(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Praspar ta' Kalċidon 3: Kalċ Jieħu Ħsieb il-Borma

Kalċidon kien joqgħod ma’ oħtu fid-dar tal-ġenituri tiegħu. Ommu u missieru kienu ilhom li ħallew din id-dinja, Alla jaħfrilhom, u oħtu, għalkemm rasha fuq għonqha ħafna aktar minnu, kienet iddeċidiet li tagħmel bħalu u ma tiżżewwiġx, u allura baqgħet xebba. Għal Kalċ oħtu kienet il-mimmi t’għajnejh u allaħares kien jisma’ lil xi ħadd jgħid xi ħaġa kontriha għax kien jikser għonqu miegħu. Madankollu xorta kien jinkwetaha xi ftit bil-praspar li kien jagħmel, u xi drabi din bkiet ukoll.
null
Paġna 1
Għodwa waħda Kalċidon ma kienx qed iħossu f’sikktu u, bil-bard li kien qed iħoss, oħtu ssuspettat li anke kellu xi ħajta deni. Hu xorta ried joħroġ ’il barra biex jiltaqa’ ma’ sieħbu Żeppi biex joqogħdu jgħidu kelma bejniethom. Iżda oħtu beżżgħetu billi qaltlu li jekk jitperreċ fl-arja ta’ barra kien żgur jieħu xi ċmajra, iżjed u iżjed dik il-ħabta li kien hemm il-passa tal-influwenza. Kull min tisma’ kien inħakem minnha u kien hemm min biha tgħakkes iżżejjed. Kalċ qatagħha li jisma’ minnha u għalhekk baqa’ ġewwa għas-sħana tal-friex. Meta daqqu l-għaxra ta’ filgħodu, oħtu xegħlet il-borma fuq in-nar biex issajjar ftit minestra. Qattgħet basla u żewġ patatiet, nofs ġidra u felli qargħa ħamra u tefgħet kollox f’borma ilma u ħalliet kollox isir bil-mod.
null
Paġna 2
Ġara li dik il-għodwa oħt Kalċ kellha bżonn toħroġ u allura għajtet lil ħuha u qaltlu, “Kalċ, ismagħni x’se ngħidlek. Jien se noħroġ ftit għax irrid immur nagħmel qadja, iżda mhux suppost indum ħafna. Għadni kif poġġejt il-borma fuq in-nar ħa nagħmel ftit minestra għall-ikla ta’ nofsinhar. Għalhekk ħu paċenzja u ħu ftit ħsiebha int. Meta tagħli itfa’ l-għaġin. Itfa’ żibeġ. Il-pakkett qiegħed fl-ewwel kexxun tal-bank tal-kċina. Tinsiex…”
U oħtu ħarġet bit-tama li ma ddumx biex tmur lura d-dar u ddur ftit b’ħuha, li kif għedna dakinhar kien marid. Hi kienet taf li ħuha kien jiddejjaq ħafna meta jsib ruħu waħdu. Dejjem ikun irid il-kumpanija ta’ xi ħadd.
null
Paġna 3
Kalċ ma nesiex jagħmel dak li qaltlu oħtu. Kull tant ħin kien iqum minn soddtu, jasal bil-lajma sal-kċina u jara jekk il-borma bdietx tagħli. Sa fl-aħħar l-ilma fil-borma beda jagħli, u Kalċ, bejn għax beda jħoss dik it-tkexkixa bard u bejn għax moħħu ma tantx kien jerfa’ wisq, fetaħ il-kexxun tal-bank bil-għaġla, qabad ponn mill-ewwel pakkett li sab u bla ma ta kas battlu fil-borma, u ħaffef lura lejn kamartu ħa jerġa’ jidħol taħt il-friex.
null
Paġna 4
Meta daqq nofsinhar oħtu reġgħet lura d-dar, u wara li staqsiet lil Kalċ jekk kienx għamel kif kienet qaltlu u dan żguraha li kien tefa’ ż-żibeġ fil-borma, marret minnufih fil-kċina ħalli tfittex taqleb platt sħun għaliha u ieħor għal ħuha. Iżda meta din bdiet ittella’ l-minestra bil-kuċċarun u tferra’ fil-platti, ma setgħet tilmaħ l-ebda għaġina. Dawn x’affarijiet huma? Fejn kienu ż-żibeġ li qal li kien tefa’? Tgħid ħuha kien paspar xi waħda minn tas-soltu? Kompliet tifli l-minestra ħa tara x’kien ġara, u fid-daqqa u l-ħin bdiet tilmaħ kull darba xi nofs tużżana żibeġ. Mhux żibeġ tal-għaġin, imma żibeġ minn dawk li jilagħbu bihom it-tfal, l-iżjed il-bniet. Żibeġ ta’ kull lewn: ħodor, koħol, sofor, bojod u xi tnejn ħomor ukoll.
null
Paġna 5
“Kalċ… Kalċ…” infexxet twerżaq dik l-imsejkna mara qisha miġnuna. “Hawn x’għamilt? Dan mhux ċajt! Dan mhux iż-żibeġ li għedtlek titfa’ fil-borma!”
“X’ġaralek?” staqsa Kalċ lil oħtu meta lanqas kien għadu ntebaħ bl-iżball li għamel. “Għalfejn dan l-għajjat kollu? Lanqas ħaqq min jisimgħek tgħajjat.”
“Trid tagħmilha tal-ħmar ukoll? Ersaq ’l hawn ħa tara x’żibeġ se nieklu llum. Ħu f’idek l-imgħarfa u ibda kul, forsi tinduna x’għamilt.”
null
Paġna 6
F’dan il-ħin Kalċ fehem x’waħda kien għamel, u filwaqt li beda jrodd is-slaleb, beda jidħak kemm jiflaħ. Lil oħtu fissrilha sewwa x’kien ġara u qalilha li ma kien għamel l-ebda ċajta imma kien għamel żball minħabba nuqqas ta’ ħsieb u għaġla żejda. Iżda oħtu baqgħet tirrabja.
“U inti ma tafx li dak li tfajt fil-borma mhux għaġin?” qaltlu b’rabja. “Dak li waddabt hu ż-żibeġ tat-tifla ta’ Rose ta’ ħdejna, li tathuli lbieraħ biex indommhulha f’ġiżirana. U jien poġġejt dan iż-żibeġ f’borża u qegħidtu fl-ewwel kexxun li sibt. Fejn bsart li int kont se tixħtu fil-borma tal-minestra?”
“Emminni, oħt, ma kellix f’moħħi li nagħmel xi praspura llum għax lanqas kieku rrid m’għandi aptit iċ-ċajt. Issa jekk trid taħfirli, aħfirli… xi tridni ngħidlek?”
null
Paġna 7
U oħtu meta għaddielha nesiet kollox, imma mhux qabel ma ġagħlet lil Kalċ jiġbor iż-żibeġ kollu mill-borma, jaħslu u jdommu f’ġiżirana għat-tifla ta’ Rose ta’ ħdejhom. Dakinhar Kalċ kellu jbaxxi rasu għax ma setax iġib l-iskuża li kien mgħaġġel biex joħroġ u jmur jiltaqa’ ma’ Żeppi.
null
Paġna 8
Tmiem