(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Pejxu taż-Żarbun

Darba waħda kien hemm taħħan li kellu tliet subien. Wara li miet huwa ħalla l-mitħna lit-tifel il-kbir, il-ħmar lill-fustani, filwaqt li t-tifel iż-żgħir ħallielu l-qattus tiegħu. It-tifel il-kbir u l-fustani ddeċidew li jibqgħu jgħixu flimkien. It-tifel iż-żgħir kien imdejjaq billi kellu biss il-qattus. Huwa ma kienx jaf kif il-qattus seta’ jgħinu biex jaqla’ x’jiekol.
null
Paġna 1
Waqt li t-tifel iż-żgħir kien aljenat jaħseb, Pejxu l-qattus qabeż fuq il-mejda u qallu, “Toqgħodx tinkwieta, għażiż sidi. Kulma għandek tagħmel huwa li tagħtini żarbun u basket.”
null
Paġna 2
It-tifel iż-żgħir ħa gost ħafna jisma’ lill-qattus jitkellem. Bil-ftit flus li kellu mar għand l-iskarpan biex jagħmel żarbun lil Pejxu. Imbagħad iddobba basket kif xtaq il-qattus.
null
Paġna 3
Ftit ’il bogħod kien hemm xi għelieqi li fihom kienu jgħixu ħafna fniek selvaġġi. Pejxu prepara ftit weraq tal-ħass u tursin u għamilhom fil-basket. Kien hemm żewġt ifniek li mill-ewwel xammew il-weraq ifuħ. Malli daħlu fil-basket biex jieklu, Pejxu ġibed l-ispag tal-basket u qabadhom.
null
Paġna 4
Pejxu ġera lejn il-kastell fejn kien jgħix is-sultan.
“Maestà, ġibtlek xi fniek mill-għelieqi ta’ sidi, il-Markiż ta’ Karabas. Kien hu li ordnali biex niġi nġibhomlok.”
“Għid lil sidek, li jien naċċetta bil-ferħ dan ir-rigal li bagħatli,” wieġbu bi tbissima s-sultan.
null
Paġna 5
Pejxu kompla jaqbad aktar fniek, u għal xahar sħiħ baqa’ joħodhom lis-sultan. Dan kien jieħu gost ħafna bihom. Jum fost l-oħrajn, Pejxu qal lil sidu, “Jekk tisma’ minn dak li se ngħidlek, ix-xorti se tkun favorik. Mur fejn ix-xmara u nħasel fiha fil-post fejn se nindikalek.”
Iż-żagħżugħ hekk għamel. Waqt li kien fix-xmara, inzerta għaddej is-sultan ġo karrozzella ma’ bintu u xi suldati. Pejxu mar jiġri lejn il-karrozzella u beda jgħajjat, “Ajjut! Ajjut! Is-sid tiegħi, il-Markiż ta’ Karabas, għandu bżonn l-għajnuna.”
null
Paġna 6
Fil-pront, is-sultan ħareġ rasu mill-karrozzella biex jara x’qed jiġri.
“Maestà, hemm sidi fix-xmara u qiegħed fil-periklu li jegħreq.”
Is-sultan ordna lis-suldati biex imorru jsalvaw liż-żagħżugħ. Sadattant, Pejxu mar ħdejn is-sultan u qallu li xi ħallelin kienu serqu l-ħwejjeġ ta’ sidu. Fil-verità kien Pejxu li mar jaħbi l-ħwejjeġ ta’ sidu wara ġebla kbira. Wara li ż-żagħżugħ libbsuh ħwejjeġ lussużi, mill-ewwel ġibed l-attenzjoni tal-prinċipessa. Kif tela’ fuq il-karrozzella, il-prinċipessa mill-ewwel ħadet grazzja miegħu.
null
Paġna 7
Pejxu telaq jiġri sakemm wasal ħdejn xi għelieqi b’ħafna ħaddiema fihom. Huwa ordna lill-ħaddiema biex meta jgħaddi s-sultan jekk jistaqsihom ta’ min huma l-għelieqi, huma jridu jweġbuh li dawn kienu tal-Markiż ta’ Karabas.
null
Paġna 8
Il-ħaddiema beżgħu minn Pejxu u ftiehmu li jobdu l-ordni tiegħu. Wara ftit wasal is-sultan. Malli ra dawk l-għelieqi sbieħ, dar fuq xi ħaddiema u staqsiehom, “Ta’ min huma dawn l-għelieqi li jagħmlu daqstant frott u ħxejjex sbieħ?”
“Dawn huma kollha ta’ sidna, il-Markiż ta’ Karabas.”
“Prosit, kemm għandek għelieqi sbieħ!” qal is-sultan liż-żagħżugħ.
null
Paġna 9
Fil-verità, dawk l-għelieqi kienu ta’ ġgant sinjur u kattiv, li kien jiekol lin-nies. Pejxu mar fil-kastell tal-ġgant. Dan daħħlu ġewwa imma ma kienx se jieklu għax il-ġgant ma kienx jiekol qtates.
null
Paġna 10
“Jiena smajt li inti kapaċi tibdel lilek innifsek fi kwalunkwe kreatura li tixtieq,” qal Pejxu lill-ġgant.
“Iva, hekk hu! Biex żgur temminni se ninbidel fi ljun,” kompla l-ġgant.
F’ħakka t'għajn, il-ġgant inbidel fi ljun kbir. Pejxu twerwer u mar jistaħba taħt il-mejda.
null
Paġna 11
Malli nduna, l-iljun reġa’ sar ġgant. Pejxu ħareġ minn taħt il-mejda u mill-ġdid qal lill-ġgant, “Jiena kont smajt ukoll li inti kapaċi tinbidel anke fl-iżgħar fost l-annimali. Però, din impossibbli għalik.”
“Ma temminx? Mela ħares ’l hawn,” qallu l-ġgant.
U f’ħakka t’għajn il-ġgant inbidel f’ġurdien ċkejken u mar quddiem il-qattus biex jarah sew. Malli ra hekk, il-qattus ħataf il-ġurdien u belgħu f’nifs wieħed.
null
Paġna 12
Wara ftit, is-sultan għadda minn quddiem il-kastell tal-ġgant. Is-sultan xtaq iżur il-palazz, u għalhekk ordna lis-suldati biex jieqfu quddiem il-bieb tiegħu. Malli Pejxu sema’ l-ħoss tal-karozzin joqrob, ħareġ jilqa’ lis-sultan.
“Maestà, merħba fil-kastell ta’ sidi, il-Markiż ta’ Karabas,” qal Pejxu bit-tbissima.
“Veru dan il- kastell huwa kollu tiegħek? Ħallina nidħlu ġewwa biex nammiraw il-ġmiel u l-kobor tiegħu,” kompla s-sultan.
null
Paġna 13
Il-Markiż newwel idu lill-prinċipessa u kif ħarġu mill-karrozzella baqgħu deħlin fil-kastell flimkien mas-sultan.
Dakinhar Pejxu ordna lill-qaddejja biex isir festin kbir! Kien hemm ikel u xorb bl-abbundanza u kulħadd ħa pjaċir, b’mod speċjali s-sultan u l-prinċipessa. Is-sultan ħaseb li bintu kien jixirqilha ġuvni bħalma kien dak iż-żagħżugħ.
null
Paġna 14
Kien għalhekk li s-Sultan stieden liż-żagħżugħ fil-kastell tiegħu. Hemmhekk offrielu li jieħu lill-Prinċipessa b’martu u b’hekk huwa jsir prinċep. Pejxu baqa’ jgħix magħhom fil-kastell u kien jilbes ħwejjeġ fini u mill-isbaħ. Qatt aktar ma kellu għalfejn jaqbad ġrieden jew ifittex x’jiekol.
Fi ftit ġranet saru t-tħejjijiet għat-tieġ. Il-prinċep u l-prinċipessa żżewġu waqt ċerimonja mill-isbaħ u komplew jgħixu kuntenti flimkien.
null
Paġna 15
Tmiem