rigi djagonali mill-irkejjen.
Imbagħad ikollok bżonn il-pedini. Tlieta għalik u tlieta għal min jilgħab kontrik. Il-pedini aktarx ikunu żrar. Imma tista’ tilgħabha b’xi boċċi, ful, ġellewż, fost oħrajn.
null
Paġna 1
Kien il-Ħadd u bħas-soltu kienu nġabru ħafna tfal quddiem id-dar ta’ Sika. Mill-ewwel bdew jiftiehmu x’se jilagħbu. Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra. Sa fl-aħħar qablu li jilagħbu noli.
null
Paġna 2
Qatgħu bejniethom biex jaraw min se joqgħod biha. Ġie Luca u mar wiċċu mal-ħajt. Malli beda jgħodd in-numri kulħadd telaq jiġri jistaħba.
null
Paġna 3
It-triq kienet baħħ... Ma kinitx tidher ruħ... Kulħadd kien għeb!
null
Paġna 4
Luca beda jiġri ’l hawn u ’l hemm jittawwal wara l-bibien u l-affarijiet li kien hemm fit-triq. Kultant jara lil xi ħadd mistoħbi u jitlaq jiġri kemm jiflaħ lejn il-ħajt, isabbat idejh fuqu u jgħajjat, “Wieħed, tnejn, tlieta, qed nara lil Maria.”
null
Paġna 5
Sika kienet sabet moħba vera tajba. Kienet telqet tiġri kemm tiflaħ, ixxabbtet ma’ siġra, u qagħdet bilqiegħda fuq fergħa ħoxna għolja m’ogħla bniedem. Minn isfel ma kinitx tidher għax kienet moħbija bil-weraq.
null
Paġna 6
Sadanittant Luca kien għadu jfittex. Ma damx ma sab lil kuħadd... minbarra ’l Sika! It-tfal l-oħra bdew jgħinuh ifittixha. Bdew jgħajtulha biex toħroġ minn fejn kienet għax il-logħba kienet spiċċat u kienu sejrin id-dar.
Wara li qatgħu qalbhom, ħasbu li forsi kienet telqet lejn id-dar. Qatgħuha li aħjar imorru huma wkoll għax kien sar nofsinhar u kien qabadhom il-ġuħ.
null
Paġna 7
X’kien sar minnha dik l-imbierka Sika? Kienet marret għajnha biha u raqdet. Minn fuq il-fergħa sabet ruħha bilqiegħda taħt is-siġra! Kif u xħin waqgħet ma kinitx taf! U x’ħin kien sar? U fejn kienu sħabha? U għaliex ħadd ma ġie jfittixha?
null
Paġna 8
Bdiet togħrok għajnejha għax ħassitha ftit storduta. Xħin messet rasha sabet gundalla daqsiex. Mela waqgħet mis-siġra, ħabtet rasha u ntilfet minn sensiha għal xi ħin!
null
Paġna 9
It-triq kienet baħħ! Kulħadd kien telaq lejn id-dar? Min jaf x’ħin kien sar? Ajma ħej! Kemm se tgħajjat magħha ommha!
null
Paġna 10
U ma marritx żmerċ! Kif waslet id-dar ommha tgħidx xi frattarija għamlet. Sika ħallietha tiżvoga, imbagħad qaltilha x’kien ġralha.
null
Paġna 11
Minn ħafna għajjat u storbju, malli semgħet li weġġgħet, ommha bdiet tara xi ġralha. Ħaditha tiġri fuq is-sufan u bdiet iddur biha. Ma kinitx logħba noli!
null
Paġna 12
Tmiem