
Darba waħda kien hemm żewġt aħwa li jisimhom Toninu u Ġakkinu. Toninu u Ġakkinu kienu magħrufin mar-raħal kollu għax kienu ftit fuq ruħhom. Fil-ħin liberu tagħhom ftit li xejn kont tarahom jedhew jaqraw xi ktieb sabiħ, jilagħbu flimkien jew jagħtu daqqa t’id fix-xogħol tad-dar. Spiss kont tarahom barra jduru fit-toroq ta’ Ħal Babu. Moħħhom kien jhewden biss dwar kif se jagħmlu xi praspura ġdida.
Hekk kif kien qed joqrob il-Milied, Ħal Babu beda jieħu xejra differenti. It-toroq kienu mżejna bil-bozoz ħomor, ħodor, ċelesti u lewn id-deheb. It-triq prinċipali li tieħdok lejn il-pjazza tkun imżejna b’forom kbar ta’ anġli kkuluriti u ħafna mid-djar ukoll jidhru isbaħ matul dan iż-żmien tas-sena.








