oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Leġġenda tal-Għarusa tal-Mosta

null
Barra mill-Mosta, fix-xaqliba ta’ Ta’ Qali, insibu bini mdawwar b’ħajt kbir u għoli. Dan hu t-Torri Cumbo. Ma’ dan il-bini hemm marbuta leġġenda ta’ tfajla li nħatfet f’jum it-tieġ tagħha u ttieħdet fil-jasar. Il-Mosta kienet f’festa kbira. Waħda mit-tfajliet tal-familja nobbli Cumbo kienet se tiżżewweġ. Filgħodu l-għarusa qamet kmieni biex tlesti għaċ-ċerimonja tat-tieġ. Bil-mod il-mod il-mistednin bdew jaslu quddiem il-bieb tad-dar tagħha biex jistennew il-purċissjoni tal-għarajjes.
Paġna 1
null
Meta l-għarusa ħarġet mid-dar, qabżu ċorma furbani u qabdu l-għarusa u xi mistednin. Il-furbani kaxkru lil dawn ’il barra mill-Mosta, lejn il-bajja fejn kien hemm il-ġifen jistenniehom. Meta waslu fuq il-ġifen, firdu lill-għarusa mill-bqija tal-mistednin. Hawn l-għarusa sabet ruħha weħidha. Fis-skiet tal-kamra bdiet tibki xortiha. Il-jum tant għażiż għaliha kien spiċċa f’jum traġiku. Wara ftit tal-ħin, il-ġifen beda jbaħħar. Qadfa wara l-oħra, il-ġifen beda jħalli lil Malta u jersaq lejn l-Afrika ta’ Fuq.
Paġna 2
null
Wara ftit jiem il-ġifen wasal fil-port fejn kellu jasal. Għall-ewwel niżlu l-mistednin. Waqt li kienu niżlin, l-għarusa semgħathom jibku u jgħajtu. Hekk kif bdew jifirduhom, l-ommijiet bdew jibku lil uliedhom u lil żwieġhom. It-tfal bdew jgħajtu għal ommhom. Kien hemm biża’ u dwejjaq kbar. L-aħħar li niżlet kienet l-għarusa. Sid il-ġifen mar fuq l-għarusa u ħadha miegħu. Huwa mar mill-ewwel il-palazz tal-paxà.
Paġna 3
null
L-għarusa ġiet imdawra mis-suldati tal-paxà u s-sid tal-ġifen baqa’ dieħel fis-sala ewlenija tal-palazz. Sakemm dam fis-sala, moħħ l-għarusa beda jaħseb fuq mitt ħaġa. Fejn kienet se tispiċċa? Tgħid kienet se ssir ilsira ta’ dan il-paxà? Tgħid kienet se tispiċċa fil-ħarem tiegħu? F’daqqa waħda nfetaħ il-bieb tas-sala. Is-suldati qabdu lill-għarusa bil-goff u ħaduha quddiem il-paxà. Meta l-paxà ra dak il-wiċċ sabiħ ta’ din it-tfajla Mostija, bil-kliem ħelu qalilha li kienet se tmur taqdi ’l bintu.
Paġna 4
null
Iż-żmien beda jtir. L-għarusa kienet tibki kuljum. Bint il-paxà kienet tmur tajjeb mal-għarusa. Il-paxà beda joffrilha kull ħaġa prezzjuża bħal ġawhar, djamanti, deheb u fidda. Iżda kollox kien għalxejn. L-għarusa kellha xewqa waħda biss; li tmur lura Malta u tiżżewweġ lill-maħbub tagħha. Jum wieħed hi semgħet li l-paxà ried seba’ mitt skud biex jeħlisha. Sabet Malti, tiela’ u nieżel Malta. Talbitu pjaċir. Qaltlu biex jgħid lil ommha li l-prezz biex tinħeles kien ta’ seba’ mitt skud.
Paġna 5
null
Hekk kif niżel Malta, dan sab lil ommha u din qaltlu li aħjar seba’ mitt skud fis-senduq milli teħles lil bintha. Meta mar lura sab lill-għarusa u qalilha b’kollox. L-għarusa bkiet xortiha. Minnufih qaltlu biex iwassal l-istess messaġġ liz-zija tagħha Kozzi. Hekk għamel, iżda meta dan reġa’ lura fejn l-għarusa qalilha li z-zija kienet taħsibha bħal ommha. L-għarusa bkiet bikja oħra. Talbitu jsib l-għarus sabiex jgħarrfu bil-prezz.
Paġna 6
null
Hekk kif l-għarus sema’ dan, mill-ewwel beda jaħseb biex ibigħ xi affarijiet. Saħansitra kien lest li jbigħ l-għalqa, l-aktar ħaġa prezzjuża li kellu. Wara li kiseb is-somma meħtieġa, rikeb fuq ġifen u baħħar lejn l-Afrika ta’ Fuq. Meta l-għarusa saret taf li l-għarus kien qiegħed hemm talbet lil bint il-paxà biex tgħinha. Din hekk għamlet. Fetħet il-bieb tal-palazz u daħħlet lill-għarus. L-għarajjes tgħidx kemm ferħu u tgħannqu meta raw lil xulxin. It-tifla tal-paxà rranġatilha biex it-tnejn ibaħħru lura Malta fuq l-ewwel ġifen li kien hemm.
Paġna 7
null
Meta waslu Malta marru l-Mosta u kull min kien hemm feraħ bihom. Ftit jiem wara l-għarusa mardet u wara ftit mietet. Dak il-jum tal-funeral, il-Mosta kienet mimlija daqs bajda bin-nies jibkuha. Kulħadd ried jara lill-għarusa għaddejja fit-tebut mit-toroq tal-Mosta. L-għarus baqa’ ma żżewwiġx. Baqa’ jgħożż il-jiem li qatta’ mal-maħbuba tiegħu. Ma ddispjaċiehx li kien biegħ l-għalqa għax b’hekk seta’ jara lill-għarusa tiegħu għal ftit jiem qabel ħalliet dan il-wied tad-dmugħ.
Paġna 8

Glossarju

paxà
titlu ta’ uffiċjal għoli fl-imperu Ottoman
skud
munita antika li kienet tintuża fi żmien il-Kavallieri
ħarem
spazju fid-dar riservat għan-nisa Musulmani
Paġna 9
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations