(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Id-Daqqaq tal-Fifra
Darba waħda kien hemm belt jisimha Hamelin. Maġenbha kien hemm xmara twila. Vapuri mimlijin bil-qamħ kienu jgħaddu minn din ix-xmara u jħottu l-merkanzija tagħhom fil-port ta’ Hamelin.
Paġna 1
F’Hamelin kien hemm bosta mħażen, imtieħen, fran u ħwienet. Il-poplu kien imħabbat, jgħabbi u jħott, jitħan, isajjar u jiekol, u ma kienx jagħti kas iż-żibel u l-ħmieġ li beda jinġema’ fit-toroq. Iż-żibel beda jġib il-firien, u għalhekk kien hemm bżonn li jsir xi ħaġa.
Paġna 2
Il-poplu mar għand is-sindku u staqsieh x’qed isir dwar din il-problema tal-firien. Is-sindku ħareġ fil-gallarija u qalilhom, “Għeżież ċittadini ta’ Hamelin, tistgħu sserrħu raskom li dak li hemm bżonn isir qed isir.”
Paġna 3
In-nies ma tantx niżlitilhom din, imma marru lura d-dar biex jaraw x’kien qed isir. Imma fil-verità ma kien sar xejn. Iż-żibel baqa’ fit-toroq u l-firien fl-imtieħen, fil-fran, fil-ħwienet u fid-djar. Anzi, il-firien kienu kotru u kibru.
Paġna 4
Il-poplu kien irrabjat u reġa’ mar għand is-sindku. Ried ikun jaf sal-inqas dettall dwar x’se jagħmel.
Meta s-sindku ma ħariġx fil-gallarija, il-poplu beda jipprotesta. “Ma rridux firien! Ma rridux firien!”
Paġna 5
Fl-aħħar is-sindku ħareġ fil-gallarija u b’vuċi mbeżżgħa avżahom li kellu pjan.
“Għeżież ċittadini, se ssir toqba kbira fl-inħawi ta’ barra l-belt ta’ Hamelin. Iż-żibel kollu ta’ ġot-toroq għandu jinġarr għal ġo fiha u l-firien għandhom jinqatlu. Ma ndumux ma naraw lil Hamelin nadifa!”
Paġna 6
F’qasir żmien it-toqba mtliet biż-żibel u l-firien mejta, u għattewha bir-radam. Dan ma kienx biżżejjed. Il-firien kellhom ħafna fejn jistaħbew fil-belt u bosta ikel x’jieklu. Ma damux ma reġgħu kotru aktar minn qabel.
Paġna 7
Kif tistgħu timmaġinaw, il-poplu kien irrabjat ħafna. Għal darb’oħra mar għand is-sindku biex jipprotesta.
“Eħlisna mill-firien jew warrab!”
“Eħlisna mill-firien jew warrab!”
Paġna 8
Meta s-sindku ħareġ fil-gallarija, avża li qed joffri premju ta’ elf biċċa tad-deheb lil min jirnexxilu jeħles il-belt mill-firien.
L-għada stess wasal stranġier f’Hamelin. Ħwejġu kienu kollha kuluri u kellu kappell miksi bir-rix, imħar u għadam. M’għonqu kellu mdendla fifra lewn id-deheb.
Paġna 9
L-istranġier mexa sal-pjazza u qal lis-sindku li għal elf biċċa tad-deheb seta’ jeħles il-belt ta’ Hamelin mill-firien kollha.
Is-sindku aċċetta mill-ewwel u d-daqqaq tal-fifra ħareġ ’il barra.
Paġna 10
Daqq l-ewwel nota fuq il-fifra u sejjaħ lill-firien kollha tal-belt. Daqq nota oħra u l-firien ta’ Hamelin ħaffew għal ħdejh.
Paġna 11
Kif waslu, id-daqqaq tal-fifra beda jdoqq melodija ferriħija u ħareġ jiżfen ’il barra mill-pjazza, bil-firien jiġru warajh sal-port.
Kif waslu fejn ix-xmara, mess sebgħu mal-ilma u l-firien qabżu ġox-xmara u għerqu. Meta l-aħħar far għereq fix-xmara, id-daqqaq tal-fifra waqaf u mar lura lejn il-pjazza tal-belt.
Paġna 12
Is-sindku ħareġ fil-gallarija u d-daqqaq tal-fifra talbu l-elf biċċa tad-deheb. Is-sindku qallu, “Elf biċċa tad-deheb? Il-firien għerqu waħedhom fix-xmara u int kemm qgħadt tiżfen u ddoqq il-fifra! Ħu dawn l-erbgħin biċċa tad-deheb u daqshekk.”
Paġna 13
Il-poplu ta’ Hamelin qabel mas-sindku u daħqu bid-daqqaq tal-fifra filwaqt li mexa ’l barra mill-belt. L-għada f’Hamelin kienet festa u l-adulti kienu kollha fil-knisja. Id-daqqaq tal-fifra reġa’ daħal fil-pjazza tal-belt.
Paġna 14
Daqq nota biex isejjaħ lit-tfal kollha. Imbagħad daqq nota oħra u t-tfal bdew jiġru u jaqbżu ’l barra mid-djar lejn il-pjazza tal-belt.
Kif inġabru lkoll ħdejh, id-daqqaq tal-fifra beda jiżfen ’il barra mill-pjazza. It-tfal kollha bdew mexjin warajh, ilkoll ferħanin jgħajtu u jidħku.
Paġna 15
Kif semgħu l-istorbju, l-adulti bdew isejħu lit-tfal biex imorru lura, iżda dawn ma bdewx jisimgħuhom. Kif waslu ħdejn il-muntanja nfetaħ bieb u d-daqqaq tal-fifra flimkien mat-tfal bdew jiġru u jaqbżu biex jidħlu ġewwa.
Paġna 16
Maż-żmien il-poplu beda jinsa u l-ħajja kompliet bħal qabel. Vapuri mimlija qamħ waslu max-xatt u ħattew it-tagħbija tagħhom. Ma damux wisq ma reġa’ kellhom il-fosos mimlija bil-qamħ, imma qatt ma reġgħu raw lid-daqqaq tal-fifra.