oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Ġrajjiet ta’ Marco u Matteo 1: Il-Kejk tal-Ġara

null
Marco u Matteo huma aħwa tewmin li kienu għadhom kif għalqu tmien snin. Kellhom xagħarhom ċar u mġiegħed, għajnejhom kannella u bi ftit nemex fuq wiċċhom. Tistħajjilhom żewġ anġli, mentri aktar kienu qishom żewġ xifajki żgħar bil-praspar li kienu jagħmlu. Kienu joqogħdu f’dar ħelwa mal-ġenituri tagħhom f’Ħal Lieni.
Paġna 1
null
Għodwa waħda, f’temp sabiħ ta’ Mejju, it-tfal kienu qegħdin fil-ġnien. Marco kellu quddiemu kaxxa kbira tal-kartun. Ħuh Matteo kien qed jaqleb koċċ ħamrija minn pjanta għal oħra.
“Aħħ, x’riħa tfuħ ġejja!” qal Matteo, li kien l-aktar wieħed żaqqieq mit-tewmin. Żaqqu kien iħobbha wisq. “Qed inxomm riħa ta’ kejk,” qal Matteo waqt li għolla mnieħru ’l fuq. “Kejk tal-frott naħseb!”
Paġna 2
null
Marco qajla ċċaqlaq għax ġol-kaxxa kellu hamster, li kien qed jilgħab miegħu b’ballun żgħir, jitfagħhulu minn naħa għall-oħra tal-kaxxa u kien qed jogħxa jara lill-hamster jiġri wara l-ballun.
“Marco, Marco, m’intix ixxomm riħa ta’ kejk int?” staqsieh Matteo.
“Ħmm… iva, ta!” wieġbu Marco bi tbissima daqsiex. “Naħseb Karmena li toqgħod ħdejna din, għax dik dejjem issajjar xi ħaġa tajba.”
Paġna 3
null
Karmena kienet il-ġara tagħhom. Mara ħelwa, imdaħħla fiż-żmien u b’xagħarha griż mgħolli f’toppu. Dejjem bil-fardal għax kienet tħobb issajjar ħafna. Kienet tieħu paċenzja liema bħalha biż-żewġ subien.
“Isma’, ejja mmorru s’għand Karmena forsi ma tafx kif ittina biċċa kejk,” qal Matteo lil ħuh, li min-naħa tiegħu ma kellux għalfejn jaħsibha darbtejn.
Paġna 4
null
Marco u Matteo ħaslu jdejhom u daħlu fil-kċina biex jistaqsu ’l ommhom jekk jistgħux imorru għand Karmena. Bil-permess tagħha bdew ħerġin lejn il-bieb ta’ barra, meta f’daqqa waħda Marco ftakar fil-hamster u ma riedx iħallih waħdu. Ġera lura malajr lejn il-bitħa, qabad il-hamster minn ġol-kaxxa, tefgħu fil-but tax-xorz u telaq b’ħeffa kbira għal wara ħuh.
Paġna 5
null
Matteo tela’ fuq ponot subgħajh, iġġebbed u bl-eżatt laħaq il-qanpiena tal-bieb. Drinn, drinn!
“Issa x’ser ngħidulha lil Karmena?” staqsieh Matteo daqsxejn beżgħan.
“U dik toqgħod tiggustana u tgħidilna biex nidħlu ġewwa! Imbagħad ħalli f’idi,” assigurah Marco.
Paġna 6
null
Fil-pront infetaħ il-bieb. “Ara min hawn, xi nqala’ dalgħodu?” laqgħethom Karmena.
“Ġejna nittawlulek ftit, Karmena,” beda Marco, “għax konna ilna ma narawk.”
“Ħabat sew mela, tfal,” qaltilhom bi tbissima fuq wiċċha, “għax dalgħodu għamilt kejk tal-frott. Għadni kemm ħriġtu mill-forn. Ejja poġġu bilqiegħda ħalli naqtgħalkom biċċa.” Hekk riedu jisimgħu t-tfal.
Paġna 7
null
Poġġew mal-mejda żgħira u tonda li kellha fil-kċina u Karmena ġabet kejk sabiħ, li tgħidx kemm beda jfuħ u tefgħetu fuq il-mejda. Wara ġabet sikkina u żewġ plattini u qatgħetilhom biċċa kull wieħed.
“Isa, duquh ftit u għiduli jekk ġiex tajjeb!” qaltilhom, waqt li Marco u Matteo qabdu l-kejk u bdew jomogħdu u jagħmlu sinjali b’rashom biex juruha li kien tajjeb ħafna. Kif setgħu jitkellmu qalulha b’leħen wieħed, “Prosit, Karmena! Tajjeb ħafna ġie dal-kejk. Grazzi!”
Page 8
null
Sakemm it-tfal komplew jieklu l-kejk, Karmena daret u bdiet taħsel xi tazzi li kellha fis-sink. F’daqqa waħda Marco ħass xi ħaġa tħokk ma’ siequ. Illaħwa! Il-hamster! Kien nesieh. Beda jħoss il-bwiet, qam minn fuq is-siġġu u qal lil ħuh, “Matteo, Matteo, il-hamster... il-hamster mhux hawn!”
“Mhux hawn? Mela ġibtu miegħek?” staqsieh mistagħġeb Matteo.
“Iva, hux, mhux se nħallih waħdu, miskin!”
“Tajjeb ukoll!” qallu minn taħt l-ilsien. “Ejja nfittxuh!” U kif qallu hekk niżlu taħt il-mejda u...
Paġna 9
null
“Hemm x’intom tagħmlu?” instemgħet tgħajjat Karmena.
Bumm! Ajma, bil-qatgħa ħabtu rashom mal-mejda!
Fl-istess waqt semgħu twerżiqa. “Maa, x’biża’! Dak il-ġurdien minn fejn ġie?” għajtet Karmena hi u tgħatti wiċċha b’idha, filwaqt li dak il-povru hamster kien qed jipprova jara lejn liema naħa tal-kċina kien ser imur.
Paġna 10
null
Marco ħareġ jiġri minn taħt il-mejda u b’ħeffa kbira ġabar il-hamster mill-art. “U le, Karmena!” qalilha Marco. “Dan Ħanfinu, il-hamster tiegħi. Xamm ir-riħa tal-kejk u ried jiġi jarak ftit huwa wkoll.”
“Eee, għall-erwieħ, issa fhimt! X’qatgħa tajtuni!” qaltilhom Karmena waqt li ntelqet fuq siġġu. “Iva, ja gustuż, il-hamster ried jiġi għax xamm il-kejk?” waqt li nsiet il-biża’ li kellha ftit qabel u bdiet tidħaq.
Paġna 11
null
“Ejjew issa ħa tmorru lura d-dar għax il-mamà tkun qiegħda tistenniekom,” u bdiet miexja magħhom lejn il-bieb ta’ barra.
Marco, li beda jmelles il-hamster f’idu, dar fuqha u qalilha, “Grazzi, Karmena, tal-kejk u anki Ħanfinu qallek grazzi. U qalli wkoll biex ngħidlek kemm kien tajjeb il-kejk tal-frott!”
Paġna 12
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations