Kamillu kien raġel twajjeb, kwiet, jitkellem ftit u mgerrex ħafna. Kulħadd kien isejjaħlu Millu, għall-qosor, u kulħadd kien jaf kemm dan seħibna Millu kien jieħu qatgħa mix-xejn. Jibża’ minn dellu. Mhux darba jew tnejn li xi erbgħa minn sħabu għamlulu xi ċajta goffa u ħalli għal Millu jagħmel dawk il-jumejn b’żaqqu tuġgħu, jixrob it-te bil-kamumilla biex iqiegħed l-istonku f’postu u sħabu jiddieħqu bih.
















