(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Il-Ħuttafa l-Bajda
Malli s-sema jibda jdallam u jimtela bis-sħab, il-ħuttaf ta’ Wied Gelgul joħroġ iwissi lill-ħlejjaq l-oħra biex jinġabru fi djarhom.
Paġna 1
Erħilhom iduru tond fis-sema u jpespsu l-avviż mal-erbat irjieħ. Kollha jittajru minbarra l-ħuttafa l-bajda.
Paġna 2
Sħabha ma kinux iriduha ttir ħdejhom. Kienu ta’ spiss iħalluha l-art. Ħadd ma qalilha kif ittir u ddur tond fis-sema.
Paġna 3
Il-ħuttafa l-bajda kienet issewwed qalbha wisq. Kienet tkun tixtieq tittajjar u żżur lill-ħlejjaq ta’ Wied Gelgul. B’hekk twissihom biex jidħlu jistkennu mill-maltemp.
Paġna 4
Darba waħda beda ġej is-sħab il-griż.
Qamu l-irwiefen u s-siġar bdew jitbandlu. Il-ħuttaf tar geġwiġija. Beda jpespes biex juri li kien ġej il-maltemp.
Paġna 5
Il-ħuttafa l-bajda sfat waħedha. Ħarset lejn is-sema. Kemm xtaqet ittir hemm fuq! U minn hemm fuq tpespes lill-ħlejjaq ta’ Wied Gelgul biex jinġabru u jistkennu mix-xita.
Paġna 6
F’daqqa waħda tisma’ tpespisa rqiqa. Rat kobba safra riesqa lejha. Kien fellus ċkejken mitluf.
Paġna 7
“Ġejja x-xita! Se tixxarrab,” qalet il-ħuttafa lill-fellus. “Itla’ fuq dahri, ħa mmorru d-dar.”
Paġna 8
Malli l-fellus raha tiftaħ il-ġwienaħ, dlonk qabeż fuqhom. Il-ħuttafa taret bih lejn ir-razzett tat-tiġieġ fil-qrib.
It-tiġieġa kienet qed tiġri wara l-flieles u kif rat lill-fellus ċkejken ġriet lejhom.
Paġna 9
Il-ħuttafa l-bajda niżżlitu minn fuqha u ħallietu jmur. Stenniet lit-tiġieġ u lill-flieles jidħlu ġewwa. Żgur li t-tjur kienu se jsiru kollha flieles bil-maltemp li kien ġej.
Paġna 10
Is-sema beda jiswied u nħassu l-ewwel taqtiriet tax-xita. Il-ħuttafa riedet tfittex tistkenn xi mkien imma ma kinitx ħafifa biex ittir.
Paġna 11
F’daqqa waħda ħasset lil xi ħadd itir lejha fil-baxx. Kienet tiġieġa ħoxna li fetħet il-ġwienaħ biex tostor lill-ħuttafa l-bajda mix-xita. Ma damitx ma ħaditha ġewwa ħdejn it-tjur l-oħra.
Paġna 12
Il-ħuttafa l-bajda sabet il-ħbieb fir-razzett. Kull meta jiddallam is-sema u jimtela bis-sħab, kienet tkun dejjem attenta li ma jaħarbux flieles u jixxarrbu bix-xita.