oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Lapes ta' Jessica

null
Jessica kienet tifla brava, imma kienet kwieta wisq. Minħabba f’hekk kien hemm xi wħud minn sħabha li kienu dejjem jinbxuha. Ma kinux iriduha bħala ħabiba tagħhom u qatt ma ħallewha tilgħab magħhom. Dan l-aħħar ħaduha drawwa li jaljenawha u jisirqulha l-lapes minn fuq il-mejda. Hi kienet tgħid lill-għalliema li l-lapes ma sabitux, imma ma kinitx tkun taf min seraqhulha u ma kienet twaħħal f’ħadd.
“Mela forsi nsejtu d-dar, Jessica,” kienet tikkonkludi l-għalliema.
Paġna 1
null
Imma ebda lapes mitluf ma nstab id-dar. Għalhekk ommha kienet tixtrilha ieħor ġdid u titlobha tibża’ għalih. Iżda meta jaraw il-lapes ġdid dawk it-tfal kattivi kienu iktar jitħajru jisirquhulha. U għamlu hekk xi tliet darbiet wara xulxin.
“Imma issa m’iniex se nixtrilek lapsijiet iżjed,” irrabjat ommha. “Ma jistax ikun li kull lapes li nixtrilek titilfu.”
Jessica sewdet qalbha, imma dik il-lejla kienet għand in-nannu Peppi u qaltlu b’dak li ġralha.
Paġna 2
null
Ix-xwejjaħ qagħad jaħsibha ftit u mbagħad staqsieha, “Tridx nagħtik lapes jien, Jessica?”
Jessica ma qalitx le, u n-nannu fetaħ wieħed mill-kxaxen tal-gradenza u ħareġ minnu kaxxa ċkejkna tal-kartun li xi darba kellha fiha l-pilloli. Jessica bdiet tipprova taqta’ x’kellha x’taqsam dik il-kaxxa ċkejkna mal-lapes li kien ser jagħtiha n-nannu.
Paġna 3
null
Ix-xwejjaħ fetaħha u battalha fuq il-pala t’idu. Minnha ħareġ lapes tassew ċkejken. Kien xi darba lapes ġdid, isfar, bil-gomma wara, imma biż-żmien kien sar loqma żgħira, xi ħames ċentimetri kollox.
“Dan lapes speċjali, Jessica,” qalilha n-nannu. “Lapes maġiku. Tinduna x’jaf jagħmel meta tpinġi bih. U, billi żgħir u qadim, sħabek ma jitħajrux jisirquhulek.”
Paġna 4
null
Jessica rringrazzjat lin-nannu, ħadet il-lapes u telqet lura d-dar. ‘Imma dan se nistħi nieħdu miegħi l-iskola,’ qalet f’qalbha. Iżda, billi ma kellhiex lapes ieħor, poġġiet dan iċ-ċkejken fil-pokit u l-għada marret l-iskola bih. Meta raw dak in-nitfa ta’ lapes it-tfal l-oħra bdew jidħqu biha u jwaqqgħuha għaċ-ċajt.
“Rajtuh il-lapes daqs naqra ta’ Jessica?” bdew jistaqsu biċ-ċajt lil xulxin.
Paġna 5
null
Dakinhar kien imissu jżurhom is-Sur Debono, l-għalliem tat-tpinġija, u talabhom ipinġu xi pet jew fjura. Jessica ftakret fil-warda li n-nannu Peppi kellu fil-ġnien, ħarġet il-lapes ċkejken u bdiet tpinġi l-fjura bih. Imma l-lapes donnu ħa l-ħajja u flok tmexxih Jessica beda jimxi waħdu u jmexxi miegħu id it-tifla. Fi żmien qasir il-fjura kienet lesta.
“Prosit, Jessica!” ferħilha s-Sur Debono. “Tassew ġietek sabiħa. U veru lestejtha malajr!”
Paġna 6
null
Imbagħad talabha tpinġi wkoll xi pet, u Jessica ħasbet fi Brody, il-kelb li kellhom id-dar. Qabdet dak in-nitfa ta’ lapes u bdiet tpinġih. Il-lapes, bħal qabel, ħa r-riedni f’idejh u beda jpinġi waħdu waqt li jmexxi id Jessica miegħu biex tidher li qiegħda tpinġi hi. Din id-darba s-Sur Debono qagħad maġenbha biex jara b’għajnejh il-ħila ta’ din it-tifla. B’għaġeb kbir tiegħu t-tpinġija reġgħet kienet lesta fi żmien qasir u ġiet tassew sabiħa.
Paġna 7
null
Is-Sur Debono tant ħa gost bit-tpinġijiet ta’ Jessica li ħadha miegħu għand il-kap tal-iskola biex turihomlu. Lill-kap tal-iskola wkoll għoġbuh ħafna u talab lil Leli l-purtinar jagħmlilhom gwarniċ u jdendilhomlu fl-uffiċċju. U minn dakinhar dawk it-tfal imqarbin bdew jittrattaw lil Jessica tajjeb u jistmawha bħala l-iktar tifla li taf tpinġi fl-iskola kollha.
Paġna 8
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations