(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ġanluka u Maruska 10: Borża Ħelu

Kull nhar ta’ Ġimgħa, l-aħwa Ġanluka u Maruska jmorru għal-lezzjoni tat-tpinġija għand is-Sur Briffa, f’raħal viċin fejn joqogħdu huma. Kemm biex imorru kif ukoll biex jirritornaw lura d-dar, it-tfal jaqbdu l-karozza tal-linja.
null
Paġna 1
Jum wieħed wara l-lezzjoni tat-tpinġija, bħas-soltu, l-aħwa Ġanluka u Maruska ħaffew lejn l-istejġ biex jistennew il-karozza tal-linja tasal. Imma xi kju kien hemm! Donnu li dakinhar kulħadd kien iddeċieda li jirkeb l-istess karozza tal-linja li riedu jirkbu huma.
null
Paġna 2
Wara xi ħames minuti jistennew, il-karozza waslet kważi mimlija u Maruska bdiet tinkwieta li mhux se jilħqu jirkbu. B’xorti ħażina huma kienu l-aħħar fil-kju, għalhekk kellhom jistennew lil ta’ qabilhom jirkbu.
null
Paġna 3
Kif waslu biex jitilgħu t-tfal, ix-xufier avża li kien fadal żewġ postijiet biss. Maruska ħadet ir-ruħ, għax hi u ħuha kienu laħqu post fil-karozza bl-eżatt. Imma xħin Ġanluka ħares lura ntebaħ li kien fadal anzjana warajh li ma laħqitx post.
null
Paġna 4
Bla ma qagħad jaħsibha darbtejn, it-tifel kien pront niżel biex titla’ l-anzjana minfloku. Meta Maruska ndunat li ħuha kien niżel mill-karozza, pruvat tinżel warajh, imma kien tard wisq għax ix-xufier laħaq beda jsuq. L-anzjana resqet lejn Maruska u wara li talbitha tirringrazzja lil ħuha tal-qalb tajba li kellu, tatha borża ħelu għalih.
null
Paġna 5
Kemm inkwetat Maruska! Sa ma waslet id-dar kienet bdiet tibki. Sejħet minnufih lill-mamà u qaltilha li Ġanluka kien għad fadallu mhux ħażin biex jasal għax postu fil-karozza tal-linja kien ċedieh lil mara anzjana. Il-mamà tbissmet u qaltilha li Ġanluka kien wasal id-dar ftit qabel.
null
Paġna 6
X’sorpriża ħadet Maruska! Lanqas riedet temmen lil għajnejha. Ġanluka qalilha li dak il-ħin inzerta ħiereġ mid-dar ta’ wara l-istejġ it-Tabib Spiteri, u meta rah iċedi postu lill-anzjana, offra li jwasslu d-dar hu bil-karozza tiegħu. Maruska ftakret fil-borża tal-ħelu li tatha l-anzjana u newlitha lil Ġanluka. Ġanluka ħass li ma kellux jikolha kollha waħdu u kien pront qasamha m’oħtu!
null
Paġna 7
Tmiem