“Federica! Qomt?” instema’ leħen il-mamà jidwi tiela’ minn isfel. “Sar il-ħin. Qum!”
Għajnejja ma flaħtx niftaħhom. Uuu! X’inhu llum? X’ħin hu? Moħħi bħal għajnejja kien magħluq. Xejn. Vojt.
“Federica!”
Ismi ħasadni f’salt! Illum is-Sibt. Is-Sibt? F’daqqa waħda tirt mis-sodda. Ġirja għall-kamra tal-banju fejn baħbaħt wiċċi bl-ilma kiesaħ biex niġi f’tiegħi. Aħħ, hekk aħjar! Waqt li xxuttajt wiċċi fix-xugaman artab tani ferħ ta’ ġenn! X’ħin sar?











