
Kulħadd b’xortih f’din id-dinja! Sħabi tas-sink tal-kċina jgħiduli, “Xi trid aktar milli tkun kikkra fl-uffiċċju tal-Madam?”
Mur għidilhom ma’ xiex ikolli nħabbat wiċċi filgħodu! L-ewwel jitfgħuli l-misħun jagħli, imbagħad iġġorrni dik il-purtinara nofs ras u żewġ widnejn. Imma l-kbira tiġi meta nara dawk il-par xufftejn resqin bil-mod il-mod lejn wiċċi. Nistħajjilhom qishom mollusk aħmar; jitwaħħal miegħi u jerġa’ jitlaq. U biex tagħqad, iħalluli l-forma stampata bl-aħmar idellek biex żgur ma ninsiex malajr minn liema passjoni kelli ngħaddi!





