Meta tlissen ismi tqabbadni l-bard. Min jaf kemm ilek tqalleb u tfittex ismijiet ta’ qtates biex imbagħad toħroġ b’isem redikolu bħal dan, Fessudinu.
Ma tlabtx jien biex niġi hawn ħalli toqgħod tfissed fija u togħrokli mustaċċija ma’ wiċċek bla pil. Meta rrid nitfissed niġi jien u mhux bil-kontra. Aħjar tmur tfissed lil dik il-kelba mferfxa tferfer denbha għal kull min jidħol hawn ġew. Hekk kif tersaq lejja biex ixxammem, jien għat-taparsi norqod ħalli ma ddumx ma titlaq ’l hemm. Ma tarax li se nitħallat ma’ dik, tnitten kull fejn tkun bir-riħa ta’ klieb.
Ma rridx niġri aktar wara dik il-kobba suf li meta jfettillek tixħitli mal-art. Jien wara oġġetti ħajjin inħobb niġri. Mhux tort tiegħi li n-natura żejnitni b’dan id-don. Tippretendi li noqgħod fl-art u int fuq il-pultruna? Jien ma noqgħodx fl-art imma jekk trid tista’ tpoġġi int fl-art. Naħseb li ssibha friska bħal daż-żmien tas-sena.

