(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Leġġenda tal-Kastell Żammitellu

Bejn il-knisja parrokkjali tal-Imġarr u n-niżla tal-Bajja tal-Ġnejna hemm kastell żgħir. Dan il-kastell hu magħruf fost in-nies tal-post bħala l-Kastell ta’ Żammitellu. Ħafna snin ilu, f’dan il-kastell kien joqgħod wieħed baruni. Dan kien armel u kellu tifla waħda biss. Il-baruni kien imdaħħal sew fid-dinja tan-negozju. Kien jimporta l-qamħ minn Sqallija u jesporta l-qoton lejn din il-ġżira, tant li bena ġifen għal t’apposta għal dan ix-xogħol. Għalhekk kien ta’ spiss jitla’ Sqallija fejn kien jinnegozja ma’ wieħed Sqalli li kien ukoll nobbli u sinjur bħalu.
Jum wieħed, dan l-Isqalli saqsa lill-baruni fuq il-familja tiegħu u meta sema’ li kellu biss tifla u li din kienet fl-età taż-żwieġ, fetaħ widintu sewwa. Kien jaf sewwa kemm kellu ġid il-baruni. Għalhekk, ftit wara, it-tnejn bdew jiddiskutu dan iż-żwieġ.
null
Paġna 1
Meta l-baruni wasal lura Malta sab lil Luċija, bintu, u qalilha b’kollox. Luċija ma tantx għoġbitha din l-idea. Hi kienet diġà waħħlitha f’rasha li kellha ssir soru. Soru li taħdem fost is-suldati feruti tal-gwerra. Lil missierha qaltlu b’kollox, iżda dan baqa’ jinsisti li hu kien missierha u hu biss kellu d-dritt li jagħżel l-għarus ta’ bintu.
Minkejja l-battibekk bejn il-missier u l-bint, it-tħejjija għat-tieġ bdiet. Luċija, wara t-tieġ, kellha tħalli Malta u tmur toqgħod Sqallija f’waħda mill-aqwa bliet ta’ dik il-gżira. Il-baruni ġab xi ħaddiema biex jagħtu tibjida l-palazz. Hu mar għand il-kappillan biex il-knisja tar-raħal tkun imżejna bid-damask aħmar. Ried ukoll it-tapit aħmar nar mill-bieb tal-knisja sal-artal prinċipali.
null
Paġna 2
L-inkwiet bejn il-bint u l-missier kompla. Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra. Meta qorob sewwa jum it-tieġ, il-baruni mar il-Belt jordna l-aqwa ikel u xorb. Luċija ftit li xejn kellha interess fit-tieġ. Għażlet il-libsa tat-tieġ b’nofs qalb. Bdiet tagħmel kollox fuq qalbha.
Lejlet it-tieġ wasal. Meta dalam Luċija ħarġet fil-ġnien tal-kastell u bdiet timxi fil-passaġġ li kien hemm bejn is-siġar tal-frott. Kien l-aħħar lejl fil-kastell. Kien l-aħħar lejl f’Malta wkoll. Bilkemm damet siegħa timxi, meta f’daqqa waħda xi ħadd qabeż fuqha. It-tnejn waqgħu mal-art. Billi kien id-dlam Luċija ma setgħetx tara min kien. Dan mill-ewwel rabatha u ħadha miegħu viċin il-ħajt li kien jifred il-ġnien minn mat-triq. Hemm sab sellum u tella’ lil Luċija fuqu. Wara, Luċija għebet. Ħadd ma raha aktar.
null
Paġna 3
Kmieni filgħodu waslu tal-ikel u tax-xorb. Ġew ukoll tal-fjuri. Warajhom ġew xi mistednin. Waslu l-membri tal-familji nobbli Maltin. Waslu l-membri tal-kleru tal-Imġarr u tal-kapitlu tal-katidral. Fl-aħħar nett wasal l-għarus flimkien mal-qraba u l-ħbieb tiegħu. Dawn kienu waslu l-jum ta’ qabel iżda billi waslu tard billejl raqdu f’xi kmamar fil-belt.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar il-festa bdiet. Kien jonqos biss l-għarusa. Kulħadd kien qed jistenna li jara lil Luċija f’dik il-libsa tat-tieġ. Iżda aktar ma beda jgħaddi l-ħin aktar kulħadd beda jistaqsi dwar l-għarusa. “Fejn hi Luċija? Fejn hi Luċija?” Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra. L-għarusa kienet għadha ma waslitx.
Il-baruni bagħat għall-qaddejja biex imorru jġibuha. Marru jħabbtu mal-bieb tal-kamra tagħha iżda ma sabuhiex. Il-baruni bagħathom fil-ġnien u anke hawn ma sabuhiex.
null
Paġna 4
Il-ħin kien għadda sewwa. Beda kważi jidlam. L-għarus qata’ qalbu u hu flimkien mal-mistednin tiegħu telqu. Il-baruni kien inkwetat u li kellhom jaqtgħulu rasu lanqas kienet toħroġ qatra waħda demm. Ir-raħlin bdew isaqsu fejn setgħet marret Luċija. Kulħadd ħass għaliha u għall-baruni. Il-misteru kompla jiżdied mal-medda taż-żmien. Għaddew il-ġimgħat, għaddew ix-xhur u għaddew is-snin. Luċija ma dehret imkien.
Jum wieħed instema’ ħoss ta’ qanpiena jidwi matul il-lejl. Kienet l-unika qanpiena tal-knisja parrokkjali tar-raħal. In-nies bdiet tqum u ħafna ħarġu mis-sodda. Ħafna ħarġu wkoll barra fit-toroq u fl-imsieraħ.
null
Paġna 5
Mat-tieni daqqa tal-qanpiena n-nies bdew mexjin lejn il-knisja. Kif waslu sabu l-bieb tal-knisja miftuħ beraħ. Daħlu nkiss inkiss u fuq l-artal maġġur kien hemm dawl qawwi. Kulħadd resaq lejn dan id-dawl bil-biża’. Fid-dawl kien hemm xbieha ta’ soru liebsa ta’ infermiera. Xi raħħala għarfu ’l din is-soru. Ma kienet ħadd ħlief Luċija. Luċija kellmithom. Qaltilhom li hi kienet daħlet soru u kienet taħdem fost is-suldati l-feruti tal-gwerra. Qaltilhom ukoll biex ma jkomplux jaħsbu aktar fuqha għaliex hi kienet qed tgħix dik il-ħajja li dejjem xtaqet. F’daqqa waħda, instema’ ħoss kbir. Id-dija bdiet tonqos bil-mod il-mod sa ma x-xbieha spiċċat fix-xejn.
null
Paġna 6
Tmiem