oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Ġrajjiet ta’ Marco u Matteo 2: Fniek taċ-Ċikkulata

null
Ix-xita ma waqfitx. Kienet ilha nieżla minn xħin sebaħ. L-ewwel beda jinġema’ sħab griż li għaqad u swied, imbagħad bdiet tqattar ix-xita. Għall-ewwel ftit taqtir, imbagħad traxxix sakemm qabdet ġmielha. Marco u Matteo kienu qegħdin iħarsu ’l barra mit-tieqa tal-kamra tagħhom, jaraw iċ-ċaflis mal-art u l-karozzi għaddejjin mill-għadajjar u jaħslu lil min jinzerta miexi fuq il-bankina! Kollox għasra. Kollox imxarrab. Nies jiġru bl-umbrelel jippruvaw jiffrankaw xi tixriba.
“Uff, dix-xita! X’ser nagħmlu llum, Marco?” beda jgerger Matteo waqt li b’sebgħu beda jħażżeż fuq it-tieqa, li bdiet tittappan b’qisu fwar li fforma minħabba l-kesħa.
“Ma nafx, ta!” kompla ħuh Marco. “Tridx ninżlu fejn il-mamà ħalli naraw nistgħux inċemplu lil xi ħbieb tagħna biex jiġu jilagħbu magħna? Forsi lil David, jew Sabrina?”
Dawn kienu fl-istess klassi tat-tewmin u kienu joqogħdu fl-istess raħal ukoll.
“Iva, ta, idea tajba! Ejja ninżlu ħalli nsaqsuha.”
Paġna 1
null
U ma’ dal-kliem taru ’l isfel u daħlu fil-kċina. “Ma, ma, nistgħu nċemplu lil Sabrina biex naraw jekk tridx tiġi tilgħab magħna hawnhekk?”
Ommhom kienet fil-kċina, idejha kollha dqiq, tiftaħ l-għaġina. Daret u qaltilhom, “Ħeqq, tistgħu tippruvaw, imma ma nafx jekk ommha tħallihiex tiġi llum f’dix-xita kollha. Morru ċemplu u tistgħu wkoll iċċemplu lil xi ħadd ieħor, ħalli tkunu erbgħa u ma tiddejqux.”
Matteo ġera lejn l-intrata, fetaħ il-kexxun tal-gradenza fejn kellhom il-ktieb tal-indirizzi u n-numri tat-telefowns, u beda jfittex in-numri ta’ Sabrina u David. Għafas in-numri u staqsa jekk jistgħux jiġu ħbiebhom jilagħbu magħhom. Il-papà ta’ David qallu li ibnu kien mar jixtri m’ ommu, waqt li meta ċempel lil Sabrina, il-mamà tagħha aċċettat u qaltlu li kienet ser twassalha dalwaqt.
“Owkej, ta, ma!” għajjat Matteo hekk kif poġġa t-telefown f’postu. “Ġejja Sabrina,” qalilha, u reġa’ mar fil-kċina ħdejn il-mamà u Marco.
“Tajjeb, tfal. Mela aħjar titilgħu tiżbarazzaw il-kamra tagħkom u qisu li tħalluha nadifa!”
Minn hawn u minn hemm refgħu ftit mill-ħwejjeġ u l-kotba żejda li kellhom jiġru, meta fil-pront ċemplet il-qanpiena tal-bieb. Drinn!
Paġna 2
null
“Waslet Sabrina!” qabeż ferħan Matteo waqt li niżel jiġri jiftaħ il-bieb. “Ara Sabrina! Haw’, David, mela rnexxielek tasal int ukoll? Xi pjaċir! Idħlu, idħlu!”
Baqgħu deħlin fil-kċina. Il-mamà issa kienet qed tħawwar u tħawwad il-borma. Kien hemm riħa tfuħ li taqsamlek qalbek.
“Ara! Bonġu, Sabrina! Ħelow, David! Ġejtu tilagħbu ftit ma’ Marco u Matteo?”
Sabrina kienet tifla gustuża, irqiqa, b’żewġ malji sofor u par għajnejn ċelesti. David kien daqsxejn twil, b’xagħru iswed u bi frenza li kienet qed tgħattilu nofs wiċċu.
“Iva, ġejna ftit,” qalu kemxejn mistħijin.
“Ara, ġietni idea,” qalet il-mamà. “Għax ma taħslux idejkom u tilbsu fardal żgħir ħalli tgħinuni nagħmel it-torti? Hekk jew b’hekk qisu reġa’ dalam minħabba dat-temp ikrah li għandna llum.”
“Iva, ta, ma niddejjaqx!” irrispondietha minn taħt l-ilsien Sabrina.
Paġna 3
null
Sakemm l-erbat itfal ġrew sal-kamra tal-banju, ħaslu jdejhom sew u marru lura fil-kċina, il-mamà kienet laħqet żbarazzat il-mejda. Fetħet kexxun mill-armarju u ħarġet erba’ fradal.
“Ħa,” qaltilhom hekk kif ġew lura, “ilbsu wieħed kull wieħed, ħalli ma titħammġux.” U bdiet tnewlilhom il-fradal. “Ara, ersqu mal-mejda. Ħa nagħtikom biċċa għaġina kull wieħed. Għandkom ukoll lembuba. Din biċċa għodda tal-kċina li tintuża biex inkunu nistgħu niftħu l-għaġina, għalhekk għandha forma ta’ romblu. Ħa nurikom kif.” U fl-istess ħin qabdet biċċa għaġina daqs ballun żgħir u poġġietha fuq il-mejda fejn kien hemm ftit dqiq mifrux diġà. Xeħtitilha naqra dqiq ieħor fuqha, qabdet il-lembuba u bdiet tgħaddiha minn fuq l-għagina. Din bdiet tinfirex fuq il-mejda u minn ballun ġiet qisha platt ċatt. “Wara li tiftħu l-għaġina kif urejtkom, tistgħu tagħmlu li tridu biha, bħal forom tal-annimali li mbagħad isiru gallettini rqaq. Jew tistgħu tagħmlu torta żgħira tal-ġamm għal mat-te. Ser inħallilkom kollox fuq il-mejda. Ejja ħa naraw min hu l-aħjar dulċier minnkom!”
Paġna 4
null
It-tfal bdew jieħdu gost jgħaffġu fid-dqiq. Marco u David iddeċidew li jiftħu l-għaġina u jagħmlu forom tal-annimali. Imbagħad dellku l-pjanċa tal-ħadid b’naqra butir u poġġew il-forom lesti fil-pjanċa. Wara li Sabrina u Matteo fetħu l-għaġina poġġewha ġo dixx tond u mlewha b’kisja ġamm tal-frawli. Reġgħu fetħu biċċa għaġina oħra, li kienet ftit akbar mit-turtiera, u din użawha biex jagħlqu t-torta tal-ġamm. Il-mamà wriethom kif b’furketta jridu jtaqqbu l-wiċċ tat-torta, ħalli toħroġ l-arja sħuna. Kif rat li lestew it-tnejn, il-mamà daħħlet il-pjanċa u t-turtiera fil-forn.
“Issa kulħadd irid jagħti daqqa t’id ħalli nnaddfu l-kċina,” qaltilhom il-mamà, “u wara nneħħu l-fradal u naħslu jdejna sew. U ma rridux ninsewhom fil-forn!”
Paġna 5
null
“Aħħ, x’riħa tfuħ hawn!” instema’ leħen il-papà mill-intrata.
“Il-papà!” għajtu Marco u Matteo.
“Kemm qed inxomm riħa tfuħ. Kif qattajtu l-ġurnata, tfal?” qalilhom il-papà hekk kif daħal huwa wkoll fil-kċina.
Il-mamà xegħlet il-kitla ħalli tagħmillu kikkra te. “Pawl, dawn tgħidx kemm għenuni,” qabżet il-mamà.
“Aħna għamilna papri, nagħaġ u fniek,” qalu Marco u David.
“Ta’ vera?” staqsiehom il-papà biex jiċċajta.
“Le, le,” waqt li kollha bdew jidħqu, “gallettini. Issa kif isiru niksuhom biċ-ċikkulata.”
“U intom, Matteo u Sabrina, x’għamiltu?” dar fuqhom il-papà.
“Aħna għamilna torta tal-ġamm,” weġbuh.
“Proset ħej, kemm tafu ssajru! U l-mamà x’sajret tajjeb, e?” staqsieha bid-daħqa.
“Jiena torta tal-laħam għamilt, Pawl,” qaltlu l-mamà. Imbagħad daret fuq it-tfal u qaltilhom, “Tafu li x-xita waqfet? Qisu qed jiftaħ it-temp. Ara ħierġa x-xemx. Jekk tridu oħorġu ilagħbu ftit fil-ġnien hekk kif waqfet ix-xita.”
Paġna 6
null
It-tfal hekk għamlu. Taru qishom erba’ għasafar lejn il-bieb tal-ġnien u ġrew lejn il-bandla li kien hemm f’nofsu.
“Sonya,” qalilha l-papà, “tgħid nieklu aħna? Għax qabadni ġuħ kbir b’dir-riħa ta’ torti u gallettini.”
U waqt li l-mamà u l-papà qagħdu jieklu bil-kwiet, it-tfal qagħdu jilagħbu ma’ Bebbuxinu l-qattus, jitbandlu u jħarsu lejn il-fjuri u pjanti li kellu miżrugħin il-papà.
“Aħħ, kemm tinxtamm tfuħ il-ħamrija wara x-xita!” qalilhom David.
“Kollox jidher nadif hux!” kompliet Sabrina.
“Mjaw, mjaw,” bħal donnu qabel magħhom Bebbuxinu.
Paġna 7
null
Ħin minnhom David lemaħ il-gaġġa tal-fniek li kellu l-papà f’tarf il-ġnien. “Ara, mela għandkom il-fniek?” qal waqt li ġera lejn il-gaġġa.
Marco mar warajh u qallu, “Ara, David, dak il-fenek il-griż jismu Poppy u l-abjad jismu Floppy. Kemm huma ħelwin, hux? Trid iżżomm ftit lil Floppy?”
David ma qalx le, għax qatt ma kien żamm fenek f’idejh! Marco fetaħ il-bieba tal-gaġġa u daħħal idejh it-tnejn biex jaqbad il-fenek l-abjad. Refgħu u ħarġu minn ġol-gaġġa. “Ħa, żommu ftit,” qal lil David filwaqt li newwillu l-fenek. David beda jmelles il-fenek li kellu f’idejh u jkellmu bil-mod, “Ħelow, Floppy.”
Paġna 8
null
Marco dar biex jagħlaq il-bieba tal-gaġġa imma… Fejn hu Poppy? “David!” werżaq Marco. “Fejn telaq Poppy?”
“Maa!” għajtu t-tnejn f’daqqa, waqt li bil-fixla David fetaħ idejh u l-fenek l-abjad qabeż għal fl-art u telaq jiġri u joqmos kemm jiflaħ fil-ħamrija mxarrba.
“Issa sew!” qabeż Marco. “Fejn marru? Hemm ara, dik in-naħa hemm Poppy, u wara dik il-pjanta hemm Floppy. Int mur għall-abjad u jien immur għall-griż.”
Iż-żewġt itfal telqu jiġru jċafalsu ġol-ħamrija. Marco mill-ewwel qabad lil Poppy kieku, imma… Bumm! Żelaq u waqa’ għal tulu, b’wiċċu ġol-ħamrija! David beda jimxi bil-mod biex jipprova jaqbad il-fenek l-abjad. Insomma, abjad xejn għax kważi kannella sar bil-qbiż li qabeż fil-ħamrija.
Paġna 9
null
“Hemm x’inhu jiġri?” werżqet il-mamà waqt li tfaċċat fil-bieb tal-ġnien. “Ara naqra kif sirtu għasra! U povri fniek kif ġew kannella!”
Marco, li kien mimli tajn minn rasu sa saqajh, qam bil-mod, prova jneħħi l-ħamrija minn ma’ wiċċu u kompla ġie qisu Indjan tar-rixa. Refa’ l-fenek bil-mod u telaq jgħaffeġ u jċaflas sakemm wasal ħdejn il-gaġġa u daħħlu fiha. David għamel l-istess, reġa’ fetaħ il-bieba u daqsxejn imriegħed poġġa l-fenek fil-gaġġa u għalaqha malajr.
“Ejjew ħa tinħaslu ara!” bdiet tinkorla l-mamà. “Issa x’ser ngħidulha lill-mama tiegħek, David? Ara kif sirt!”
Marco u David telgħu fuq biex ineħħu ħwejjiġhom u jinħaslu minn dak it-tajn, waqt li l-mamà, mistħija, kellha ċċempel lil omm David u tirrakkontalha li, ħeqq, tfal huma, u tiskuża ruħha kif setgħet.
“Ħadu gost però, tafx!” instemgħet tgħidilha. “Ħlief li fl-aħħar naqra pruvaw jiksu l-fniek ta’ veru biċ-ċikkulata... Għax hekk donnhom ġew biċ-ċaflis tal-ħamrija!”
Paġna 10
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations