oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Festa tal-Frawli

null
Ma nafx għalfejn bilfors irrid nieħu frotta. Minn mindu kont ċkejken, meta geddumi niftakarni nserrħu eżatt fuq il-wiċċ tal-mejda tas-salott, il-mamà kienet dejjem tiġri warajja b’xi frotta mqattgħa fil-kikkra. Ma kontx għadni naf nitkellem għax kieku kont ngħidilha, “Ma nħobbux il-frott!”
“Tih it-tuffieħ,” kienet tgħidilha n-nanna, “għandu bżonn il-ħadid.” U araha tqaxxarli t-tuffieħa dritt minn ġol-kannestru, għadha bit-tabella mwaħħla mal-qoxra.
Paġna 1
null
Iz-zija Dora kienet ta’ spiss tiġi żżurna u lili kienet iġġibli xi ħaġa speċjali, “Hawn sabiħ, ejja nqaxxarlek larinġa tad-demm,” filwaqt li żżidli l-vitamini mal-lista tas-sustanzi li għandi nieħu kuljum. Wara li naqlgħalha l-istiker, li tgħid minn fejn inqatgħet il-larinġa, kien ikolli nikolha filwaqt li nross għajnejja ma’ xulxin, l-aktar jekk tkun xi ftit qarsa.
Imma jien jaħasra nsibu tqil wisq dal-frott kollu għall-istonku ċkejken tiegħi. U mhux aħjar inqatta’ l-ħin nilgħab milli naħli dak il-ħin kollu niekol il-frott? Meta nikber żgur ma nagħmilx bħalhom u mmur noqgħod nixtri l-frott li ġej mill-bogħod.
Paġna 2
null
Darba waħda, il-Ħadd filgħodu, in-nannu Pawl ġie għalija u qalli li kien se joħodni festa. Tgħidx kemm lestejt kmieni u għamilt xagħri bl-ilma biex ma joqgħodx jitgerfex. Tħassibt ftit kif kien se joħodni festa filgħodu għax il-festi li kont niftakar kollha filgħaxija kienu, imma man-nannu dejjem ħadt gost, joħodni fejn joħodni.
Fil-karozza stajt ninduna li n-nannu kien ħerqan biex jasal. Qalli li din xi ħaġa li qatt ma rajt bħalha. U hekk kien għax kif wasalna rajt kullimkien aħmar u l-arja kellha riħa tfuħ. Kien ħadni l-festa tal-frawli. Xi bdiewa kienu għamlu din il-festa biex juru l-frawli tagħhom. Kien hemm kull frotta l-ġmiel tagħha. Xtaqt immissu biex nara jekk kienx ta’ veru imma fl-istess ħin bżajt li ngħaffġu daqskemm kien sabiħ.
Paġna 3
null
Ġew ħafna nies u kien hemm min beda jduq il-frott.
“Trid idduqu?” staqsieni xi ħadd. Dort biex nara min kien u nsib tifla liebsa beritta bi frawla rrakkmata fil-ġenb. Kellha wiċċha mċappas kollu meraq aħmar u wiċċi ħassejtu vampa bil-mistħija. It-tifla newlitli frawla. Ma xtaqtx ngħidilha le, jew li ma nħobbx niekol frott, u ħadthielha minn idha.
Paġna 4
null
It-tifla baqgħet tħares lejja, tistennieni nibda niekol u aktar ħassejt wiċċi jaħraq. Gdimt gidma bil-ħatfa. Il-frotta nfaqgħet f’ħalqi. Tant kienet tajba u ħelwa li xraqt u t-tifla bdiet tidħak bija. Mur għidilha kemm kienet tad-daħk hi b’dak il-wiċċ imżelleġ!
“Trid oħra?” reġgħet staqsietni, did-darba kollha serjetà.
Ħarist biex nara fejn kien in-nannu. Kien qed jitkellem ma’ xi bejjiegħa. Stajt noqgħod ftit oħra hawn. Għamilt sinjal b’rasi biex it-tifla ttini frawla oħra.
It-tifla kompliet tiekol miegħi u hekk kif ħadna gidma flimkien imtlejna kollna meraq. Infqajna nidħku. Malajr għamilna ħbieb. Qaltli li kien jisimha Sefora u li dak il-frawli kien kollu minn tagħhom. Staqsietni jekk irridx immur indur l-imwejjed magħha ħalli turini aktar frawli. In-nannu ma qallix le xħin staqsejtu, aktar u aktar meta ltaqa’ ma’ xi żewġt iħbieb u erħilhom ireddnu fuq kulma jaraw.
Paġna 5
null
Lil Sefora kien jafha kulħadd u stajt ninduna li t-tifla kienet f’aptitha sew. Ma’ kull frotta li tieħu hi kienet tagħti waħda lili. Ngħid għalija dak il-frott veru għoġobni. Kellu riħa tal-ġelati li kont niekol fis-sajf.
“Trid inkomplu nduru ftit ieħor?” staqsietni Sefora.
Jien ħassejt żaqqi se tixpakka imma fl-istess ħin ma xtaqtx ngħidilha le. Wara li Sefora ħaditni ħdejn mejda mimlija torti żgħar ersaqna lejn mejda mimlija bil-frawli frisk.
“Hawn, Sefora,” qaltilha mara li ġiet mal-mejda, “għandek torta għalik u oħra għall-ħabib tiegħek.”
Paġna 6
null
Imnalla kont sibt lil Sefora għax aqta’ kemm gawdejt. Kull fejn tħares kien hemm prodotti magħmulin bil-frawli frisk. Sefora riedet iddawwarni mal-post kollu. Qagħdet tispjegali li l-frawli kollu li kien hemm kien kollu mkabbar min-nies tar-raħal tagħha.
“Anke jien ġieli mmur ngħin biex jinqata’ l-frawli,” bdiet tgħidli.
“Aħħ, tajjeb, min jaf kemm tiekol frawli int u taqta’!” għidtilha jien li kultant bdejt inħossni ngħir għaliha.
“Ħeqq, x’taħseb?” qaltli Sefora bid-daħka.
Lura d-dar jien u n-nannu ħadna qoffa frawli magħna. Dik il-lejla kont għadni ma xbajtx. Kulħadd skanta jarani niekol il-frawli bil-qalb. Minn dakinhar sirt inħobb il-frawli. U kultant għadni naħseb f’Sefora taqta’ l-frott minn tagħhom, tieklu u ddellek wiċċha kollu meraq tal-frawli.
Paġna 7
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations