(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Ġanluka u Maruska 07: Il-Wiżża tan-Nannu
Ġanluka u Maruska kienu qegħdin bilqiegħda għall-frisk fil-bitħa tar-razzett tan-nanniet tagħhom. Kienet ġurnata sajfija u waqfu ftit jistrieħu mil-logħob. Saru għarqanin xraba u qabadhom ħafna għatx ukoll.
Paġna 1
In-nanna Minka kienet pronta newlitilhom żewġ tazzi ruġġata kiesħa u żewġ ħawħiet ħomor kull wieħed mill-friġġ. It-tfal tgħidx kemm iħobbuh il-frott tas-sajf, speċjalment dak li jkun maqtugħ mis-siġar tan-nannu Karm. Minbarra li jrabbi xi annimali, in-nannu għandu wkoll ħafna siġar tal-frott fosthom siġar taċ-ċitru, tal-ħawħ, tal-għanbaqar u tal-bambinella.
Paġna 2
Fl-għelieqi tiegħu n-nannu jiżra’ wkoll il-bettieħ, id-dulliegħ u d-dwieli tal-għeneb. L-għaxqa tiegħu jindukrahom u jarahom jikbru, u tgħidx kemm iħossu kburi meta xi ħadd jgħidlu li itjeb mill-frott tiegħu m’hawnx. Il-ħawħ huwa l-frott favorit ta’ Ġanluka, u ta’ mqareb li hu xħin kiel iż-żewġ ħawħiet li tatu nanntu, beda jgħid li ħawħa minnhom kienet ħadithielu waħda mill-wiżż u b’hekk ried oħra.
Paġna 3
Din il-biċċa xogħol beda jagħmilha kull darba li n-nanniet jagħtuh xi ħaġa li togħġbu. Daqqa jgħid li xi wiżża ħaditlu xi frotta u drabi oħra jgħid li ġiet Bjanka l-kelba u kilitlu xi nofs platt għaġin. Sintendi n-nanniet ma kinux jemmnuh, għalhekk in-nannu Karm iddeċieda li jagħtih lezzjoni u ħejja pjan.
Paġna 4
L-għada l-aħwa kienu qegħdin bħas-soltu fil-bitħa jieklu fergħa għeneb iswed u għal darb’oħra Ġanluka beda jgħid li l-għeneb tiegħu kienet kilitlu nofsu l-wiżża li kien hemm taħt is-siġra l-kbira tal-lumi. In-nannu Karm staqsieh xi darbtejn jekk hux ċert li l-wiżża kienet li kilitlu l-għeneb. Imma ta’ xejn in-nannu qallu li l-wiżż ma jħobbux l-għeneb, għax it-tifel baqa’ jinsisti li l-wiżża ta’ taħt is-siġra kilitlu l-għeneb.
Paġna 5
In-nannu kien pront qam u mar refa’ l-wiżża minn taħt is-siġra u poġġieha f’ħoġor Ġanluka. Kemm staħa t-tifel meta induna li l-wiżża li kellu fuqu kienet wiżża bbalzmata! Wara n-nanniet fehmuh li meta jkun jixtieq xi ħaġa għandu jitlobhom u żgur li mhux ser jgħidulu le. Hekk aħjar milli joqgħod jigdeb.